L-ewwel mistoqsija li staqsejt lil għadd ta’
poeti li qed jiktbu llum kienet din:
Is-sajf,
bil-jiem itwal, huwa żmien li jgħinek tikteb iktar jew inqas poeżija? Għaliex
dan?
MARIO ATTARD: Is-sajf huwa żmien
partikulari tas-sena. Għall-istudenti u l-għalliema jipprovdi iktar ħin liberu.
Għal min jaħdem ngħidu aħna sas-siegħa dan l-istaġun jipprovdilu wkoll iktar
ħin liberu. Min-naħa l-oħra, għall-bqija, bħall-mara tad-dar (li aktarx
jiżdidilha x-xogħol b’uliedha ma’ saqajha) u l-bqija tal-ħaddiema li la
għandhom sajf u lanqas xitwa, is-sajf jispiċċa tagħbija nevrotika li kieku
jistgħu jeħilsu minnha.
Għall-kittieb is-sajf huwa bħal kull staġun ieħor għall-fatt li dak li
jwassal biex tinkiteb il-poeżija m’għandux staġun. Huwa fatt iżda li s-sajf jaf
jipprovdi iktar ċans ta’ ħinijiet liberi u l-moħħ jista’ jsib ħin jaħseb iktar
mill-bqija tas-sena.
Filwaqt li jiena nagħmel mal-ewwel faxx li semmejt fl-ewwel paragrafu,
nistqarr li s-sajf jipprovdili iktar possibiltà li nikteb il-poeżija. Apparti
milli nikteb, insib ħafna ħin biex nanalizza b’mod kritiku l-kitbiet
letterarji. U hawn nistqarr li l-analiżijiet li nagħmel ma jkunux frott ta’
letteratura lokali biss. Nistqarr ukoll li s-sajf lili jagħtini żmien opportun
biex nagħmel riċerki storiċi fuq xi persunaġġ li kkontribwixxa f’qasam jew
ieħor lokali. Pereżempju s-sajf li għadda ddedikajt kważi s-sajf kollu u parti
mill-ħarifa biex spiċċajt finalment studju dwar Giuseppe Despott. Dan il-bniedem
uża l-pinna tiegħu mhux fil-qasam letterarju imma fil-qasam xejntiifiku b’rabta
lokali.
AMANDA BUSUTTIL:
Ngħid għalija l-klima tas-sajf iddejjaqni minħabba li Malta ssir deżert ta’
sħana li ma taqta’ xejn u xi ftit jew wisq din il-klima tikkondizzjonana għax
tonqsilna l-enerġija. Imma naħseb li jekk nevalwa f’liema żmien nikteb l-aktar
poeżija u proża, ikun dan iż-żmien għax inqatta’ ħafna aktar ħin mix-xitwa fuq
il-kompjuter u naqra aktar fis-sajf, allura nħossni li għandi aktar ideat
x’niżviluppa f’kitba.
CARMEL G. CAUCHI:
Jien ma nbatix wisq bis-sħana u, billi jien pensjonant, ma ngħidx li fis-sajf
għandi żmien iktar biex nagħmel dak li nixtieq. Ilbies ħafif, xi ftit baħar u
dak hu s-sajf għalija. Ma naħsibx li
s-sajf jaffettwa kemm nikteb poeżija. Il-poeżija li nikteb jien tiddependi
mill-ispirazzjoni li jkolli u mhux minn xi żmien jew staġun tas-sena.
CHARLES
MIFSUD: Minkejja li d-dawl tal-jum huwa aktar twil, huwa pjuttost
żmien fejn nikteb anqas poeżija mis-soltu. Għaliex? Il-fatt li hemm
aktar dawl jagħti aktar lok għall-ħruġ u aktar aljenazzjoni. Barra minn
hekk is-sħana hi skumdità għax inħossni aktar imħeddel, anke fi ħsibijieti tant
li xi drabi nħoss ċerta apatija biex nikteb. Dan ma jfissirx li jekk xi
ħaġa partikolari nħossha timbixni ma nippruvax nesprimiha bil-kitba.
