Saturday, July 11, 2009

IMNEDIJA GABRA TA’ POEZIJI GDIDA FIL-KULLEGG DE LA SALLE


Nhar il-Gimgha, 3 ta’ Lulju, fl-intrata ewlenija tal-Kullegg De La Salle fil-Kottonera, gie mniedi l-ktieb MIRAGGI LASALLJANI – GABRA TA’ POEZIJI FID-DAWL TA’ SAN GWANN BATTISTA DE LA SALLE, editjat minn Patrick Sammut u ppubblikat mid-De La Salle Brothers Publications (2009). Dan il-ktieb jigbor fih zewg studji dwar zewg reliġjużi, għalliema u kittieba, Bro. Henry Grech f.s.c., u Bro. Michael Buttigieg f.s.c., poeżiji ispirati mill-figura tal-fundatur, San Ġwann Battista De La Salle, u poeżiji fi tliet ilsna (Malti, Ingliż u Taljan) mill-pinna ta’ erba’ għalliema fil-Kulleġġ, Mario Attard, Joseph Axiaq, Stephen Cachia u Patrick Sammut. Il-qoxra ta’ MIRAĠĠI LASALLJANI u d-disinni ta’ ġewwa huma xogħol ta’ għalliem ieħor fil-Kulleġġ, Hilary Spiteri.



Il-Lejla tmexxiet minn Patrick Sammut u għaliha attendew il-Brothers tal-Komunità Lasalljana, għalliema, studenti, ġenituri u anki membri tal-Għaqda Poeti Maltin li tagħha l-mibki Bro. Michael Buttigieg kien membru. Inqraw bijografiji qosra dwar iż-żewġ brothers kittieba u dwar l-erba’ poeti parteċipanti fl-antoloġija, u anki poeżiji tagħhom, bl-għajnuna ta’ tliet studenti tas-Sitt Klassi, Ruth Bonnici, Clara Chetcuti u Reuben Degabriele. Ex-student tal-Kulleġġ, Julian Carter, ipprovda waqtiet mużikali mill-isbaħ fuq il-pjanu.



Matul il-Lejla, Dr. Charles Briffa għamel studju dettaljat u kritiku dwar MIRAĠĠI LASALLJANI u tkellem dwar il-kontribut ta’ Bro. Henry u Bro. Michael fil-qasam edukattiv u letterarju. Il-Brother Direttur tal-komunità Lasalljana, Bro. Martin Borg f.s.c., waqt id-diskors tal-ahhar, tkellem dwar kif jiftakar lil Bros. Henry u Buttigieg, dwar il-Fundatur u dwar l-importanza li l-komunità Lasalljana dejjem tat lill-pubblikazzjonijiet ta’ ċertu livell permezz tad-De La Salle Brothers Publications. Bro. Martin kien dak li emmen sa mill-bidunett fi progett bhal dan u ghen finanzjarjament biex isir realtà. Ġiet ġentilment regalata kopja ta’ MIRAĠĠI LASALLJANI lil dawk kollha preżenti, u l-artist, Hilary Spiteri, tkellem dwar id-disinni li jżejnu lil din il-pubblikazzjoni ġdida. Il-Lejla spiċċat b’riċeviment ġentilment offrut mill-istess komunità Lasalljana.

No comments: