Friday, October 14, 2011

Versi tifkira - Anniversarju Dun Karm Psaila

ta' Godwin Cini

Kemm gost kont nieħu ngħannilek Mulejja

L-isbaħ għana li biha nfaħħruk,

Kulħadd jitlob minn qalbu bl-akbar ħeġġa,

Kif ħabbejtna nixtiequ nħobbuk.


Agħtina l-ħlewwa tal-ilsna tas-sema,

Biex tberkilna lit-tfal tant ċkjeknin,

Kont abbati fil-knisja tassew kbira,

Imballata bin-nies magħqudin.


Kelma int għedtilna Ġesù Bin Alla,

Emminnieha għax għedtha int Mulej,

F’Malta u Għawdex dat-talb bqajna ngħannu,

Issa kbirna ż-żmien baqa’għaddej.


’Lkoll nadurawk ja Ħobż għażiż tas-sema,

Tipprovdilna l-għixien ta’ kuljum,

Ħajr nagħtuk ta’ kull nifs u ta’ saħħitna,

Tax-xemx taħraq ta’ matul il-jum.


Issa riesaq il-lejl fuqna Mulejna,

U ġa beda is-sema jiħmar,

Daqt jixirfu il-kwiekeb fis-sema,

Itfa’ ħarstek u bierek kull dar.


Din hi l-għanja sabiħa li tajtna,

Għażiż twajjeb Malti u qassis,

Biha insellmu u lilek niftakru,

Għalina itlob għax inti qaddis.

No comments: