Sunday, April 24, 2011

12 ta' April - mitt sena mit-twelid ta' Vincenzo Maria Pellegrini

Franco Pellegrini, iben in-nutar Vincenzo Maria Pellegrini, jiġi intervistat minn Patrick Sammut

1. Kif tiftakar lill-papà tiegħek bħala missier fiż-żmien bikri ta’ ħajtek u kif tiftakru aktar tard meta lħaqt il-maturità?

Missieri kien dejjem bniedem attiv ħafna. Għalhekk ma setax jonqos li lilna dejjem kien iħeġġiġna biex inkunu biżlin, sew fl-istudju sew fil-qari bħala passatemp utli, kif ukoll f’xi attivitajiet manwali ħfief, bħal ngħidu aħna xi xogħol żgħir fl-injam jew xogħol ta’ żebgħa. Kien involva lili, lil ħija u lil xi ħbieb tagħna fix-xandir fuq ir-Rediffusion (fl-istudios il-Belt) fil-programm tat-tfal (tan-Nannu Peppu u taz-Ziju Salv) billi ħadna sehem f’xi radjudrammi li hu kien kiteb għat-tfal. Lili kien ħajjarni wkoll meta kelli xi ħdax-il sena biex nittraduċi mill-Ingliż dramm dwar San Franġisk u l-lupu li wkoll kien ixxandar; ma niftakarx kontx ittraduċejt xi ħaġa oħra.

Kont ngħinu wkoll waqt il-produzzjoni ta’ xi attivita` fuq il-palk fit-Teatru Manoel u fir-Radio City (speċjalment “La Predestinata”). F’dawn l-aħħar attivitajiet jien sirt naf ħafna atturi ta’ fama, illum uħud minnhom mejta oħrajn mimlijin bl-għomor, meta kienu jiltaqgħu għall-provi jew waqt ir-reċti. Għamilt ukoll konoxxenza intima minn kmieni ta’ żewġ kollaboraturi kbar ta’ missieri, Maestro Carmelo Pace u l-pittur Emvin Cremona.

Fuq kollox, ta’ eta` żgħira, jien bdejt nattendi l-uffiċċju professjonali ta’ missieri fejn miegħu bdejt nieħu l-prattika ta’ nutar li eventwalment ħaddant bħala professjoni wara l-istudji tiegħi fl-Universita`.

2. Kif kien Vincenzo Maria Pellegrini meta kien impenjat bix-xogħol tiegħu?

Bħal kull ħaġa oħra li għamel f’ħajtu, missieri dejjem ħadem b’impenn qawwi fil-professjoni tiegħu ta’ nutar. Kellu fama tajba ħafna. Niftakar sew kemm kien maħbub minn ħafna nies tar-raba’ (mir-Rabat, mill-Imtarfa u l-inħawi u minn Ħad-Dingli) li dejjem sabu fih professjonist serju li kien lest li jisma’ d-diffikultajiet tagħhom u jagħtihom l-aħjar pariri. Din l-esperjenza ħalliet ukoll impatt kbir f’ħajti. Naturalment kellu wkoll klijenti oħrajn minn oqsma oħra li dejjem sabuh ta’ għajnuna kbira. Inħoss iżda li minħabba l-attivitajiet l-oħra kollha missieri ma setax ikabbar il-klijentela wisq u għalhekk issagrifika ruħu mil-lat professjonali biex jagħti ħinu għall-attivitajiet letterarji u kulturali. F’xi żmien kien imdaħħal fil-politika u għalhekk f’dan ir-rigward, bħal ma dejjem jiġri, seta’ kien hemm xi nies li ma tantx kienu jġibuh. Kien jippubblika wkoll għal xi żmien, bit-Taljan, ġurnal “Malta” u rivista “La Crociata”.

3. Il-fatt li l-papà kien kittieb prolifiku ħalla xi tip ta’ impatt jew influwenza fuq uliedu?

Naħseb li din id-domanda ġa weġibtha in parti iktar qabel. Nixtieq inżid illi lili imlieni bl-imħabba għal-letteratura, kemm Maltija, kemm Ingliża kif ukoll Taljana; dawn fil-fatt studjajthom l-Universita`. Għamilt żmien ukoll meta bdejt nikteb xi poeżiji imma ma kellix il-muża ta’ missieri u wara xi ftit żmien ħassejt li ma stajtx inkompli.

4. Naf li Vincenzo Maria Pellegrini kellu għal qalbu ħafna l-kultura u l-ilsien Taljan. Minn fejn kien ġej dan? Kemm kien importanti dan fl-ambjent tal-familja Pellegrini?

Naħseb l-imħabba għat-Taljan nibtet f’missieri meta għamel xi żmien jistudja fis-Seminarju ta’ Għawdex. Hu qatt ma qalilna xejn fuq dan, imma wieħed irid iżomm f’moħħu li l-ambjent kulturali taż-żmien li trabba fih il-papa` kien predispost għal dan l-ilsien. Barra minn hekk missier missieri, in-nannu Manwel, kien ukoll idoqq il-kuntrabaxx fit-Tijatru Rjal u għalhekk kien midħla tal-opra lirika; dan żgur kien ta’ influwenza fuq il-papa`. Fl-universita`, fit-tletinijiet tas-seklu l-ieħor, kien hemm ukoll movimenti letterarji u kulturali imxaqilbin sew lejn it-Taljan u għalhekk ma setax jonqos li missieri jissieħeb magħhom. Niftakar ukoll li ommi kienet spiss titlob lil papa` biex isibilha xi rumanz bit-Taljan, mil-librerija vasta li kellu, li kienet tieħu pjaċir taqra; imma jien meta kont għadni tifel kont naqra biss kotba klassiċi bl-Ingliż.

5. Vincenzo Maria Pellegrini kien kittieb ta’ poeżiji, drammi, kantati, opera, traduttur ta’ xogħlijiet letterarji u anki pittur. Liema settur minn dawn kollha taħseb li ħalla l-ikbar impatt fil-qasam tal-kultura lokali?

Nahseb li missieri llum hu magħruf u mfakkar l-iżjed bħala poeta. Imma wieħed ma jistax jeskludi l-fatt li l-kantati u t-tliet libretti għall-opera (mużikati minn Maestro Pace) li hu kiteb huma wkoll xogħol poetiku fis-sens wiesa’ tal-kelma. Ta’ min jiftakar illi ż-żmien inessi xi ftit lin-nies; naħseb li meta kienu jiġu trasmessi d-drammi dwar il-Madonna “La Predestinata”, maqluba għall-Malti bħala “Il-Magħżula minn Alla”, dak tal-Passjoni (“Il-Martri tal-Golgotha”) u “It-Twelid ta’ Kristu”, kif ukoll “Marċellino, Ħobż u Nbid” u oħrajn, missieri f’dik l-epoka iktar kien magħruf bħala drammaturgu. Attivita` oħra ta’ missieri kienet meta waqqaf l-“Institute for Cultural Exchanges” fil-Belt Valletta. Hawnhekk, għal żmien twil, kienu jsiru ħafna attivitajiet kulturali: kunċerti bil-pjanu u bil-vjolin, daqq ta’ mużika klassika minn fuq id-diski, taħditiet minn nies diversi, u fuq kollox wirjiet ta’ pittura u skultura minn artisti diversi sew stabbiliti kif ukoll oħrajn li kienu għadhom fil-bidu (fosthom Anton Agius, John Bonnici, Alfred Chircop u oħrajn).

6. Kemm kien importanti għall-papà l-qasam tal-editorija, anki f’rabta mal-pubblikazzjoni tar-rivisti?

Fl-opinjoni tiegħi dan il-qasam kien wieħed importanti ħafna għal missieri. Hu kellu xewqa kbira li dak li kien jaf u li tgħallem jgħaddih lil ħaddieħor. Ir-rivisti “Malta” u “La Crociata” li semmejt qabel kienu mezz biex iwassal leħnu u dawk tal-kollaboraturi tiegħu lil ħaddieħor speċjalment dawk li fi żmien kienu meqjusa nies ta’ ċerta kultura. Kienu mezz ukoll biex jippropaga xogħlijiet letterarji u artistiċi kemm ta’ Maltin kif ukoll ta’ barranin li altrimenti ma tantx kien ikollhom opportunita` li jsiru magħrufa. Forsi ta’ min jgħid ukoll li din l-imħabba għall-istampa tal-papa` setgħet ġiet influwenzata ukoll peress li n-nannu Manwel, missieru, kien jaħdem fl-Istamperija tal-Gvern.

7. Vincenzo Maria Pellegrini ħadem qatigħ biex iqiegħed il-letteratura Maltija fuq il-mappa dinjija. Kemm hu minnu dan? X’relazzjonijiet kellu ma’ kittieba, artisti u nies barranin oħrajn?

Qabel xejn ta’ min wieħed isemmi li missieri kellu diversi abbonati barranin fir-rivisti li semmejt u għalhekk b’dan il-mod il-kontenut letterarju, artistiku u kulturali lokali fihom kien qed jiġi mxandar f’diversi pajjiżi. Min-naħa l-oħra, minħabba l-korrispondenza ma’ artisti u kittieba barranin, hu kien ukoll juża r-rivisti tiegħu biex dawn isiru magħrufa lokalment. Bħala traduttur, speċjalment ta’ poeżiji bil-Malti għat-Taljan, hu ta opportunita` lil diversi poeti Maltin biex jieħdu sehem f’konkorsi barra minn Malta fejn ġew imfaħħra u ppremjati kemm-il darba. Dan jgħodd għalih ukoll personalment għax mhux darba jew tnejn li kiseb għarfien minn pajjiżi barranin.

8. X’relazzjoni kellu l-papà mal-Għaqdiet kulturali kemm lokali kif ukoll barranin?

Missieri kien kollaboratur ma’ diversi għaqdiet kulturali barranin. Hu kiteb diversi artikoli, fosthom serje vasta, dwar artisti maltin fir-rivista “Il Delfino”. Kien ukoll midħla tal-Moviment Neo Rondista. Rigward għaqdiet lokali hu kien kollaboratur taċ-Ċirkolu “Dante Alighieri” u tal-“Malta Cultural Institute”.

9. Naf li għal min hu interessat aktar fix-xogħlijiet ta’ Vincenzo Maria Pellegrini hemm is-sit virtwali http://www.gapmalta.blogspot.com/. Kif twieldet idea bħal din? Wieħed x’jista’ jsib f’sit bħal dan? Kemm ’il darba jiġi aġġornat?

Din kienet inizzjattiva sublimi ta’ ħija Gabriel li għaraf jisfrutta mezz modern biex tiġi mfakkra b’mod, ngħid jien anki universali, l-memorja ta’ missieri. F’dan is-sit hemm riprodotti diversi artikli tal-papa`, ritratti interessanti, tifkiriet ta’ wirjiet u informazzjoni oħra. Is-sit wasal sakemm saru mitt posting.

10. X’ħa jsir jew x’qed isir jew x’jista’ jsir biex jitfakkru l-mitt sena mit-twelid tal-papà?

Din l-intervista hi mod wieħed kif qed jiġi mfakkar missieri għaliex tagħti ħarsa mill-qrib tiegħu u minn aspett li qatt ma ġie esplorat qabel. Tista’ ssir ukoll wirja tax-xogħlijiet letterarji u tal-pittura tal-papa`. Wieħed jista’ ukoll jieħu l-istess okkażjoni biex issir taħdita fuq xi aspett tal-ħidma letterarja tiegħu. Naħseb ukoll li jkun hemm xi rubriki dwaru f’xi gazzetti lokali u dwar kittieba prominenti oħra tamparu li din is-sena titfakkar ukoll il-mitt sena minn twelidhom.

No comments: