It-tielet mistoqsija li staqsejt lil għadd ta’
poeti li qed jiktbu llum kienet din:
Għalik l-istaġun tas-sajf huwa żmien meta
tiltaqa' iktar ma' poeti oħra, kemm Maltin kif ukoll barranin? Kif u għaliex?
AMANDA BUSUTTIL: Ġeneralment
hawn Malta nħallu l-hekk imsejjaħ ‘żmien il-kultura’ għax-xhur xitwin.
Nitnikket għall-fatt li fix-xhur tas-sajf, hawn Malta jonqsu ħafna
l-okkażjonijiet ta’ kultura, arti eċċ biex ikun hawn taħlit ta’ ideat bejn
il-poeti. Jien nemmen li f’Malta għad hawn ħafna xi jsir fiż-żmenijiet sajfin.
Jien nara li x-xitwa tlaqqagħni aktar ma’ poeti oħra Maltin, milli fis-sajf
għax isiru aktar attivitajiet relatati ma’ tnedijiet ta’ kotba u poeżiji.
CARMEL G. CAUCHI:
Is-sajf għalija ma jagħmilx xi differenza kbira minn staġuni oħra, u għalhekk
iċ-ċans li niltaqa’ ma’ poeti oħra, Maltin jew barranin, fis-sajf la jikber u
lanqas jonqos. Dan iktar jiddependi mil-laqgħat letterarji li jiġu organizzati…
u li nkun nista’ nattendi għalihom.
CHARLES
MIFSUD: Bis-saħħa u l-ħidma tal-kumitat tal-Għaqda Poeti Maltin,
jien għandi ċ-ċans li matul is-sena niltaqa' ma' ħafna poeti oħra li jattendu
għall-attivitajiet li tal-anqas darba fix-xahar, l-għaqda torganizza għal dawk
li huma membri u wkoll għal kull min irid jattendi.
EMMANUEL ATTARD CASSAR: Fis-sajf
l-għaqdiet letterarji inaqqsu mill-attivitajiet tagħhom ta’ laqgħat u smigħ ta’
poeżiji minn poeti Maltin iżda jiżdiedu l-okkażjonijiet biex nisimgħu poeti
barranin. Is-sajf huwa żmien fejn normalment ikunu organizzati aktar laqgħat
kulturali.
DUN
GEOFFREY G. ATTARD: Onestament ikolli ngħid li
minħabba l-impenji tiegħi saċerdotali kważi qatt ma nkun nista’ nattendi
l-laqgħat poetiċi għalkemm inkun għassa bħal seqer biex nara x’qed jiġri
fid-dinja tal-poeżija, kemm f’Malta kif ukoll barra. Weġġgħetni ħafna l-aħħar deċiżjoni li ħadu
żewġ ġurnali Maltin dan l-aħħar li ma jaċċettawx aktar poeżiji biex
jippubblikawhom! Ma nistax nispjegalek x’ħassejt! Kemm għandu raġun il-president tal-Għaqda
Poeti Maltin meta jgħid li l-poeżija mhix stmata! Raġun biex ibigħ! Mill-bqija nista’ ngħid li nipprova nżomm
kuntatt bl-email u billi nżur siti ta’ poeti barranin! Nixtieq kieku għandi possibiltà li f’Malta
stess ikollna fejn nippubblikaw il-poeżiji tagħna minbarra Versi u xi pubblikazzjonijiet oħrajn.
GODWIN
CINI: Li niltaqa’ ma’ ħbieb oħra poeti huwa dejjem żmien ħelu.
JOHN MALLIA: Fis-sajf,
bħalma nagħmel fi staġuni oħra, nagħmel mill-aħjar li nista' biex nattendi
l-lejliet letterarji, l-aktar dawk organizzati mill-Għaqda Poeti Maltin.
Dawn il-laqgħat jagħtu l-opportunità lill-poeti jisimgħu, jevalwaw u japprezzaw
dak li qed jinkiteb minn poeti oħra sew Maltin kemm barranin.
JONATHAN
BALZAN: Trid tkun xi serata letterarja għalija biex niltaqa’ ma’
xi poeti. Inkun qed nistenniehom iktar fis-sajf.
JOSEPH
SCIBERRAS (Ħ’ATTARD): Jien ma narax differenza. Pjuttost niltaqa’ iżjed
fix-xitwa fil-laqgħat tagħna.
KEVIN
TANTI: Sinċerament ma tantx niltaqa’ ma’ poeti la fis-sajf
u lanqas fix-xitwa. Dan tort tiegħi
għax ma nattendix attivitajiet li jkunu organizzati minn entitajiet differenti
fosthom l-Għaqda Poeti Maltin. U din hi ħasra għax dawn l-attivitajiet għandhom l-iskop li
poeti jiltaqgħu bejniethom u jaqsmu xogħolhom flimkien. Mill-banda l-oħra
nipprova nagħmel tajjeb għal dan billi naqra poeziji ta’ poeti oħra kemm minn
fuq l-internet kif ukoll minn fuq gazzetti bħat-Torċa u l-Mument
u gazzetti Online bħal ġens online li jagħtu opportunità u spazju
lill-poeżija.
LEANNE
ELLUL: Iva. Inħoss li fis-sajf isiru kemxejn aktar attivitajiet
jew tal-anqas isiru fi ġranet u ħinijiet aktar aċċessibbli għalija. Għalhekk,
nattendi aktar attivitajiet letterarji jew artistiċi oħra filwaqt li drabi
nieħu sehem ukoll. Fis-sajf, anke jekk dak li jkun jibqa' għaddej bix-xogħol,
wieħed jassumi li l-bniedem ikollu ftit iktar ħin fuq ir-riħ.
MARIO
ATTARD: Iva, is-sajf kemm-il
darba laqqagħni ma’ kittieba lokali u Taljani u anki Sqallin. Għalija s-sajf
huwa perjodu ta’ okkażjoni waħda jew iżjed li fih ikolli xi premjazzjoni
poetika fi Sqallija jew fl-Italja. Ħafna drabi ġew sjuf li fihom mort Sqallija,
b’mod speċjali u hemmhekk, flimkien ma’ kittieba barranin tkellimna u qsamna
l-ideat u l-esperjenzi tagħna. Bis-saħħa ta’ hekk, xi ħaġa li issa ili nwettaq
mill-1984, għandi kittieba ħbieb tiegħi kemm minn Sqallija kif ukoll
mill-Italja.
Meta nikkonsidra kemm it-tliet staġuni l-oħra
tas-sena għalija huma mfawra bix-xogħol akkademiku tiegħi, nistqarr li nħares ’il
quddiem għall-wasla ta’ dan l-istaġun.
MAURICE MIFSUD BONNICI: Is-sajf huwa staġun ta’ ġranet
twal u bosta attivitajiet u ta’ ħruġ barra mid-dar u dan iġib miegħu laqgħat ma’
bosta nies fosthom poeti. Huwa wkoll stagun tal-ivvjaġġar li fih tiltaqa’ ma’
poeti frustieri għalkemm għalija dan mhux tant komuni.
MIRIAM ELLUL:
Il-poeta ssibu kullimkien ikanta kliem ta' mħabba, mibegħda jew qtigħ il-qalb!
Tista’ tkun qed tara bniedem ipitter u inti f'din il-pittura tara poeżija! Mela
dan bl-arti tiegħu ikun wassallek poeżija mill-isbah li inti tkun tista'
ssarraf fi kliem poetiku.
OMAR SEGUNA:
Is-sajf huwa għalija ż-żmien fejn ikolli aktar ħin naqra, u allura niskopri
poeti ġodda. Jiena nuża l-mezzi ġodda
ta’ teknoloġija fosthom l-internet, fejn mhux biss nista’ naqra diversi poeżiji
imma wkoll aktar faċli li nikkorrispondi ma’ xi poeti.
RAYMOND GRECH:
Ġeneralment meta jkun hemm xi serata letterarja jew xi Lejla ta' Poeżija,
l-aktar li niltaqa’ ma' poeti oħra. Dawn l-opportunitajiet jinqalgħu matul
is-sena kollha; huma okkazzjonijiet fejn isir il-qari tal-poeżija, qsim ta'
ideat u tiġdid ta' ħbiberija. Però l-attendenza u l-parteċipazzjoni fis-sajf
hija aktar konsistenti peress li t-temp ikun sabiħ fejn ħafna mil-laqgħat isiru
barra taħt sema mimlija kwiekeb.
