Patrick Sammut jitkellem ma’ wieħed mill-parteċipanti,
l-Inġinier Winston Pirotta:
(Fir-ritratti jidhru minn fuq għal isfel: Winston Pirotta; Winston ma' parteċipant ieħor waqt li qed jaqtgħu l-injam għan-nar; u l-grupp sħiħ li pparteċipa f'din l-inizzjattiva).
1. X’kien jisimha l-isfida li inti u sħabek dħaltu għaliha?
2. Liema kien l-objettiv ewlieni ta’ inizzjattiva bħal din?
Ġbir ta’ flus biex jiġi rinnovat ċentru tal-SPCA fil-Furjana, Malta, u biex jiżdied l-għarfien dwar l-attivitajiet tal-SPCA.
3. Professjonalment, min kienu l-persuni li pparteċipaw fi sfida bħal din?
Kien hemm professjonisti mill-qasam tal-IT, tas-Saħħa, tal-Management, ġurnalisti, edituri u anki imprendituri minn oqsma differenti.
4. Meta bdiet din l-avventura u kemm damet? Fejn seħħet eżattament u liema kienu t-tappi differenti tagħna?
Seħħet bejn l-4 u l-11 ta’ Marzu 2011. Il-post kien Raflaven Lake – Ostersund – fl-Isvezja, ftit ’l isfel mill-Arctic Circle. L-attivitajiet kollha kienu fl-inħawi tal-post.
5. X’kien ix-xogħol tagħkom ladarba wasaltu fid-destinazzjoni?
Fl-ewwel fażi, konna maqsumin fi gruppi ta’ tnejn fejn ħadna sehem f’attivitajiet bħal cross country skiing, huskie sledging u snowmobiling. Fit-tieni fażi, magħrufa bħal il-propja Arctic Survival, konna maqsumin fi tliet gruppi, wieħed jieħu ħsieb it-tisjir u l-proviżjoni tal-ilma, grupp ieħor jieħu ħsieb iqatta’ s-siġar mejta u jagħmilhom logs għan-nar, u grupp ieħor jieħu ħsieb jimpala s-silġ, ħalli nkunu nistgħu nibnu l-postijiet fejn konna ser norqdu.
6. Liema kienu l-isbaħ waqtiet ta’ esperjenza bħal din?
Fuq kollox il-Huskie sledging. Is-saħħa li għandhom il-klieb hija ħaġa tal-għaġeb. Imbagħad l-Ice Hole. Bnejna toqba fis-silġ kbira, li għalkemm ċediet u kellna aċċident, kollox spiċċa b’wiċċ il-ġid. U anki l-Aurora Borealis. Dan kien fl-aħħar lejl meta tpaxxejna b’show tal-ġenn ta’ din il-meravilja naturali.
7. Liema kienu l-waqtiet li setgħu qatgħu qalb dak li jkun?
Kif semmejt, waqt li konna qed inħaffru l-Ice Hole, is-silġ ċeda fuq tlieta mill-parteċipanti, u tista’ timmaġina t-tensjoni li kien hemm sakemm ħarġuhom kollha minn taħt is-silġ.
Min-naħa l-oħra, dan l-avveniment għaqqad iżjed lill-grupp.
8. Kemm kellkom sapport min-naħa ta’ entitajiet differenti, u x’tip ta’ sapport kien?
Barra s-sapport tal-familjari tiegħi, speċjalment il-mara, jien personali kelli s-sapport ta’ kumpaniji lokali, fosthom Computime Ltd, STL Technologies u Rameline. Dawn taw donazzjonijiet diretti lil SPCA Malta.
Il-ħanut The Bowline, Qormi, offra skontijiet tajbin liċ-Challengers fuq ħwejjeg u ekwipaġġament li kellna ntellgħu magħna għaċ-Challenge.
89.7 Bay Radio offra l-kollegamenti diretti kuljum, li kienu xi ħaġa li ċ-Challengers kollha kienu jistennew bil-ħerqa.
Nirringrazzjahom ħafna!
9. Din ma kinitx l-ewwel esperjenza tiegħek fejn ħadt sehem biex jinġabru flus għal min għandu bżonnhom. Inti pparteċipajt f'inizzjattivi oħra ta' dan it-tip kemm f'Malta kif ukoll barra. Xi tgħid dwar dan?
Kull sena nipprova nieħu sehem f'xi inizzjattiva ta’ dan it-tip fosthom Cycling Tours Sqallija mal-EFRU (Emergency Fire Rescue Unit) fl-2009 u 2010 fejn inġabru flus għal Puttinu Cares u Inspire rispettivament, u anki oħrajn. Imma l-iżjed waħda għal qalbi kienet l-Ability Challenge 2010 fis-Slovakkja meta inġabru flus għall-Inspire fejn kont parti minn grupp ta' Maltin li marru jagħmlu sports differenti fosthom white cycling, water rafting u paragliding. F’dan il-każ l-għan ewlieni kien li jgħinu lil żgħażagħ b’diżabbiltà, li kienu parti mill-grupp, jieħdu sehem f'dawn l-isports.
10. Kemm taħseb li inizzjattivi bħal dawn qed jilħqu l-mira tagħhom?
Huma eżattament inizzjattivi bħal dawn li jżidu l-għarfien dwar l-NGOs differenti f’Malta fost il-pubbliku Malti. Bħala grupp, irnexxielna niġbru aktar minn 13,000 Ewro għal SPCA Malta.
- Huwa veru li f'ambjenti estremi bħal dak li kontu fih il-bniedem bħal iħossu ħafna eqreb lejn in-natura u bħal donnu jsib lilu nnifsu? Kellek ċans timraħ ftit waħdek f'ambjent bħal dak, u xi ħsibijiet għaddewlek minn moħħok?
F'ambjent bħal dan li hu differenti minn dak ta' Malta, kelli ċ-ċans nimraħ waħdi fil-viċinanzi ta’ fejn konna (għax ovvjament, peress li l-ambjent kien ġdid u s-silġ fond u l-probabbiltà li persuna tintilef hi kbira). Xorta waħda, il-konsapevolezza li kont ’il boghod miċ-ċiviltà xorta tkun hemm għax il-kwiet u l-paċi li esperjenzajt ma ħassejthom imkien qabel. Apprezzajt il-majestożità tan-natura speċjalment meta rajt l-Aurora Borealis, u anki d-dispjaċir li l-ġeneru uman qed jeqred ’l ommna n-natura konsapevolment. Ħassejtni tikka.
12. X’marka ħalliet fuqek avventura bħal din? Ikollok l-opportunità terġa’ tgħaddi minnha? Għaliex?
Issa li qiegħed lura l-uffiċċju, bil-qiegħda quddiem il-kompjuter, nixtieq li għadni hemm, għax waqt l-avventura l-parametri ta’ fejn trid taħdem, kif u ma’ min, tkun tafhom bil-quddiem!!!! Allavolja hemm ix-xogħol kien fiġikament intensiv, kien bil-wisq aħjar minn xogħol ta’ uffiċċju!
Tgħallimt ħafna fuqi bħal per eżempju li m’iniex tajjeb biex immur skiing ;-) u li nista’ ngħaddi mingħajr il-BlackBerry, u anki dwar sħabi li ħadu sehem, għax malajr bdew joħorġu l-karattri differenti; min hu ħabrieki, min hu qalbu tajba, min hu għażżien, min iparla żejjed ....!!!!!
Tgħallimt ukoll kif naghmel it-te mis-siġar tal-arznu, kif inqabbad in-nar fil-kesħa, u kif ninduna liema siġar huma tajbin għall-ħruq u liema le!
Nippreferi nidħol għal sfida differenti, biex inħalli ċans lil ħaddiehor jgħaddi mill-istess esperjenza bħali.
Ara wkoll: http://www.wix.com/wpirotta/arctic-challenge
No comments:
Post a Comment