…U STENBĦET MINN IRQADHA
…u stenbħet minn irqadha kunfliġġenti
biex qatt ma terġa’ trodd lil jeddha lura
u ħalfet li tkun lejh rikonoxxenti
għax fiha ra l-identità misrura.
Li jgħożżha xejn ma staħa jistqarrilha
u ma’ kull riħ, tal-lingwa żara’ l-klima;
sensilha f’innu-timbru li jagħżilha
mill-barranin: nofs talba u nofs tislima.
Ġibulha l-ġieħ biex tinsġu bl-ikbar żelu
bħal klila fuq ir-ras ta’ Dun Karm tagħna
isilfu lilha l-fjammi biex jinxtegħlu
mill-ġdid fil-qalb ta’ min, mibrud, skartana
għax żammejniha safja kif tefagħha
meta ħabbieni mit-tkasbir refagħha.
No comments:
Post a Comment