1. Minn fejn u meta bdiet in-namra tiegħek mal-poeżija?
RG - Qabel xejn grazzi ta’ l-istedina tiegħek. Emminni ma niftakrax mument partikulari li fih ħassejt il-ġibda lejn il-poeżija. Aktar naħseb li hija xi ħaga ġewwa fija li minn kmieni ħafna ħassejt li għandi nesprimi ruħi b’dan il-mod. Mindu kont żgħir dejjem kont persuna li tosserva; dak li bdejt nara u dak li bdejt inħoss bdew isawruni xi ftit jew wisq sensittiv. Fost l-aktar affarjiet li jdejquni fil-ħajja huma l-inġustizzja u l-ingratiduni. Fil-fehma tiegħi l-inġustizzja ġġib l-oppressjoni kemm fil-qasam soċjali, politiku, kif ukoll reliġjuz, b’hekk jinbet l-ixprun biex nikteb.
2. Temmen li biex wieħed jikteb poeżija valida għandu qabelxejn jaqra ħafna u ħafna poeżiji miktubin mill-klassiċi u minn poeti magħrufa fuq bażi dinjija?
RG - Poeżija tajba fil-fehma u l-esperjenza tiegħi hija dejjem suġġettiva. It-tiġrib persunali ta’ kull bniedem huwa uniku għalkemm jixxiebah. Li wieħed jaqra u jixtarr dejjem ġid jista’ jagħmel għax jara d-dinja ta’ ħaddiehor fir-realtà tagħha u b’hekk jintegra ruħu kemm fis-sewwa u fid-dnewwa ta’ persuna oħra; però jekk wieħed jaqra ħafna u ħafna jista’ jigi influwenzat aktar minn kemm għandu bżonn u jispiċċa jitlef l-identità unika tiegħu. Naħseb ukoll li wisq qari jieħu post is-solitudni u dawk il-mumenti ta’ riflessjoni fejn il-poeżija tkun tista’ toħroġ, tissawwar u timraħ sakemm tinqabad maħżuża fuq il-karta.
3. Liema huma t-temi li tikteb dwarhom?
RG - Nikteb skont il-ħsieb, m’għandi l-ebda tema li nippreferi. Miftuħ għal dak kollu li jgħaddi minn ġo moħħi. Konxju ħafna tal-ħolqien u min issostnih, għalhekk għandi numru ta’ poeżiji li jagħtu ħajr u qima lill-Mulej.
4. Fejn dehru l-poeżiji tiegħek s’issa?
RG - Il-poeżiji tiegħi l-aktar li dehru s’issa fuq ir-radju, rivisti, folji, bloggijiet u ġurnali, kif ukoll f’kotba kemm Malta u barra minn Malta.
5. Fejn u meta tispira ruħek l-aktar?
RG - Din mhix faċli li niġbed konklużjoni fuqha. Il-lehma poetika m’għandhiex xi lok partikulari fejn tgħammar; il-muża taf tgħarxek fi kwalunkwe sitwazzjoni. Ġejt imnebbaħ kemm f’ambejnt solitarju kif ukoll qalb il-folol.
6. Temmen li l-poeżija għandha tkun biss eżerċizzju fl-arti, jew għandha jkollha wkoll messaġġ?
RG - Ngħid għalija poeżija bla messaġġ mhix poeżija tajba. Jista’ jkun li mhux kul]add jaqbel miegħi, però jien inħoss li irrid inkun parti mis-soluzzjoni. Għaldaqstant inwassal messaġġ li għandu jagħti kontribut sabiex l-affarjiet jaqilbu għall-aħjar. Jista’ jagħti l-każ li l-messaġġ ma jintgħarafx mill-ewwel għax ikun moħbi jew jistkenn fil-metafora. Meta persuna taqra l-poeżiji tiegħi bil-galbu, bla għaġla, issib li hemm tagħlima jew messaġġ ta’ min jixtarr.
7. Tippreferi tikteb il-poeżija skont kriterji tradizzjonali fejn taħkem ir-regolarità, jew il-poeżija skont kriterji moderni fejn jaħkem il-vers ħieles? Għaliex?
RG - M’għandi l-ebda preferenza, daqqa nikteb tradizzjonalment u daqqa nikteb bil-vers ħieles. Dan nagħmlu skont il-ħtiega, u skont l-udjenza li magħha rrid naqsam ħsibijieti u fl-istess ħin nidentifika lili nnifsi mal-problemi ta’ ħaddiehor. B’hekk nagħti l-kuraġġ sabiex kemm il-qarrejja u s-semmiegħa tiegħi jinħelsu minn ħsibijiet u emozzjonijiet li jagħmlu ħsara.