L-iljieli sereni għandhom dak is-seħer li
jħajruni niltaqa’ ma’ poeti oħra, okkażjonijiet ukoll sabiex insir naf poeti li
qatt qabel ma ltqajt magħhom. Iljieli qamrin fejn jinstema' biss il-grillu
iżarżar mistoħbi fid-dlam, 'il bogħod mill-għagħa tan-nies u l-ħsejjes tal-karozzi.
SALV SAMMUT:
Minħabba li f’Malta hawn Għaqda waħda ewlenija tal-poeti li jien għandi l-unur
inservi bħala s-Segretarju tal-Għaqda Poeti Maltin, fis-sajf donnu li
iżjed niltaqa’ ma’ sħabi poeti Maltin għaliex donnu li l-għaxijiet aktar
imdawla, iżjed poeti jitħajru jattendu laqgħat ta’ qari ta’ poeżiji li l-Għaqda
Poeti Maltin torganizza wieħed jista’ jgħid kull xahar. Hemmhekk wieħed jisma’,
jitkellem u jara l-emozzjonijiet differenti ta’ kull kittieb. Poeti barranin
ftit ikolli ċans niltaqa’ jekk mhux meta l-Għaqda msemmija ma tistedinx xi
poeta barrani hi stess.
STEFANO FARRUGIA:
Nixtieq li jkun possibbli għalija li nsib ħin adegwat biex naqsam l-ideat u
l-kitbiet tiegħi ma’ poeti oħra, kemm fis-sajf u fil-bqija tas-sena, għax dan
jgħini nsir iżjed konxju mir-realtajiet li qed jitkellmu dwarhom il-poeti u
kittieba oħra, Maltin u barranin, u l-libsa li huma jagħżlu li jagħtu
lill-ideat tagħhom. B’hekk inkun nista’ nħares lejn ix-xogħlijiet tiegħi minn
lenti dejjem aktar oġġettiva biex l-awtokritika li nagħmel tkun ta’ fejda
għalija bħala kittieb relattivament ġdid li għadni qed niskopri l-meded kbar u
fertili li toffri l-poeżija minn kull lat, u għalhekk ukoll inħobb nesperimenta
bi stili ġodda li nittama jagħtu togħma aktar friska lill-versi li ndomm.
Bħala kittieb żagħżugħhi xewqa tiegħi li jinħolqu
aktar opportunitajiet fuq bażi regolari biex il-kittieba żgħażagħ jesprimu
ruħhom u jiltaqgħu flimkien, speċjalment fix-xhur sħan tas-sajf, meta jkunu
inqas imtaqqlin bl-istudju u b’impenji rigorużi oħra, u mhux biss jaqsmu
t-talenti tagħhom bħala grupp, imma l-fatt li jkunu maqgħquda f’tim jgħinhom
aktar joħorġu b’ideat ġodda biex jippromwovu l-interessi tagħhom u jsemmgħu
aktar b’vuċi għolja l-preokkupazzjonijiet u l-aspirazzjonijiet tagħhom bħala
kittieba, bit-tama konkreta li tittieħed azzjoni retta minnufih kull fejn ikun
hemm bżonn. Fl-istess ħin, kemm permezz tal-għaqdiet letterarji li jiena
msieħeb fihom u tal-kuntatt regolari fuq bażi personali, infittex li
nikkomunika kontinwament ma’ kittieba oħra li kienu xprun għalija f’dawn
is-snin biex inkompli nikteb u ninvolvi ruħi kemm nista’ bħala kittieb, u
għalhekk inkun qed nonqos jekk ma nfittixx il-pariri tagħhom u ma nagħtix widen
għall-kelma f’waqtha li dejjem tawni bħala għalliema u ħbieb sinċieri.
THERESE PACE:
Il-lejliet ta’ poeżija li nattendi jinżammu kemm fix-xitwa kif ukoll fis-sajf,
jieqfu biss għal perjodu ċkejken fi żmien il-Milied. Fis-sajf, dawn l-iljieli
jinżammu fil-beraħ fejn jitgawdew minn firxa ikbar ta’ nies, għalhekk, iva,
tiltaqa’ ma’ iktar poeti li forsi matul is-sena jkunu impenjati fil-ħidma
tagħhom li forsi ma tħallilhomx ħin għal lejliet bħal dawn u li fiż-żmien ta’
ferja sajfija jkunu jistgħu jattendu. Fis-sajf ukoll, peress li n-nies isiefru
iktar, jista’ jkun hemm tpartit fejn poeti jżuru pajjiżi oħra għal laqgħat ta’
poeżija.