EMMANUEL ATTARD CASSAR: Fil-każ tiegħi
minħabba li jien għalliem ikolli aktar ħin biex nikteb fil-vaganzi tas-sajf
milli fix-xitwa imma dan mhux bilfors ifisser li nikteb aktar poeżiji fis-sajf.
Billi poeżija ma tridx ħafna ħin biex tiktibha (fil-każ tiegħi nieħu bejn nofs
siegħa u siegħa) allura nikteb bejn wieħed u ieħor l-istess kwantità
fl-istaġuni kollha.
DUN
GEOFFREY G. ATTARD: Ngħid għalija, is-sajf,
minkejja l-jiem twal tiegħi, m’huwiex l-istaġun li l-aktar iqanqal il-muża
tiegħi sabiex nikteb: dan għaliex is-sajf Malti huwa minnu nnifsu aridu u r-riħ
isfel xejn ma jgħinni biex noqgħod bi kwieti u nikteb. Madankollu, l-għaxijiet tiegħu jaf ikunu
tassew sbieħ. Inżul ix-xemx sajfi ġieli
kien ta’ ispirazzjoni għalija imma mhux bħala regola imma bħala eċċezzjoni.
GODWIN
CINI: Sajf u xitwa, bla differenza , il-muża tiġi hi bla ħin,
jum, xahar jew staġun.
JOHN MALLIA: Ma narax li l-jiem itwal tas-sajf għandu jkollhom
xi vantaġġ fuq il-jiem fl-istaġuni l-oħra meta wieħed iħoss li għandu jikteb
il-poeżija. Is-sajf Malti, bis-sħana u t-telqa li jġib miegħu, ftit iħallilek
ħajra li tikteb.
MAURICE MIFSUD BONNICI: Is-sajf jgħinni nikteb ħafna iktar
poeżiji, tant li fi żmen xi xahar ieħor inkun qed nistampa il-ħmistax-il ktieb
tiegħi --- poeżiji bl-Ingliż u bit-Taljan: Variegated
Pansies / Viole Del Pensiero Variegate. Jien nikteb iktar għax (se
ngħidlek ħaġa banali!) fis-sajf ma jiksħulix saqajja.
JONATHAN BALZAN: kull staġun inħossu jsejjaħli f'ħinijiet
partikulari biex nikteb... is-sajf per eżempju jispirani ħafna x'ħin inkun
ħdejn il-baħar, ix-xitwa x'ħin it-temp ma joffrilekx aljenazzjonijiet ħafna ta’
ħruġ u nsib ħin għall-kwiet biex nikteb....
RAYMOND
GRECH: Personalment l-istaġuni ma jagħmlulix differenza; kull meta nikteb poeżija
huwa aktar it-tnebbiħ u l-ħsieb li jiddettawli meta nikteb. Sibt ruħi qaddej
tal-kitba skond eżigenzi tat-tqanqil, ġieli kienu mumenti ta' riflessjoni jew
waqt ħinijiet tax-xoghol. F'waqtiet simili ikolli nieqaf, inkun fejn inkun, ħa
nesprimi l-ħsus ta' ġewwa qalbi u moħħi, ħsibijiet li ma jħallunix fis-sliem
qabel ma jiġu fossilizzati fuq karta.
MIRIAM
ELLUL: Għall-poeta kull staġun għandu tifsira għax kull
staġun għandu is-sabiħ u l-ikrah tiegħu. Meta qed ngħid ikrah miniex nirreferi
għat-temp, iżda għall-memorji li wieħed jista' jkollu.