8. Kemm huma importanti l-Għaqdiet tal-Malti u l-mezzi tal-komunikazzjoni għall-poeta?
RG - Kemm l-Għaqdiet kif ukoll il-medja jagħtu għajnuna imprezzabbli lill-kittieb. L-Għaqda Poeti Maltin li tagħha jien membru attiv tagħmel ħafna ġid lill-poeta, kemm dak li għadu jibda kif ukoll dak li hu stabbilit. L-GħPM torganizza lejliet ta’ poeżija u mużika, fil-beraħ tat-toroq u fil-pjazez, għall-membri tagħha kif ukoll għall-ħbieb tal-poeżija; kulhadd jista’ jattendi għal dawn is-serati u jista’ jaqra x-xogħlijiet tiegħu. Barra minn hekk il-poeżiji li jkunu ta’ kwalità tajba jiġu ppublikati; dan jagħti inċentiv lill-poeta sabiex itejjeb il-prodott tiegħu.
9. Kemm hu importanti li l-poeta jkollu kuntatti ma’ poeti u kittieba barranin? X’importanza għandu l-internet f’dan ir-rigward?
RG - Il-poeta hemm bżonn ikollu kuntatti ma’ poeti oħrajn sabiex jaqsam xogħlu ma’ min jaħsibha bħalu. Il-ħadid isinn il-ħadid, għalhekk meta jkun hemm kuntatt bejn il-poeti, il-komunità poetika tissaħħaħ u ssib l-inkoraġġiment meħtieg. Min-naħa l-oħra l-internet għandu sehem kbir fl-iżvilupp tal-poeżija. Id-dinja qiegħda ssir villaġġ wieħed minħabba l-internet; dan fih it-tajjeb u l-ħażin tiegħu, però l-kittieb għandu jkun konxju ta’ dan il-potenzjal u juża din il-kumdità għall-avvanz ta’ kitbietu.
10. Inti tieħu ħsieb is-sit elettroniku tal-GĦPM u żżommu aġġornat. X’sodisfazzjoni jagħtik rwol bħal dan?
RG - L-ewwel ħaġa hi li b’xi mod jew ieħor nagħti sehem sabiex l-għaqda li nkun imsieħeb fija timxi ’l quddiem. Jekk kull membru jagħti sehmu jkun qiegħed jgħin lill-uffiċjali u l-bqija tal-kumitat iwettqu ħidma ta’ fejda b’risq il-poeżija għall-ġid tal-letteratura, tal-ilsien Malti u l-poplu tiegħu. Is-sodizzfazzjon jissaħħaħ hekk kif tasal il-gratitudni u ta’ dan l-Għaqda Poeti Maltin hija fuq quddiem nett.
11. Għandek f’moħħok li xi darba tippubblika f’ġabra l-poeżiji tiegħek?
RG - Dan proġett li qed iberren f’moħħi, xi ħaġa li nixtieq nagħmel. Nipprova ngħix ġurnata b’ġurnata u fl-istess ħin nippjana għall- ġejjieni. F’dan il-qafas hemm il-poeżiji lesti biex nippublikahom.
Stennejtni Mulej
Stennejtni ma’ ġenbek bi nhari xemxin
bqajt nilgħab bla ħsiebek bir-ramel għad-dell.
Bqajt nibni kastelli b'trunċieri mdawrin
bqajt narma s-suldati bix-xwabel għad-dwell.
Stennejtni ma' djulek fl-iljieli qamrin
bqajt nofroq il-baħar fuq ġifen bla qlugħ.
Bqajt nirkeb il-mewġa fuq żwiemel kburin
bqajt nofrogħ u nogħla fuq ħolmti merfugħ.
Sa waslet il-ħalla bil-minġel l-imwiet
kaxkritli l-kastelli w għarqitli l-imwieġ
faqgħetli t-trunċieri ċajpritli l-ħolmiet.
Xolt waħdi ħallietni kejnitni sirt zgħir
hemm leħnek smajt riesaq fuq żifef il-fwieġ
sejjaħtli, kellimtni... raddejtlek il-ħajr.
Raymond Grech
2 ta' April 2006
Tas-Sliema

No comments:
Post a Comment