Saturday, October 22, 2011

UNEASY RITUALS - Recensjoni ta' Alfred Massa


ĠABRA TA’ PROŻA B’DIFFERENZA

(Patrick Sammut: UNEASY RITUALS. Ġabra ta’ Proża. Traduzzjoni ta’ Alfred Palma. FiveStar Printing Press Ltd., Qormi 2011. pp. 94)

-----------------------------------

Fil-mixja letterarja ma jistax jonqos li minn żmien għal żmien iseħħ ċertu tibdil f’kull sens. Għax il-letteratura l-kittieba jżommuha ħajja permezz ta’ kitbiethom; u kull ħaġa ħajja maż-żmien tinbidel u tiżviluppa.

Hekk ġara lill-fergħat kollha tal-Kitba Maltija wara r-rivoluzzjoni kulturali tas-sittinijiet; anki jekk uħud mill-kittieba għażlu ( u għadhom jagħżlu) li ma jimxux ma’ dan it-tibdil. Hija ħaġa ċerta li l-kittieba lokali, hekk imsejħa moderniiddakkru minn dawk Amerikani u Ewropej.

Il-ktieb Uneasy Rituals jaqa’ f’din il-kategorija. Patrick Sammut, wieħed mill-aħjar awturi kontemporanji ma baqax lura milli jimxi maż-żmien. Dan ifisser, li filwaqt li fl-imgħoddi kienet tingħata importanza lis-sentiment, illum mill-qalb il-kittieb tela’ għall-moħħ u l-intellett sar jibbrilla f’kull aspett letterarju.

Din il-Ġabra tħaddan 15-il silta ta’ proża jew storja. Qed nikteb dan għax fil-fehma tiegħi uħud mill-kitbiet għandhom xeħta ta’ stejjer, oħrajn ta’ esejs (saġġi). Fihom il-ħsieb jirrenja fuq l-azzjoni. L-attur ewlieni huwa dejjem l-awtur innifsu. Daqqa jġarrab nostalġija għall-passat u daqqa jistħajlu jiġri warajh u jdallamlu ħsibijietu.

Dawn il-kitbiet ifakkruni f’poeti bħal Karmenu Vassallo u George Zammit li t-tnejn donnhom xtaqu jinqatgħu mis-soċjetaÏ ta’ madwarhom u jfittxu s-solitudni u l-kwiet ħalli jgawdu ġmiel in-natura u jgħixu fid-dinja li dejjem ħolmu dwarha. Hekk jagħmel Sammut. Sikwit jirrepeti x-xewqa tiegħu li jgħix f’dinja għalih għax is-soċjetaÏ ta’llum tilfet kull sens ta’ moralitaÏ u saret wisq egoċentrika (The Sea Undos The Knots).

Il-kittieb-ħassieb spiss jipprova jqabbel il-passat mal-preżent. Jippreferi l-ħajja sempliċi tal-imgħoddi. Jippreferi l-għelieqi jħaddru, l-arja pura, il-ħsejjes naturali, il-merħliet fit-toroq, il-karettuni miġbuda mill-bgħula. Min-naħa l-oħra, il-ħajja moderna mimlija storbju ta’ radjijiet b’leħen għoli, bil-ġiri sfrenat, bl-artifiċjalitaÏ u bl-egoiżmu jdejquh u jinnervjawh.

Ma jonqsux ċerti mistoqsijiet dwar l-eżistenza umana (Moments) li għalihom il-bniedem qatt ma jsib tweġibiet sodisfaċenti. Il-qerda tal-ambjent ukoll issib post f’dawn il-kitbiet (A New Horizon) u ma tonqosx anqas tbeżbiża lill-poplu tagħna għat-traskuraġni li naraw fit-toroq, fil-pjazez u fl-isqaqien ta’ pajjiżna. Sammut jinqeda b’ħarġa fil-Buskett (A Moment of Rest at Buskett) biex iwassal dan il-messaġġ. Għax il-kittieb huwa profeta bid-dmir li jwassal messaġġ siewi lill-qarrej; jurih l-iżbalji tiegħu bil-għan li jirranġahom.

Tliet kitbiet interessanti huma Imnarja Knocks Off The Lid, A Trip to Egypt u A Day Out . Tal-ewwel hija deskrizzjoni ta’ dak li jsir fil-festa ta’ San Pietru u San Pawl ġewwa l-Buskett, f’tat-tieni l-awtur itina rakkont dettaljat ta’ mawra li għamel fil-Kajr u tal-ħajja tal-poplu Eġizzjan ta’ qabel ir-rivoluzzjoni ta’ dan l-aħħar. Imbagħad niltaqgħu ma’ A Day Out fejn il-kittieb jikteb dwar ħarġa ta’ sagħtejn li għamel f’xi belt Taljana fejn rikeb karozza, tram u metrou l-bqija mexa biex seta’ josserva u jiddeskrivi dak li ra quddiemu.

Sammut sikwit jinħass solitarju; kollox idejqu u spiss jintilef fi ħsibijietu. Darkness and Light turi t-taqtigħa interna li tgħaddi minn moħħ l-awtur meta jsib ruħu f’sitwazzjonijiet imbarazzanti li biex itihom aktar ħajja jinkwadrahom f’matempati qliel.

Kitba li tista’ tħawwad xi mħuħ hija A Crime fejn il-kittieb ilaqqagħna ma’ karattru konfuż u mitluf fi ħsibijiet tal-biża’ li għalkemm jara jdejh imċappsin bid-demm ma jasalx biex jiftakar x’delitt kien ikkommetta - jekk wara kollox kien ikkommetta! Fi stejjer simili Sammut iħobb idaħħal l-għeja u l-irqad; tal-ewwel turi l-istat dgħajjef mentali tal-karattru, tat-tieni tikxef li l-unika triq ta’ serħan, xi drabi hija dik tal-irqad.

Patrick Sammut jgħid fid-Daħla li dawn il-kitbiet oriġinarjament kitibhom fid-disgħinijiet u kitibhom bil-Malti; aktar tard għaddiehom lil Alfred Palma biex jittraduċihom fl-Ilsien Ingliż. Nistqarr li jien ma qrajthomx fl-oriġinal għalhekk ma nistax nikkummenta dwar it-traduzzjoni tagħhom, imma meta naf kemm hu bravu Palma bħala traduttur u l-ħakma li għandu tal-lingwa Ingliża, nista’ nserraħ rasi li wettaq biċċa xogħol tal-ogħla livell.

Uneasy Rituals għandu żewġ daħliet kritiċi, waħda ta’ Mario Azzopardi u l-oħra ta’ Charles Flores. Huwa mżewwaq ukoll b’għadd ta’ fotografiji li jikkumplimentaw il-kitbiet ta’ Sammut. Il-fotografija hija tal-artist u għalliem żagħżugħ Hilary Spiteri, il-persuna li ħadet ħsieb ukoll il-preżentazzjoni tal-ktieb.

ALFRED MASSA

Kummenti oħra –

Maurice Mifsud Bonnici:

Li qrajt s'issa iffaxxinani speċjalment l-esej MOMENTS. Dawn l-esejs tiegħek moderni ma tridx taqrahom bil-għaġla għax ma tifhem xejn minħabba l-karattru tagħhom vegranti li jaqbeż kultant minn suġġett għal ieħor fl-istess nifs. Il-ħsibijiet tiegħek tagħmilhom jinfirxu fuq taqsima wiesgħa u profonda b'lessiku varjat b'tifsira tgħin tifsira oħra warajha. Ma nistax ngħid li l-qari ta' dal-ktieb huwa eżerċizzju ħafif . Għalkemm huwa mżejjen b'vokabularju rikk għall-aħħar, kultant tqil ukoll, il-ħsibijiet li dawn iġorru ma jrrikonċiljawx malajr mal-ħsibijeit tiegħek li jsegwuwhom. L-Awtur iġorrok ġo toroq li ma tafhomx, kultant mudlama, kultant jgħammxulek għajnejk, u meta tibda tifhem karattru u ssir tħobbu f'daqqa waħda jisparixxi u jidhol ħsieb ieħor, mhux bilfors karattru ieħor, floku, u dil-melee taqtagħlek nifsek għax dan l-istil ta' kitba jagħtik li taqra u tkompli taqra biex tispokri x'ġej ġdid. Mhux ta' b’xejn semmejtu UNEASY RITUALS.

Iż-żewġ daħliet ta' dawk iż-żewġ awturi rinomati --- Mario Azzopardi u Charles Flores - komplew żejnujlek dal-ktieb li mhux ta' stil komuni hawn Malta. Azzopardi sab fiex jimraħ sewwa u Flores qaxxar il-karattru tiegħek ta' awtur/poeta/kritiku aktar milli jafek kulħadd...

Nifraħlek tal-pubblikazzjoni li jixirqilha tinqara minn min iħobb jaqra u min irid jitgħallem kif jinkitbu esejs moderni .

KUMMENT LINA BROCKDORFF

Fl-aħħar sibt ħin biex naqra dak il-ktieb li inti gentilment tajnti, Uneasy Rituals, u la darba bdejtu ma ridtx inħallih minn idi qabel ma spiċċajtu. Prosit, għġgobni tassew. Bi stil oriġinali li fih kull ritratt jgħinek biex tidħol fl-atmosfera ta' dak li ser taqra. L-istil tas-saġġi huwa ferm għal qalbi, u allura kważi aktar nintilef naqra saġġ minn novella, basta jkun miktub tajjeb, iżomm mas-suġġett u ma jkunx repetittiv. Terġa', drabi ma' xi saggi tiegħek issib ukoll imsensla storja ta' xi karattru Malti. M'hemmx għalfejn ngħidlek li l-Ingliż li għamel Alfred Palma huwa mill-isbaħ u aktarx li l-kitba tiegħek tal-Malti ma tilfet xejn minnha. Bravu!

No comments: