It-tieni mistoqsija li staqsejt lil
għadd ta’ poeti li qed jiktbu llum kienet din:
Ir-rabta bejn il-poeta u l-aħbarijiet
kurrenti. Xi tgħid dwar dan? Liema hija l-aħħar aħbar kurrenti li ispiratek
biex tikteb poeżija?
AMANDA BUSUTTIL: M’hemmx xi ngħidu li l-aħbarijiet kurrenti għandhom
influwenza kbira fuq il-kittieb u l-poeta. L-affarijiet li jiġru dejjem iħallu
influwenza kbira fuq ħajjet il-poeti. Fil-fehma tiegħi, dejjem nippruvaw
inqabblu ż-żmien preżenti mal-imgħoddi u ngħidu ‘Dak kien żmien mhux bħal-lum!’
Iż-żmien li għexna fil-passat, fil-ħajja ta’ kull individwu li naf, dejjem
jistqarr li kienet aħjar minn tal-lum! U t-tfal tal-lum, għad jgħoddu l-illum
b’għażiż meta huma jikbru wkoll u jsiru ċ-ċittadini ta’ għada. Bħala aħbar
kurrenti li ispiratni nikteb poeżija naħseb hija meta smajt bil-fekruna
tal-baħar li bejtet fir-ramla tal-Ġnejna, aħbar li għalija kienet bħal ħolma u
tassew fraħt bil-wisq li l-gżejjer Maltin għadhom mseddqa bil-kreaturi tant
sbieh li sawwar il-Ħallieq.
CARMEL G. CAUCHI: Naħseb li kull poeta jiġi, ftit jew wisq, ispirat
mill-ġrajjiet kurrenti għax il-poeta għandu qalb sensittiva. Jien ukoll,
minkejja li l-poeżija tiegħi hi x’aktarx ta’ xejra personali, xi drabi nkun
ispirat minn dak li jkun jiġri ’l barra minni. Mhux kull aħbar fuq ir-radju
tispirani biex nikteb poeżija, imma jkun hemm xi wħud mill-aħbarijiet li
jolqtuni u jqajmu fija ħafna emozzjoni. Meta jiġri hekk aktarx li nesprimi dak
li nkun inħoss permezz tal-poeżija.
L-aħħar aħbar kurrenti li ispiratni
kienet dik li ħarġet nhar is-Sibt 19 ta’ Mejju 2012. Kienet tgħid li fi Brindisi, l-Italja, tpoġġiet bomba qrib
l-entratura tal-iskola “Francesca Morvillo Falcone”. Kienet programmata biex
tisplodi waqt li t-tfajliet studenti jkunu deħlin l-iskola. L-isplużjoni feriet
ħamsa minnhom gravament u qatlet liż-żagħżugħa
Melissa Bassi.
CHARLES MIFSUD: Naħseb li l-poeta hu dejjem istitivament
attent dwar dak li qed jiġri madwaru, anke jekk mhux dejjem jesprimi bil-kitba
ħsibijietu. L-aktar fost l-aħbarijiet kurrenti li laqtitni kienet
il-miġja fostna ta' numru kbir ta' emigranti klandestini li waslu fuq xtutna.
Dan minħabba raġunijiet varji, fosthom: Dawn għaliex qed jaħarbu minn
pajjiżhom? X'konsegwenzi qegħdin joħolqu għal pajjiżna? Umanament
għandna nilqgħuhom b'idejna miftuħa? Jista' jkun li jġibu magħhom mard li
forsi fostna għad m'għandniex?!
EMMANUEL ATTARD CASSAR: Ilni ma nkun ispirat mill-politika. Xi snin ilu qrajt
il-ktieb “The Kite Runner” ta’ Khaled Hosseini li hu Afgani jgħix fl-Istati
Uniti u f’dal-ktieb tinħass is-sbuħija ta’ artu daqskemm jinħassu l-effetti
koroh tal-gwerra. Kont ilni biex nikteb poeżija dwar l-Afganistan. Kont għamilt
anki tiftix dwar dan il-pajjiż imma l-poeżija bqajt ma ktibthiex. Illum iżda
ktibt verżjoni qasira ta’ dak li ridt nikteb aktar fit-tul.
DUN GEOFFREY G. ATTARD: L-aħħar aħbar kurrenti li wasslitni biex ktibt poeżija
kienet iċ-ċelebrazzjoni tal-125 sena minn meta r-Rabat ta’ Għawdex ngħata l-istatus ta’ belt mir-Reġina Victoria
bil-ħidma ta’ Sir Adrian Dingli u Mons. Isqof Pietru Pace nhar l-10 ta’ Ġunju
1887. Billi minn ċkuniti – anzi sa minn
meta niftakar – għext u trabbejt fir-Rabat t’Għawdex, kien ilni bi ħsiebi
nikteb xi ħaġa dwar dan, imma ċ-ċelebrazzjoni proprja wasslitni biex ħassejtni
kważi fid-dmir li nikteb. Il-muża
għenitni wkoll għax ktibha bla ma waqaft sakemm lestejtha kważi kważi f’nifs
wieħed. (Din il-poeżija dehret il-ġimgħa l-oħra.)
GODWIN CINI: L-aħbarijiet iva jistgħu jispirawk...
bħal inkwiet fil-pajjiżi Għarab jew gwaj fil-Ġappun u l-Italja jew inċidenti
tat-traffiku.
JOHN MALLIA: Il-ġrajjiet kurrenti jafu jinbxu lill-poeta biex
jikkummenta dwarhom b'xi nisġa poetika. Id-diżastri naturali mifruxin
madwar id-dinja u dak li ġara fil-Parlament Malti ħajruni nħażżeż xi versi.
JONATHAN BALZAN: Qed ikun hawn
wisq revoluzzjonjiet ta’ grajjiet kurrenti li difficli tlaħħaq magħhom kollha
biex tikteb, ngħid għalija! Fuq nota nazzjonali, naħseb ħafna fuq l-ambjent
Malti u l-iżviluppi f'posthom jew le li jolqtu l-ambjent. Bħalissa fuq
il-festi.
JOSEPH SCIBERRAS (Ħ’ATTARD): L-aħbarijiet kurrenti jaffetwawni fil-poeżija, speċjalment meta nara
t-tbatijiet, ħsarat eċċ. L-aħħar aħbar kienet f’għeluq l-10 anniversarju
ta’ 9/11 i.e. Settembru 2011.
KEVIN TANTI: Naħseb li poeta jispirawh
ħafna l-ġrajjiet kurrenti. Kultant tkun kelma, aħbar , jew xi ħaġa li tkun rajt fuq il-mezzi tax-xandir. Min-naħa
l-oħra kultant nispira ruħi minn xi ġrajja li tkun qed issir imma tieħu idea minn dak li jkunu qed jgħidu n-nies fit-triq,
kultant anke minn kif iħarsu
lejha nies li ma jifhmux dak li jkun qed jingħad
jew ikunu indifferenti lejn dak li jkun qed jingħad. Kultant jekk nipprova
naħseb x’se nikteb ma nsibx suġġett, imbagħad nisma’ xi ħaġa u tolqtok u jirnexxielek
torqom erba’ versi.
Ovvjament l-aħħar avveniment li laqatni kienu l-kampjonati tal-futbol, fejn
bħal ma jiġrili dejjem inħossni imweġġa’ nara bnadar jixxejru u innijiet
jitkantaw min-nies Maltin.
LEANNE ELLUL: Dan l-aħħar qamet il-kwistjoni tat-tatwaġġi
fuq il-pulizija. Għad illi m'għandix kuraġġ nagħmel waħda jien, l-idea tagħhom
taffaxxinani. Fil-fatt, il-punt tat-tluq għall-poezija li ktibt dan l-aħħar
kienet din l-idea. Ħafna drabi l-punt tat-tluq mhux dejjem ikun il-qofol
tax-xogħol finali tiegħi iżda xi rabta, imqar żgħira, dejjem ikun
hemm. It-terremoti u l-bidla li għaddejja minnha d-dinja bħalissa wkoll
tispirani. Għal darba oħra, din l-idea hi biss punt tat-tluq. Il-bidla jew
in-nuqqas ta' bidla aktarx illi jkunu t-temi tal-poeżiji. Tibqa' tolqotni wkoll
il-kwistjoni tal-inġustizzji speċjalment fejn jidħlu kwistjonijiet ta' flus.
Għaliex 'min mejjet għal qatra u min mejjet fis-sakra'? (Il-poeżija tatwaġġ
dehret is-Sibt li għadda.)
MARIO ATTARD: Il-kittieb qatt ma jista’ jkun maqtugħ mill-media. Filwaqt li l-media tirrapporta
rapportaġġ fattwali, il-kitba letterarja hija interpretazzjoni tar-realtà. Meta
tisma’ bil-konsegwenzi li ħallew it-terremoti bl-aħħar wieħed ikun dak f’Bologna,
tisma’ b’dak li jinsab għaddej fis-Sirja, l-instabbilità ekonomika... tasal
biex tistaqsi x’inhuwa jiġri? Kemm hemm minn dawn l-avvenimenti li jistgħu
jissolvew u hekk l-aħbarijiet li jinvaduna ma nafx kemm-il darba ma’ kuljum
ikunu inqas ta’ wġigħ. Ta’ kuljum, jiena nipprova nemmen li fost l-aħbarijiet
se nisma’ mqar aħbar waħda pożittiva. Nifraħ meta nisma’ li f’xi zoo jew park twieldet xi panda jew li grupp ta’ fkieren iddewwew u telquhom
fil-libertà tagħhom fost manifestazzjoni ta’ festa ta’ ferħ u sodisfazzjon.
Diversi kienu l-aħbarijiet kurrenti li laqtuni, imma
l-iktar waħda partikulari kienet tas-tsunami fil-Ġappun u li jiena arrestajtha
fil-poeżija Spazi Confusi (bil-Malti
u bit-Taljan).
MAURICE MIFSUD
BONNICI: Il-poeta huwa osservatur mhux biss
tal-ambjent iżda mhux inqas tal-aħbarijiet kurrenti. Josservahom u jħoss
f’qalbu u jara u hemm tiġih l-ispirazzjoni u d-dispożizzjoni. L-aħħar
aħbar kurrenti li nikktitli qalbi kienet il-mewt ta’ oħti Henriette u din
nebbħitni biex nikteb poeżija li ħarġet minn qalbi għaliha. Hija poeżija
bl-Ingliż.
MIRIAM ELLUL: L-aħbarijiet kurrenti illi jnebbħu l-poeta huma ħafna ...
il-poeta jaf isib kliem għal hafna sitwazzjonijiet, l-aktar biex iserraħ
il-qalb mid-dwejjaq u l-problemi ta' kuljum. Il-poeta kapaċi jagħmel dan billi
jżejjen il-poeżija bis-satira jew bl-umoriżmu u jdawwar il-monotonija dejjiema
fi tbissima.
OMAR SEGUNA: Jien inqis
il-poeżija bħala mezz kif il-poeta jwassal messaġġ. Fil-fatt ngħid li l-poeta għandu wkoll dan
id-dover u missjoni. Ilkoll nafu
l-influwenza tal-poeti fir-rivoluzzjonijiet kbar politiċi u kulturali. B’xorti ħażina nemmen li l-poeti Maltin
(inkluż jien) għad baqgħalna ftit x’naħdmu fuq dan l-aspett.
Kien hemm diversi temi li matul
iż-żmien qanqluni biex nikteb xi poeżija.
Ktibt fost oħrajn fuq l-ambjent jew aħjar il-qerda tiegħu, il-11 ta’
Settembru 2001, il-paċi u l-gwerra, il-globalizzazjoni, l-ispid kameras,
il-ġlieda politika-reliġjuza tas-snin sittin, u x-xogħol u l-ħaddiema. Insemmi b’mod partikolari il-poeżija “Ondate
di Bombe su Bagdad” li kellha suċċess barra minn xtutna, li fiha ħadt
pożizzjoni kontra l-gwerra fl-Iraq.
Poeżiji riċenti jittrattaw fost oħrajn l-abbuż fuq it-tfal, u l-kriżi
fis-Sirja.