Xi poeżiji li
qed jinkitbu llum:
THAT CALL OF DEATH
Call me if you love me
Call me if you care
But if you know I’m driving
That phone call please do spare
Mobile phones and driving
Don’t mix, like drinking beer
Drunk you must not drive
Phoney drivers cannot steer
Never call while driving
It’s like playing with a sharp
knife
Don’t read or send SMS’s
Don’t drive to death your life
GODWIN CINI
Vendetta
Fil-post fejn ma jikbrux fjuri
temmet ħajjitha fuq xafret il-għira
il-lelluxa tassew umli
qalb ħdura ta' min jistmerrha.
John Mallia
Jekk Aħjar Għalik…
Mhux aħjar tisma’ 'il-grillu
jinnamra
fis-skiet tal-lejl…
minflok tisma’ r-roti
tal-karozzi
iwerżqu-maħruqa fuq l-asfalt
mikul?
Mhux aħjar tħares lejn
il-qamar jiddi
b’wiċċu daħkan…
minflok l-uċuħ iwerrċu ta’
Janus
ixettlu s-semm minn wara
l-persjani?
Mhux aħjar timla l-pulmun
bl-arja safja
tal-majjistral…
minflok tibla’ d-dħaħen
taċ-ċmieni
jifgawlek imnifsejk
bin-nugrufun?
Jekk aħjar għalik u trid
daqsxejn mistrieħ,
għandi l-għanja
tal-grillu f’qamar
il-għasel, tfewweġ
bl-arja safja mal-versi
tmewweġ.
Raymond Grech
L-AĦBARIJIET
Ftaħt l-istazzjonijiet televiżivi
Biex mill-orakli tal-verità nisma’
l-aħbarijiet ġenwini mhux maħluqa
minn strateġiji manipulattivi.
F’wieħed minnhom quddiemi deher kollox
Dlam ... dlam ... dlam u dlam biss.
Xejn dawl – kollox dlam.
Kulma smajt li kien diżastru –
Armageddon dalwaqt riesaq għal fuqi.
Dawwartlu għal fuq ieħor
U stagħġibt kif,
issa deher kollox ċar,
Dawl ... dawl ... dawl u dawl biss.
Xejn dlam – kollox dawl.
Kull fejn inħares kollox qed iwarrad
F’Utopia tal-għaġeb;
Shangri-la bla ebda tmiem.
Ippruvajt lil stazzjon ieħor,
Qaddej fidil ma’ kif jordna l-istat.
Donni tħawwad b’dak li rajt u li smajt,
Dlonk quddiemi bdew iġibuli
Aktar dawl milli dlam ...
Ftit dlam u ħafna dawl.
Hekk għandu jkun tassew il-qaddej fidil.
Stordut u diżulluż
Bagħat lil kulħadd jixxejjer ’l hemm u ’l hawn
U f’qalbi stqarrejt kemm saru jmarduni.
Fil-pront dawwartlu biex nara ’l Chuck Norris
Fuq Rete Quattro.
Salv Sammut
(Settembru 8, 2011)
Ippermettuli, ħieles,
tal-ħolm nibni l-kastelli
ngħammarhom bl-aqwa attrezzi
li s’issa qatt ma kelli
Ippermettuli nimraħ
f’pajsaġġi kollha ħdura
fejn ebda ndħil ma jfixkel
iċ-ċikli tan-natura.
Ippermettuli l-lussu
ta’ saqaf li jgħattini
ta’ ħbejża li twitini
ta’ dinjita’ tfisqini.
Ippermettuli l-għaxqa
ta’ fomm jislet tbissima
ta’ jdejn f’xulxin maħfuna
ta’ mewġa s-sliem tirrima.
Ippermettuli noħloq
rebbiegħa universali
fejn jien u int, għall-bqija,
infasslu l-ideali.
THERESE PACE
No comments:
Post a Comment