1. Anton Grasso bħala kittieb ta’ rakkonti u anki bħala l-kuxjenza/għarfien tad-differenzi bejn il-klassijiet soċjali. Xi tgħid dwar dan?
Ħafna min-nies li jisimgħu b’ismi jassoċjawni biss mal-aktar ġeneru ta’ kitba li nħobb: l-istorja tal-biża’, ir-rakkont li jimliek b’tensjoni eċċitanti, idaħħlek f’qoxortok, iġiegħlek tħares b’kurżita ` warajk jekk tisma’ żaqżiqa ta’ bieb. Dan hu qasam li interessani minn ċkuniti u ħdimt għalih minn qalbi mhux biss minħabba n-nuqqas tiegħu f’pajjiżna, anzi dik ma kinitx l-ewwel imbuttatura tiegħi lejh. Kienu l-biżgħat tiegħi u fl-istess waqt il-kurżita` tal-bniedem li jien. L-anatomija tal-biża’ u l-kurżita` li ma tistax tifridhom. Bħalma ma tifridx ukoll ħafna drabi l-kuxjenza u l-għarfien bejn il-klassijiet soċjali f’xogħlijiet oħra tiegħi. Kull bniedem għandu kuxjenza li ħafna drabi jadatta skont kif iħoss il-ħtieġa u ġieli jipprova jifgaha. Id-differenza bejn il-klassijiet soċjali hi wkoll punt importanti f’xogħlijieti. Il-bniedem għani, il-bniedem fqir, il-bniedem li jifhem u dak li jaħseb li jifhem u dak li ma jifhimx, dak li jemmen li kull ħaġa li jagħmel hi tajba u dak li jħoss li f’ħajtu qatt ma għamel xejn tajjeb. Ftit jew ħafna, kollha għandhom posthom fir-rakkonti tiegħi.
2. Spiss il-protagonisti huma nisa li jew romlu jew sfaw bla żwieġhom. Drabi oħra huma l-imwarrbin u d-dgħajfa. Għaliex dan?
Fil-fehma tiegħi l-mara hi persuna kumplessa ħafna; tista’ tagħti, anki ħafna, iżda dejjem tistenna iżjed. Forsi għalhekk fl-istejjer tiegħi, lill-mara nixgħelilha xemgħa li trid jew ma tridx, fl-aħħar ikollok titfihielha. Iżda n-niċċa ta’ ommi f’qalbi hi mnaqqxa għal ħajti kollha u naraha tibki, imnikkta, teżisti minħabba fija u fiż-żewġ ħuti l-oħra, tibni ħajja b’viżjoni qrib it-tbatija. L-imwarrbin u n-nies li m’għandhomx leħen u ħila jitkellmu u jaġixxu weħidhom jew li jħossuhom inferjuri għal ħaddieħor, dejjem kienu qribi u dejjem ħassejt li għandi ngħin lil min m’għandux ħila jgħin lilu nnifsu, nitkellem flok min ma jafx jitkellem għalih innifsu, nagħder lil min iħossu mwarrab, imweġġa’, mitluq, ’il barra miċ-ċirku tas-soċjeta` fejn jgħix. Is-simpatija tiegħi tmur dejjem lejn il-bniedem tellief, l-imbikki, il-batut, il-fqir u l-imgħakkes. X’nista’ nagħti jien lil min irnexxa? Dak m’għandux bżonni. L-istejjer tiegħi ħafna drabi jikkonċentraw fuq min falla, tilef, bata. Huma dawk in-nies li jiġbduli l-akbar simpatija u nħoss il-ħtieġa li niffaċċjahom wiċċ imb’wiċċ. U biex ir-rakkont tiegħi jkun aktar kiefer, lill-miskin nisqih ftit waqtiet ta’ hena jew ħolm ta’ hena, imbagħad ngħaddsu f’destin aktar kiefer. Kontradizzjoni? Forsi.
3. Ir-rakkonti tiegħek għandhom kemm realta` kiefra kif ukoll mis-surreali. Xi tgħid dwar din it-taħlita rebbieħa?
Bla dubju li hemm realta` kiefra. Din il-mistoqsija tkompli ma’ dik ta’ qabilha. Kiefer id-destin għal xi wħud, u jien nagħmlu aktar kiefer. Fil-fehma tiegħi m’hemmx ħajja mingħajr tbatija, ċaħda, diżillużjoni, nuqqas ta’ għarfien tal-persuna u dawk ta’ madwarha. Is-surrealiżmu fid-dinja tas-sukkonxju tiegħi, fid-dinja tal-ħolm li ma noħlomx; fid-dinja tal-ħajja li ma ngħixx jew għallanqas ma ngħixx kif nixtieq hemm il-preambolu tal-għarfien, il-mistiċiżmu profond tal-jien, il-verita`/gidba ta’ xi wħud, il-mantell li jaħrab bil-fantasija. Xi drabi l-ħajja hi surreali daqskemm reali. U xi drabi tistaqsi xinhi r-realta` mingħajr is-surreali.
4. Kif tirreaġixxi għal kumment bħal dan? Mhux veru li Anton Grasso jikteb biss dwar il-biża’ u l-waħx fis-sens klassiku tat-tifsira tagħhom.
Altru li le. Jien bniedem dgħajjef bħal ħafna mill-karattri fl-istejjer tiegħi: batejt, bkejt aktar milli fraħt, tlift aktar milli akkwistajt. Irrid nammetti li jien bniedem perfezzjonist: dan mal-qarrejja tiegħi għax miegħi nnifsi dan il-fatt ili li ammettejtu. U meta tkun perfezzjonist qatt ma tkun kuntent b’dak li takkwista, dejjem tixtieq aktar u ttejjeb dak li jkollok. Fil-fehma tiegħi s-suċċess isibu dak il-bniedem li jkun kuntent b’dak li jkollu. Għandi xogħlijiet li nikklassifikahom bħala waħxija par excellance, klassiċi fil-biża’ tagħhom, ifakkruk fil-ħolm ikrah li kellek meta kont tifel jew fil-ħolm li tixtiequ isbaħ issa li sirt adult. Imma l-waħx tiegħi jinfirex f’diversi taqsimiet, f’għadd ta’ rqajja’, illużjoni u thewdin. Mill-mummji, il-fatati, l-iħirsa tal-imgħoddi, għaddejt għall-qattiel modern, li taf tiġi wiċċ imb’wiċċ miegħu int u jien. Bla ma nafu. Għalhekk hemm il-biża’ minn dak li mhux magħruf bħala biża’.
5. Aspett importanti fil-kitbiet tiegħek hu li l-bniedem hu l-bniedem bit-tajjeb u l-ħażin tiegħu. Kemm huwa minnu dan?
Liema bniedem m’għandux it-tajjeb u l-ħażin u kif tista’ tikteb fuq il-bniedem mingħajr ma ddaħħal dawn iż-żewġ elementi, toroq li jgħaddi minnhom kulħadd, anki min ma jammettix. Xi drabi trid tkun taf tiflihom; hemm min jemmen fil-ħażin bħala xi ħaġa tajba u l-kuntrarju. F’ħafna stejjer tiegħi l-bniedem jidher kif tabilħaqq hu, kif narah jgħix f’moħħi, kif jaġixxi miegħu nnifsu u mas-soċjeta`. Fl-istorja tal-biża’, dawn iż-żewġ elementi jistgħu jidhru mġebbda jew lejn naħa nkella oħra, iżda qegħdin hemm dejjem. Fi stejjer oħrajn tiegħi, bħal dawk li dehru fit-tliet volumi: Stejjer minn Raħal Midfun, Stejjer għall-Kenn tal-Fuklar u Stejjer minn Qiegħ l-Irdum, il-bniedem tista’ tħossu u tmissu aħjar, tisimgħu jieħu n-nifs, jilmenta, jagħdab, u l-aspett tat-tajjeb u l-ħażin joħroġ aħjar.
6. Kemm tħoss li Grasso kittieb immatura letterarjament minn żmien l-ewwel pubblikazzjoni ta’ dawn ir-rakkonti saż-żmien meta erġajt rajthom u rfinajthom?
Nemmen li mmaturajt ħafna. Jien stess insostni li meta llum m’għadx għandi l-ħerqa u l-entużjażmu tal-ewwel pubblikazzjonijiet tiegħi fil-gazzetti lokali, aktar tard fil-kotba, illum nemmen li tul it-triq tal-pubblikazzjonijiet li bdejt fil-1974 bl-ewwel ktieb tiegħi Iljieli bla Qamar, tgħallimt norqom u ngħanni dak li stajt għamilt qabel. Min hu daqsi jew min qara l-kotba tal-bidu tiegħi u min qara xogħol li ħriġt f’dawn l-aħħar snin, jintebaħ bid-differenza.
7. Fiex kien jittratta dan il-proċess ta’ rfinar?
Proċess li kif għidt int ta’ tirqim u editjar. Ma kienx proċess ħafif li naqra ħafna mill-istejjer tiegħi li ħriġt f’diversi volumi li ppubblikajt u nagħtihom il-bixra moderna u matura li mexxietni tul 35 sena ta’ pubblikazzjonijiet. Iżda nemmen li kien eżerċizzju meħtieġ u importanti. Dawk li m’għandhomx il-volumi kollha ta’ stejjer tiegħi jew għax dak iż-żmien li bdejt jien kienu għadhom żgħar inkella għax ma kinux interessati, illum fl-aħħar sitt volumi ta’ stejjer li għażilt u rrevedejt jien stess, naħseb li jistgħu jiksbu l-aħjar stejjer li ktibt.
8. X’taħseb li jagħmel il-kitba ta’ Anton Grasso waħda mfittxija minn bosta qarrejja?
L-eċċitament, it-tensjoni, l-element tal-biża’. Jibża’ kull bniedem anki dak li ma jammettix. M’għandix dubju li l-kotba tiegħi huma mfittxija ħafna għax iqanqlu l-interess ta’ bosta qarrejja, kemm dawk li jħobbu stejjer tal-biża’, kemm dawk li jħobbu stejjer b’karattri aktar attwali, li jistgħu jiltaqgħu u jidentifikaw ruħhom magħhom, min f’waqtiet rari, oħrajn f’waqtiet aktar sikwit. Iżda naħseb li fattur ewlieni fis-suċċess tiegħi hu t-tħaddim tal-kelma Maltija, mexxejja, eleganti, ħafifa u sempliċi.
9. Ġieli kellek l-opportunita` tiltaqa’ ma’ kittieba barranin li huma involuti fil-kitba tal-istess ġeneru letterarju tiegħek? Min kienu u fejn seħħ dan?
Le. Iżda bil-korrispondenza kelli kuntatt interessanti u ġenwin ma’ awturi li huma fost l-aħjar, b’xogħol magħruf universalment u maqlub f’għadd ta’ lingwi. Insemmi lil Ira Levin, li tiegħu qlibt żewġ rumanzi: Rosemary’s Baby (It-Tarbija ta’ Rosemary) ippubblikat fl-1977 u fl-1993 u A Kiss Before Dying (Bewsa qabel il-Mewt) ippubblikat fl-1993 u fl-2004. Dawn iż-żewġ rumanzi nħadmu films. Ira Levin kellu ċerta ammirazzjoni lejja. L-istess, l-awtur Amerikan William Katz, li tiegħu qlibt ukoll żewġ rumanzi. Ix-xogħlijiet tiegħu nqalbu f’aktar minn għoxrin lingwa. Xogħol ieħor li qlibt riċentament hu The Mephisto Waltz (Il-Valz ta’ Mefistofle) ta’ Fred Mustard Stewart. Xi seba’ xhur wara li bgħatt il-kopji lill-aġent tiegħu rċevejt ittra mingħand il-mara tal-awtur fejn qaltli li r-raġel tagħha kien kuntent ħafna li ddeċidejt li naqleb ir-rumanz tiegħu għall-Malti u kellhom il-ħsieb li jiġu Malta, jiltaqgħu miegħi u jaraw pajjiżna iżda b’xorti ħażina miet fl-2007.
10. X’se jikteb Grasso mil-lum ’il quddiem, jiġifieri minn wara Qrusa?
L-ewwel xogħol li għandi għall-istampa hu Rmied, ġabra ta’ stejjer li għażilt mill-ewwel sas-sitta u għoxrin volum li bdilthom radikament. Ma jfissirx li m’għandix xogħlijiet li għadhom ma ħarġux. Għandi ħafna stejjer u żewġ rumanzi oħra. Jekk nerġa’ nikseb il-ħerqa li kelli darba jistgħu jiġu ppubblikati aktar kotba ġodda tiegħi. X’se jiġri ’l quddiem ma nistax ngħid.
11. Tħoss nuqqas kbir fil-qasam lokali tal-okkażjonijiet fejn il-kittieba u l-poeti jiltaqgħu u jiddiskutu flimkien u anki mal-pubbliku interessat f’xogħlijiethom u r-rabta bejn il-letteratura u s-soċjeta`? Xi tgħid dwar dan?
Aktar milli kbir. Il-kittieba u l-poeti għandhom isibu okkażjonijiet fejn jiltaqgħu u jiddiskutu xogħlijiethom. L-akbar ħasra f’dan il-pajjiż mhix li l-awturi ma jiltaqgħux ma’ awturi oħra, iżda li l-awturi ma jiltaqgħux mal-pubbliku, jitkellmu miegħu, jisma’ siltiet minn xogħlijiethom, jiddiskuti, jidħol fid-dinja tagħhom anki jekk ma jaqbilx magħhom. F’nazzjon żgħir hi rabta meħtieġa bejn awtur u l-qarrejja tiegħu; fażi li jmissha tibda, jekk mhux mill-Gvern, mil-Librerija Pubblika, laqgħat li jġibu lill-pubbliku wiċċ imb’wiċċ mal-awtur, jidħlu fid-dinja ta’ xulxin, jaqsmu l-ideat bejniethom, min hu l-awtur, x’lest jagħti, x’jistenna mill-qarrejja tiegħu.

Gunju/Lulju 2009
No comments:
Post a Comment