RAYMOND GRECH: M’għandniex xi ngħidu, l-aħbarijiet jaffetwawni speċjalment meta nisma’ u nara
bnedmin u annimali maħqura. L-aħħar aħbar li ħalliet impatt fuqi kienet dik ta'
tifel mitluq bil-ġuħ ġo art imbiegħda; b'dak id-dmugħ innoċenti jiżżeraq ma’
ħaddejh. Ħassejt qalbi tingħafas, xtaqt nagħmel xi ħaga u ħlief poeżija ta'
tama ma stajtx inlissen. Tlaqt kull ma kelli f'idi u qbadt nikteb u wellidt
poeżija li nittama tkun ta' għajn ta' fejda għal sitwazzjonijiet simili.
Staqsejt għaliex din id-dinja twettaq tant kefrija, staqsejt x'jista' jsir u
kif, staqsejt meta ser jieqaf dan l-uġigħ kollu. Tama waħdanija hemm, li
d-dmugħ tat-tfajjel u dak tiegħi jitilgħu quddiem il-Mulej u bis-sabar
nistennew it-tmiem ta' din id-dinja krudila. Id-dmugħ qatt ma jixxerred
għalxejn!
SALV SAMMUT: L-aħbarijiet kurrenti xi drabi aktar iva milli le juruni biss in-negattiv
tal-ħajja. Il-ħażen jieħu s-sopravvent fuq tant aħbarijiet pożittivi. Juruni
kemm il-bniedem ma jafx jgħix fil-kwiet u jgħożż dak li tatu n-natura sakemm
din ma taqbżilhiex ukoll u turina snienha u kulħadd jidħol f’qoxortu. L-aħbarijiet kurrenti ta’ Malta nipprova ma
narahomx għaliex ma jkollix aptit nivvjaġġa l-ewwel fl-infern, imbagħad
fil-ġenna u wara fil-purgatorju. Il-politika Maltija m’għadhiex tinteressani
għaliex ma fihiex wisq x’tagħżel minn wieħed għall-ieħor. Donnu li l-aħħar
paġna f’Animal Farm qed isseħħ f’pajjiżna. Kulħadd iwiegħed u jilgħaq
l-aqwa li niksbu dik l-iva kull ħames snin. Ħasra li poeti Maltin ma jurux
fehemthom u jiktbu dak li jaraw minn lenti mhix imtappna mill-fwar ta’ politika
partiġjana. Jien meta dan l-aħħar kienet għaddejja s-saga ta’ voti ta’ sfiduċja
f’dak u fl-ieħor fil-Parlament rajt kemm għandna politiċi foqra. Fil-fatt ktibt
żewġ poeżiji dwar l-aħbarijiet u dwar il-boloh li joqogħdu jitbaqbqu fuq
il-politika. (Il-poeżija Boloh dehret is-Sibt li għadda.)
STEFANO FARRUGIA: Jiena mhux biss nikkondividi l-ħsieb li l-aħbarijiet
kurrenti għandhom rabta intima mal-poeta, imma fil-ftit snin li ili nikteb
il-poeżija tgħallimt infittex li nipprattika dan il-kredu, għax il-kittieb ma
jistax jinfatam għalkollox mir-realtà immedjata li hu nnifsu hu parti minnha u
mir-responsabbiltà li għandu bħala osservatur tal-verità, u għalhekk forsi bla
ma jkun jaf din l-istess verità timbuttah biex jikteb b’manjiera partikulari u
fuq temi reali li mhux bilfors jogħġbu lil kulħadd għax jolqtu ’l dak li jkun
fil-laħam il-ħaj. Fil-fatt għadd ta’ poeżiji tiegħi huma mnebbħa minn ġrajjiet
riċenti li seħħew fid-dinja u ħallew marka indelibbli fuq l-imħuħ u l-mod
tal-għajxien ta’ popli differenti. B’dan il-ħsieb ktibt il-poeżija “Flaxbekk”
ftit aktar minn sena ilu, li kelli l-privileġġ ningħata l-ewwel premju permezz
tagħha fit-taqsima tal-poeżiji bil-Malti fil-Konkors Nazzjonali tas-sena
l-oħra.
Hi poeżija miktuba b’suffraġju
għall-vittmi tat-terremot u t-tsunami qerrieda li laqtu l-gżira tal-Ġappun
fil-11 ta’ Marzu 2011, u li lili fakkruni wkollfi ġrajjiet oħra ħorox li seħħew
fl-imgħoddi kemxejn imbiegħed u aktar riċenti: il-bomba atomika li twaddbet
mill-Amerikani fuq Nagasaki u Hiroshima fil-Ġappun lejn tmiem it-Tieni Gwerra
Dinjija u ġabet ħerba sħiħa bħat-tsunami fl-istess pajjiż, kif ukoll it-tsunami
preċedenti li seħħ fis-26 ta’ Diċembru 2004 fis-Sri Lanka u fil-kollass totali
u devastanti taż-żewġ torrijiet tal-World
Trade Center f’New York fil-11 ta’ Settembru 2001 b’żewġ ajruplani tal-passiġġieri
maħtufa minn terroristi tal-grupp Al-Qaeda li baqgħu deħlin dritt fil-qalba
tagħhom b’mod deliberat u ħalleweluf ta’ nies mejta u oħrajn midruba serjament
jew imbeżżgħa ferm għal għomorhom minħabba t-trawma enormi li seħħilhom jgħaddu
minnha intortament.
THERESE
PACE: Kull poeta ta’ veru qabel ma jsir poeta jrid
ikun semmiegħ u osservatur tajjeb. Jara u jixtarr dak li jkun iseħħ
madwaru, jifforma opinjoni li mbagħad jesprimi fi kliemu jew biex joħloq
kuxjenza jew biex jifraħ bil-ħajja jew jistrieħ mill-piż ta’ xi sitwazzjoni li
ttih ġewwa. Minħabba li ebda bniedem ma jista’ jgħix maqtugħ għalih waħdu għax
aħna lkoll niffurmaw parti minn komunità, il-ġrajjiet kurrenti jħallu effett
fuqna li lili jispirani ħafna fil-kitba. Dan l-aħħar influwenzawni ħafna
l-ġrajjiet li żviluppaw fit-tramuntana tal-Afrika għax ħallew ħafna niket,
firda u mwiet.
Xi
poeżiji li nkitbu f’rabta mal-aħbarijiet kurrenti:
Il-Ġnejna kburija
Il-baħar maġiku Malti
ikanġi fix-xemx leqqiena
stieden lill-fekruna omm
iġġib l-frieħa f’benniena.
l-għaram dawruna
bl-ahbar tant kbira
ta’ frieħ il-fekruna.
Grazzi ja fekruna leali
Li għażilt lilna l-Maltin
Fdajtilna l-uliedek
Għamiltna kburin.
Bħal Pawlu ġejt mill-baħar
Ġeddidt fina fidi fin-natura
Biex min jara, jemmen
Jiftakar f’għeruqna
jħares lura…
Kemm Malta kienet għanja
fiż-żmien tal-glorja
dil-fekruna ftakritna li
hawnhekk naqxet Storja.
Amanda Busuttil
24.06.2012
MELISSA BASSI
(Miktuba fl-okkażjoni tal-mewt traġika
tal-studenta Melissa Bassi u l-feriment gravi ta’ ħamsa minn sħabha fi Brindisi
l-Italja, is-Sibt 19 ta’ Mejju 2012.)
Il-pinna ma ssibx kliem biex tista’ tfisser
is-swied
il-qalb, ir-rabja, l-istmerrija
għal min
b’għemil krudil ġab ħerba sħiħa
u
feriment u wġigħ u mewt bikrija.
Il-linka sewda mhix sewda biżżejjed
biex
tiddeskrivi l-kruha ta’ dan l-att:
bomba
qerrieda mqiegħda maġenb skola
biex
teqred ward li m’għamel ħsara ’l ħadd.
Ħames tfajliet ilkoll midruba gravi
u mewt
qasir il-għomor għal Melissa
studenta
ta’ sittax fil-fjur tal-ħajja
li żgur
qatt ma stenniet x’mewt kellha tmissha.
Għaliex tinqered ħajjet l-innoċenti
b’idejn
minn irid jgħix ħajja vjolenti?
— Għax
minflok qalb li tħoss tjieba w mogħdrija
hawn minn ġo sidru jżomm ġebla
żonqrija!
Carmel G. Cauchi 20.06.12.
REFUĠJATI
Twieldu u kibru hemm,
f’dik l-art li tathom isem u
għarfien,
qiegħa li rathom tfal
jiġru u jilagħbu mingħajr ħsibijiet
tqal,
fejn kibru u bnew bejtiethom
mas-sieħba jew sieħeb għażlithom,
fejn ħadmu u stinkaw bl-għaraq ta’
ġbinhom
biex minnha jiksbu l-ġid
li kienet toffrilhom.
Imma kienu nies ġwejda
u fosthom nibtu nies
li kibru u stagħnew,
li ġabru magħhom klikek
ta’ nies bla qalb, ħajjiena,
nies bla rispett u ħniena.
Ħakmuhom,
ħaqruhom,
serquhom,
minkejja tant wegħdiet
sfaw nies bla drittijiet.
Taħt din it-tiranija,
quddiem din it-tbatija,
sarrew il-ftit li kien għad
fadlilhom,
u b’ta’ fuqhom senduqhom,
bla jafu fejn sejrin,
ħallew kollox warajhom,
ħarbu, sfaw eżiljati,
fittxew il-kenn f’art oħra
u saru refuġjati.
Charles
Mifsud
Afganistan
Daru magħmulha mill-kartun u d-drapp.
Afgani twieled u Afgani jrid imut.
Qalbu bħal daru.
It-tnejn imtertqa mill-irjieħ
u t-tnejn marbuta sodi mal-art
li fiha twieled u fiha jrid imut.
Ra ħafna ‘ħelliesa’
deħlin ġo artu bil-karrijiet u bl-ajruplani.
Kollha wegħduh paċi.
L-isem ta’ pajjiżu hu l-innu tiegħu
magħmul mill-kliem li raqqmu l-poeti.
L-għajta ta’ ‘Afganistan, Afganistan’
se tibqa’ r-ruħ li biha jgħix.
Emmanuel Attard Cassar
2012
MIL-LUM STESS
Ma rridux nisimgħu aktar,
Bl-inċidenti fit-triqat;
Ma rridux nisimgħu aktar,
lr-radju b’leħen stunat.
Ma rridux li fil-ġurnali,
Jkollna paġni imżellġin;
Bir-ritratti bl-inċidenti,
Ħajjiet b’ħajta imdendlin.
Ma rridux li naraw aktar,
Televixin b’kulur skur;
Ta’ kuljum b’inċident ieħor,
Qalb maqsuma u tant dulur.
Dak li qiegħed jinkwetana,
Meta jsir xi inċident;
Nibdew nibku u neqirdu,
Għall-mument kulħadd attent.
Bir-raġun ħajjitna tkompli,
Għax hawn aħna mal-ħajjin;
Tibqa’ magħna l-memorja,
Tal-imsejkna maħbubin.
U xi ngħidu mbqgħ’d għall-vittmi.
Ġewwa sptar idumu xhur;
Min jispiċċa ġewwa wheelchair,
Ħajtu ta’ fuq taħt iddur.
Irridu naraw triqtna,
B’żgħażagħ friski bħal fjuri;
Jikbru
jkattru u jisbieħu,
B’ħajja twila b’tant kuluri
GODWIN CINI
Egoiżmu
Id-dinja kollha nħasdet - u bla waqfien tbikkiet
hekk kif ommna n-natura - kisritha mal-ulied,
tfanstet u rasha saħnet - mikduda mir-regħbiet
li ħolqu pandemonju - u wasslu għal qerdiet.
Qamet mir-raqda sielma - u heżżet is-sisien,
mexxiet mewġa qerrieda - li kinset il-widien;
it-tbaqbiq tal-istonku - battlitu bla serħien,
vulkani rmew il-lava - u gerrxu lill-ġirien.
Biex tibred ftit mis-sħana - nefħet buffuri kbar
li lebbtu bla xejn rażan - sa stabtu fuq id-djar;
kien nifs tassew tal-biża' - li dlonk inbidel f'nar
li xtered f'ilsna fjammi - li ħallew ħafna mrar.
B'dil-arja xotta u sħuna - wiċċ l-art kien għoddu nħema,
għalhekk ommna n-natura - bdiet donnha tħenn għall-ġemgħa;
saflaħħar birdet naqra - u nfetħu bwieb is-sema
biex gelgel u sar xmara - id-dmugħ li kien inġema'.
Donnu li l-bniedem nesa - li dmiru jkun ħanin
bħalma ħanin hu Alla - li jindukrah kull ħin,
fil-liberta' li ngħata - warrab l-għażliet għaqlin
biex b'egoiżmu għama - twarrab minn kull twemmin.
John Mallia
Id-dinja kollha nħasdet - u bla waqfien tbikkiet
hekk kif ommna n-natura - kisritha mal-ulied,
tfanstet u rasha saħnet - mikduda mir-regħbiet
li ħolqu pandemonju - u wasslu għal qerdiet.
Qamet mir-raqda sielma - u heżżet is-sisien,
mexxiet mewġa qerrieda - li kinset il-widien;
it-tbaqbiq tal-istonku - battlitu bla serħien,
vulkani rmew il-lava - u gerrxu lill-ġirien.
Biex tibred ftit mis-sħana - nefħet buffuri kbar
li lebbtu bla xejn rażan - sa stabtu fuq id-djar;
kien nifs tassew tal-biża' - li dlonk inbidel f'nar
li xtered f'ilsna fjammi - li ħallew ħafna mrar.
B'dil-arja xotta u sħuna - wiċċ l-art kien għoddu nħema,
għalhekk ommna n-natura - bdiet donnha tħenn għall-ġemgħa;
saflaħħar birdet naqra - u nfetħu bwieb is-sema
biex gelgel u sar xmara - id-dmugħ li kien inġema'.
Donnu li l-bniedem nesa - li dmiru jkun ħanin
bħalma ħanin hu Alla - li jindukrah kull ħin,
fil-liberta' li ngħata - warrab l-għażliet għaqlin
biex b'egoiżmu għama - twarrab minn kull twemmin.
John Mallia
Ewrofever
Bnadar b’kuluri sebbħu l-atmosfera
kuluri varjati li jfissru pajjiż
ħwienet u areni b’kuluri tlewwnu,
u nstemgħet mużika tgħajjat, ferħ u qbiż
God save the Quenn, Fratelli d’Italia
man-noti tagħhom qabżu nies bil-mijiet
u għajtu bil-ferħ il- folol kbar ta’ nies
dawn is- sapporters ta’ dawn it-timijiet
Imma din qalbi bkiet tara dal-bnadar
u ttarxu widnejja għal dawk l-innijiet
Fejn kien it-tperpir bil-bajda ul- ħamra?
U fl-innu tagħna inħanqu l-vuċijiet?
Kevin Tanti
GĦALFEJN?
Għalfejn hemm
bżonn li tfaqqa’ l-gwerra
miex jinqatlu massa nies,
jitwaqqa’ bosta bini
u n-nisa jormlu u kull wild isir
iltim?
Għalfejn hemm bżonn jinfirdu
l-kopji
li jħallu l-ġliedjaħbilhom kemm
inħabbu
ujnessilhom‘l uliedhom kemm
sejrin ibatu?
Għalfejn il-poplu tagħna jinsa
l-kuluri kollha
u jemmen li l-aħmar u l-blu
jeżistu biss?
Nesieh lil wiċċ is-sema ikanġi
fuq ix-xefaq.
Għalfejn! Għalfejn jiġi l-Milied
kull sena
nifqgħu l-iskrijn bl-eluf ta’
ewro fl-Istrina
niġru l-ġirja tal-President b’nifisna
maqtugħ
bin-nies tħares lejna b’poplu
ġeneruż?
Imma meta mmissu mal-problemi.
Meta joffendulna l-ilwien,
moħħna jinsa li darba flimkien
tajna l-għotjiet
jitlef is-sens tar-raġuni;
is-sabar u r-rażan
jeħdulhom posthomil-botti,
l-insulti...
hekk li l-kliem ta’mogħdrija
jissarraf fi stmerrija.
MARIO ATTARD
Il-Ħadd, 17 ta’ Ġunju 2012
TO MY BELOVED SISTER HENRIETTE
I kept you company today
at Tal-Karmnu Church in Balluta,
but though you were by my side so
close
I could not see you because you were
entombed within your coffin
estranged from this world.
I was honoured to read
the First and Second Reading
and enjoyed pronouncing
the Responsorial Psalm that read:
“I was thrilled when I was told:
‘We will go in the house of the Lord.’”
the community said it vehemently
so closely after me, for we believed
what we pronounced convincingly
that these words were yours
when you were in agony at Mater Dei
and departed a week ago today.
No! You are not gone;
you abide in me so closely
enshrined within my memory,
though you were the first
to part with our family.
Maurice Mifsud Bonnici
14-05-2012
Flaxbekk
B’suffraġju għall-vittmi tat-tsunami fil-Ġappun li seħħ fil-11 ta’ Marzu
2011
Konna ħsibna li kien għadda
dak li għexna lejla waħda fuq it-troni tad-djar tagħna
u kien għadu biss tifkira
fuq it-tila illuppjata, tibki bikja għall-irkant
sa ma ttawlet għodwa
mgħaddba tolfoq fl-ibħra qisha gawwi mal-pinnur tax-xhur xitwija
u filġitna tingħi tgħajjat
qabel ħarġet ruħha kollha w mejlet rasha lejn il-lvant.
Fl-agunija tqila tagħha
ġabret magħha kull fettuqa li nsiet l-ombra tax-xandara,
imkebbsin daqs kalamita
forsi jlaħħqu ma’ ħruxitha u ċ-ċaqliq ta’ ġnus kotrana
u f’kull laqxa terda’ ’l
oħra mill-ġid fqir li baqa’ jfekren fuq id-dbabar ta’ ġisimha
tilmaħ lilha moribonda
tiġbed l-aħħar nifs imkaxkar f’baħar miksi b’elf sikrana.
Kollox issa sab imkienu fejn
riġlejh ma meddx fi żmienu, metri bogħ’d mid-dura tiegħu;
djar jogħlew
bħall-bastimenti u jitbandlu ma’ kull mewġa li ddawwarhom fuq subgħajha
u l-vetturi-ġugarelli
jqanqlu ċ-ċirklu tat-traġedja qalb it-toroq flaġellati,
midfunin ġo żaqq il-lupu li
ħatafhom bla karezzi f’art li xebgħet fuq saqajha.
Nies maqfula ġewwa
l-kċejjen, jistennew min iweżinhom u jeħlishom minn kull kefen,
jgħaddu ħinhom
bħall-għasafar, jitħnu l-ftiet li tħalla jterter fi friġġ kiesħa daqs l-azzar
u l-ksieħ tagħha jeħel
f’demmhom bil-biżgħat li tmiemhom wasal u mhux sejjer jaħfirhielhom,
jgħidu t-talba tal-indiema
donnhom riesqa lejn il-forka b’mota sewda mill-kampnar.
Xi waħdiet bil-lożor
f’idhom, ixejruhom bħal bandani fuq il-bjut li nbidlu f’dgħajjes
flok fis-sodod ixxukkjati li
kostretti jħallu l-ġifen biex qatt aktar ma jserrħuhom,
oħrajn jgħinu fit-tfittxija,
jisfidaw li jisfaw martri biex imqar iħarsu ħajja
jew isawbu x-xrar tal-ilma
fuq in-nar iħeġġeġ, jhedded li jniżżilhom għarkopptejhom.
U mal-mewġa daqs Gulija
stenbħet oħra f’wiċċ il-gżira tfarfar rixha b’deni qawwi
li bħal għaġna ntisġet
għoqda mal-ħalib u l-ilma tari li f’munqarha mrar daqs spiera,
hekk li f’moħħha bexxqu
għajnhom il-memorji rieqda f’koma tal-mard kbir li kien ħakimha
meta ġenbha ċċarrat kollu
bħall-kustat ta’ Kristu msallab bl-għodod qarsa tal-gwerriera.
Lilna wkoll dal-jum ċanfarna
bħal jum ieħor bl-istess isem li ra n-nies jintfew bħal faħma
kif fis-snin mhux wisq
imbiegħda żewġ tajriet minn xogħol il-bniedem daħlu jkesksu s-swar tewmin,
imma għalxejn min dbiel ġo
ħobbhom rewwaħ idu bħal bandiera f’għajn id-dinja addolorata
għax is-swar inħallu kobob u sal-lum kulħadd jistaqsi
x’sar mill-ħolm ta’ seklu rżin.
Stefano Farrugia 22 t’April 2011
No comments:
Post a Comment