Aħna nafu illi l-poeta jiġi mnebbaħ anki jekk
ixomm ir-riħa tax-xita, tal-ġiżimin jew tal-ilma baħar ... dawn kollha jistgħu
jiftħulu l-bibien għall-kitba. Ngħid għalija jien, li jien xi ftit romantika,
l-iljieli sajfin inħobbhom immens u jnebbħuni ħafna. Il-qamar sħiħ, il-baħar
kalm bid-dawl rifless, il-mużika fil-bogħod jew mill-viċin, dan kollu jnebbaħni
biex nikteb. Jista' jkun ukoll illi l-poeta jiftakar f'xi ħaġa ta' diqa waqt
lejla bħal din u jwasslilna karba jew kliem ta’ wġigħ ta’ qalb li forsi għadu
ma fieqx minnu.
STEFANO
FARRUGIA: Il-poeżija bħala arti għalija mhix marbuta ma’ żmien partikulari daqskemm
mal-ispirazzjoni li mingħajrha ma titnissel l-ebda poeżija valida, għax
il-poeżija tinbena bil-ħsibijiet u l-emozzjonijiet ta’ min jiktibha li
qabelxejn ipinġiha f’moħħu u f’qalbu. Imbagħad jartikulaha bi kliemu biex
jittrasmetti dawn il-ħsus u l-ideat lil dawk kollha li jilqgħuha, kemm bil-qari
u s-smigħ kif ukoll b’mezzi oħra moderni li jgħinu biex il-poeżija tasal għand
kulħadd għax tesprimi s-sentimenti ta’ kull bniedem, anki dak li jaħseb li ma
jaf xejn għax ma jafx jikteb u jaqra, imma ħsiebu u qalbu mimlija sax-xfar
b’elokwenzi qawwija li jixtiequ joħorġu u ma jistgħux. Min-naħa l-oħra,
iż-żmien ninterpretah bħala l-qafas kuntestwali li jagħti tifsira oħra
lill-poeżija billi jorbotha ma’ spazju temporali u jagħmilha rilevanti
għall-attwalità tagħha waqt li fl-istess ħin, jekk tkun maħduma tajjeb, għandha
l-kapaċità sublimi li tibqa’ tiġbed lejha ġenerazzjonijiet sħaħ bħala arti
universali li tisboq iż-żmien u tagħti messaġġi utli għal kull żmien.
Għaldaqstant jiena nqis l-istaġun tas-sajf bħala
niċċa waħda fost niċeċ oħra ta’ spazji ta’ żmien li joffruli l-opportunità li
nogħdos fija nnifsi u fid-dinja ta’ madwari u nipprova ntella’ fil-wiċċ ġemgħat
ta’ astrazzjonijiet li jsibu ordni ġdid u sura ġdida f’poeżija. Iżda jekk
ikolli nqabbel is-sajf mal-istaġuni l-oħra għall-ħin li nkun nista’ niddedika
biex inwettaq dan il-għan, nasal biex ngħid li s-sajf huwa aktarx l-aktar żmien
tas-sena li jiftaħli bibien biex naħseb, ngħarbel, naqra u nikteb, u issa aktar
minn qatt qabel għax minħabba x-xogħol tiegħi bħala għalliem huwa aktar ta’
impenn għalija li fil-bqija tal-istaġuni nsib ħin denju li nkun nista’ nsarrfu
f’kitba tajba, billi nippreferi li jkolli żmien biżżejjed biex infassal u
nqasqas ix-xogħlijiet tiegħi, milli nikteb ħafna ta’ spiss imma b’inqas reqqa.
Barra minn hekk, is-sajf fih innifsu hu minjiera
ta’ opportunitajiet li jħeġġuni aktar biex nikteb, l-ewwel nett minħabba
l-bosta attrazzjonijiet u attivitajiet li jittellgħu fi bliet u rħula varji,
fosthom il-festi reliġjużi tar-raħal tal-Imqabba li nifforma parti minnu u li
hu pjaċir tiegħi li nikkontribwixxi għalihom b’kitbiet ġodda kull sena li jkunu
ppubblikati fil-kotba li joħorġu mis-soċjetajiet mużikali tal-lokal, kif ġieli
kkontribwejt ukoll għal festi jew okkażjonijiet oħra fir-raħal u lil hinn
minnu. Iżda fuq kollox is-sajf hu l-vetrina tal-Konkors Nazzjonali tal-Poeżija
li jittella’ kull sena mill-Għaqda Poeti Maltin, u dan tani spinta kbira biex
nixtarr aktar dak li nkun ktibt jew ħsibt li nikteb u nifhem iżjed kif nista’
nikteb aħjar.
JOSEPH
SCIBERRAS (Ħ’ATTARD): Naħseb
li s-sajf għalija ma tantx jgħini biex nikteb iżjed. Aktar ħruġ mid-dar, allura
itellifli dak il-kwiet u konċentrazzjoni li jkolli bżonn biex nikteb. Is-sħana
wkoll tneħħilek ftit l-enerġija.
KEVIN
TANTI: Fil-verità ma naħsibx li tagħmel xi differenza l-istaġun
li jkun. Forsi għal min jikteb b’xi tema partikolari, bħan-natura , tagħmel differenza. Imma bniedem
jiġi ispirat li jikteb poezija minn kelma, avveniment, xi ħaġa li tolqtu li
tista’ sseħħ matul kull żmien
ta’ matul is-sena u għalhekk naħseb ħadd ma jpoġġi bilqiegħda u jgħid se nikteb
għax irrid nikteb illum għax
inkella qisha tiġi sforzata.
LEANNE
ELLUL: Għad illi s-sajf tiegħi xorta jkun mimli sew, inħoss li
nsib iktar ħin biex nikteb. Il-fatt illi jdum ma jidlam, jagħtini aktar
enerġija u stimolu ikbar biex nikteb. Is-sħana l-inqas ħaġa li tinkwetani.
THERESE
PACE: Jien nemmen li min ikollu fih il-poeżija ma jagħmilx
distinzjoni bejn l-istaġuni. L-ispirazzjoni la għandha staġuni u lanqas ħin.
Tiġi meta trid u fejn trid. Jien inħarbex il-ħsibijiet tiegħi meta jiġu u
nħallihom hemm biex malli jkolli ċans niżviluppahom, allura f’dan is-sens billi
jiem is-sajf huma itwal, forsi l-dan l-istaġun jippermettili iktar intemm dak
li jkolli mibdi.
OMAR
SEGUNA: Billi l-professjoni tiegħi hija dik ta’ għalliem, is-sajf huwa ż-żmien fejn
aktar ikolli ċans naqra u nikteb. Moħħi
jkun aktar trankwill u dan jippermetti aktar li nirmaħ fl-immaġinazzjoni u
l-kreattività. Barra minn hekk ikolli
aktar ħin li nsaħħaħ il-pinna tiegħi.
Mill-banda l-oħra, it-temp qalil ta’ din ix-xitwa
ispirani mhux ftit, billi l-poeżija tiegħi qed tieħu forma aktar skura u
mqanqla. Irrid ngħid ukoll li matul dawn
l-aħħar sentejn sofrejt minn nixfa poetika kbira, u bħalissa donnu
l-ispirazzjoni qed terġa’ tieħu l-ħajja mill-ġdid.
SALV SAMMUT:
Għalija s-sajf minkejja s-sħana u x-xemx tisreġ li ma nħobbx noqgħod fiha, huwa
l-aktar staġun li nħobb. Minn dejjem kien hekk. Naħseb li għandu effett
psikoloġiku fuqi. Ix-xitwa tagħmilni melankoniku u xxejjaħni aktar. Imma s-sajf
itini dimensjoni oħra meta nara l-ikħal fis-sema u d-dawl tal-jum kontra s-sema
griż u d-dalma kmieni tax-xitwa. Fis-sajf, bil-leħen tal-werżieq li jfakkarni
fit-tfulija tiegħi u fis-siġar tal-ġnien ta’ San Anton iqanqal fija ċerta isipirazzjoni
li nikteb aktar. Wisq probabbli li l-aħjar xogħlijiet tiegħi nkitbu fil-jiem
sħan tas-sajf.
X’poeżiji qed jinkitbu bħalissa?:
Lill-Belt Victoria
F’Għeluq il-125 Sena tagħha
Sliem għalik ja Belt Għawdxija
Int in-nifs u r-ruħ tal-gżira
Kull min jiġi jżur dil-gżira
Ma jistax ma tikx titwila.
Int tassew il-qalb li tħabbat
T’Għawdex tagħna kif iddur
int il-qalba ta’ kull ħajja
fuq dil-gżira tan-namur.
Sa mill-eqdem żmien, il-bniedem,
Fettxek, riedek, għażlek sħiħ
Sabiex tkun l-għamara wieqfa
Fejn isib kenn u mistrieħ.
Jekk fil-għoli ġewwa l-blejta
Wara s-swar kbar, felħanin
Jew inkella fl-irdoss ħelu
Tad-djar ċkejkna u mħaddnin...
Int il-belt t’Għawdex ta’ qalbna
Int il-ġieħ, il-glorja, unur
X’kienet tkun mingħajrek, għidli,
Din il-gżira kull ma jmur?
Semmewk Rabat, u jekk ngħajtulek
Minn żmien l-Għarab antik sew
l-Għawdxin kollha jfittxuk b’ħerqa
inti ruħhom sewwasew.
Għaddew snin u sekli mqallba
Rajt il-Mislem ġej għalik
Rajtu jieħu ‘l-Għawdxi l-jasar
Waqt li wrajh b’diqa jħallik.
Rajt ‘l uliedek qed jissieltu
Biex jeħilsu mill-Franċiż
l-Għawdxin kollha ġgajta waħda
immexxija minn qassis!
Imma fl-aħħar jum ta’ dija
Sebaħ kollha glorja għalik
Is-Sultana bl-akbar renju
Bl-akbar ġieħ riedet tagħnik!
Glorja lilek, sliem, foħrija
Belt Victoria tul is-snin
Int ‘mill-akbar tlajt għall-ogħla’
Għawdex kollu ferħan bik!
Dun Geoffrey G. Attard
8 ta’ Ġunju 2012
Sibt
il-festa
Fuq ċint erba’
ġuvintur
Ħdejn familja jaraw
in-nar.
Tipjip ta’ ksuħat,
kliem ta’ sverġnar.
Qajla tittanta
twiddibhom,
qalila tkun
tweġibithom.
U xejn ma trid li
b’għadabhom
Dilluvju jqajmu
b’ċertifikat.
Bilwieqfa erba’
tfajliet
mkittfa f’ilbieshom
stirat.
Tipjip ta’ ksuħat
u kliem ta’ sverġnati
jilagħbu l-logħba tal-imħatri
min se jgħabbi lil
min
u l-ewwel li
jiskandalja.
4.6.12
Jonathan Balzan
9/11
(
nine eleven 2001)
Kien
jum li d-dinja waqfet kollha biża’
tara
l-mibegħda, niket u terrur.
Jum
li ma sebaħ qatt , ix-xemx istaħbet
u
inqerdet tama sħiħa fil-futur.
Kien
jum li d-dinja qatt ma rat hi bħalu
fejn
xi ħadd seta’ jagħmel dan il-att.
L-għatx
tal-mibegħda kiber sew ġo qalbu
li
beda jkisser u ma żammu ħadd.
Kien
bniedem fejn il-ħdura tant għamietu
li
ried ixerred xmara kollha demm
ta’
nies bla ħtija, nies mingħajr mibegħda
u
ħalef li ħajjithom ried itemm.
Id-demm
li xerred dal- wieħed bla ħniena
mhux
demm minn tiegħu ‘mma ta’ ħafn’ eluf.
Hu
tefa’ l-ġebla, staħba u ħeba idu
u
baqa’ moħbi fil- muntanji jħuf.
Dal-bniedem
mhux bħal Wieħed li naf jiena
li bata
ħafn’għalija u demmu ta.
Ma marx
xi mkien jinħeba f’post imwarrab,
‘mma
fuq salib il-bniedem Lilu ra.
Hawnhekk
l-imħabba għelbet il-mibegħda
u rajna
l-maħfra tegħleb it-tpattija.
Hu
demmu xerred u mhux demm ħaddieħor
u
spiċċa biex miet Hu għalik u għalija.
Jalla
l-bniedem dil-ġrajja jins’għal dejjem
u jibda
jħobb lil min deni għamillu.
Jalla
tgħallem xi tfisser il-mibegħda
u jalla
diġa’ nesa u ħafirlu.
11 ta’
Settembru 2010
Joseph
Sciberras (Ħ’Attard)
/tatwaġġ/
Bejn vina u oħra hemm
l-ilfiq tad-dmugħ
imdardar. Imżelleġ
mal-ħġieġ t’għajnejja
hemm linka skura trid
tinbeżaq barra.
Nipprova nifhem xi
jfisser it-t’hmiż
ta’ ġismek tari
mpitter fuq it-tila
bid-dmugħ u bil-linka
skura li s’liftek.
U ma nistax. Għalhekk
nikteb tatwaġġ.
Tatwaġġ. F’ġieħ
is-sewwa.
Tatwaġġ għall-platti
tal-fuħħar
u l-magni tal-ħasil
tal-ħwejjeġ.
Tatwaġġ għas-soldi
jaqgħu mis-sema
f’ħalqek
bħall-piżelli u rkotta
u l-liri mrekknin
taħt il-bankini.
Tatwaġġ għall-petali
tal-orkidea
u l-fjuri
fir-rawndebawts.
Tatwaġġ għad-dwiefer
imqaxxrin
u l-oħrajn impittrin
friski.
Tatwaġġ għan-nisa
mgeżwrin fiċ-ċelel
u l-oħrajn għarwenin
jiġġerrew.
Tatwaġġ għan-nixfa fi
griżmejja
biex bil-linka
niffriskahom.
Tatwaġġ għalik u
għalija.
Jekk trid tarahom,
inża u idħol fija.
Leanne
Ellul
Land of the Living Dead
The tanks and planes the people killed
and soldiers from a foreign land
who didn’t show any remorse
for blood which drained the Arab sand.
Enough for ages long tyrants
for hidden fears and silent pain.
who crush their people like wine grapes
have bombs on them fall like the rain.
My dream that from the west and east
and Russia will join from the north,
The world all round will join to help
to stop the brutal soldiers wrath.
Yes I don’t care what flag you wave
whether it’s red, green, yellow, blue.
And I don't care what book you read
As long as what it says is true.
Omar
Seguna
Tears
When you see
the skinny little child
wandering in no man's land,
lost in a maze of inhumanity,
irrational,
those innocent, watery eyes,
begging to be picked up
from neglect, anguish, destitution and hunger,
your heartbreak follows suit in tandem...
You ask a million whys
you ponder a million hows
you anticipate a million whens...
You feel that your pleas are drowned
in an ocean of uncertainty...
Tears, the child's and mine,
stream upwards
doing stairways to Heaven,
where each prayer is sorted out and answered
in His good time.
Those rainbow droplets imbued by the Light,
crystals of hope streaming downwards
to ease the pain, to free the woeful plight!
Raymond Grech
BOLOH
Boloh
Li tiġru wara l-frugħa
T’illużjoni maħluqa minn pupazzi
Jitbissmulkom bi ħsieb kull nofs deċenju
Għal konvenjenza personalizzata
U jħabbtulkom il-bibien
Għal rebħiet elettorali
Ħalli jissejħu lkoll onorevoli
Ġewwa l-kamra tas-setgħa w privileġġi.
Boloh
Meta ma tintebħux li differenza
M’hemmx bejn l-aħmar u dak ikħal
Imma jaqbel hekk tinżamm
Mill-pupazzi li f’ismek ġew eletti
Biex
tibqa’ d-dominanza
Fl-imħuħ
imjassra fl-illużjoni fiergħa.
Boloh!
Salv
Sammut
Ġunju
8, 2012
No comments:
Post a Comment