Saturday, November 13, 2010

Ħsibijiet u taħżiżiet waqt li qed naqra SKIZZI TAL-KARNIVAL – POESAĠĠI 2005-2010 ta’ Mario Azzopardi, Horizons 2010.

Il-kittieb, ġurnalist u poeta Mario Azzopardi jerġa’ lura għax-xena letterarja, din id-darba bi ktieb esperimentattiv li jista’ jiġi kkategorizzat xi mkien bejn il-poeżija, il-proża u l-epistola. Skizzi tal-Karnival – Poesaġġi hija pubblikazjoni ta’ 149 paġna, b’Introduzzjoni miktuba mill-Prof. Charles Briffa, intitolata “Il-Proża tħaddan il-poeżija”, u b’Epilogu miktub mill-Prof. Oliver Friggieri bit-titlu ta’ “Mario Azzopardi bejn il-poeżija u l-proża”. Fin-nofs hemm 34 kitba ġdida ta’ Azzopardi, b’aktar minn 10 minnhom li jieħdu l-forma ta’ ittra, u anki r-rakkont “Nataniel Isir Raġel” li kien deher fil-ktieb ta’ rakkonti ta’ Azzopardi, L-Aħħar Ġranet ta’ Ciorni (2009).

Naraw lil Mario Azzopardi bħala dak li jaf eżattament x’inhi d-dinja tal-bniedem u anki l-gżira insulari li aħna ngħixu fiha. Lil din tal-aħħar jifliha bir-reqqa; dawk tiegħu huma versi-awtopsja tas-soċjetà Maltija, imma anki tal-essri tal-poeta-artist.

L-awtopsja tissemma fis-silta Marcel Magritte janalizza interludju ieħor fallut fejn Azzopardi jagħmel awtopsja tal-bniedem ħassieb, bit-thewdin, il-ħtijiet, l-intimitajiet sigrieti u fissazzjonijiet tiegħu.

Is-soċjetà Maltija taqa’ taħt il-lenti ta’ Azzopardi f’kitba bħal Urbania 2008: Taaml tista’ faċilment tkun Malta, fejn in-nies, “La għandhom divorzju, la jemmnu fl-abort u lanqas ma jridu l-ewtanasija. Jippreferu l-anestesija quddiem il-programmi li jurihom it-televiżjoni statali.” (p. 130) Fuq naħa naraw il-poeta-ġurnalist jifli fid-dettall l-imġiba u l-psike ta’ poplu jew ta’ umanità. Fuq l-oħra hemm id-djalogu li jikxef l-indifferenza ta’ poplu paxxut u li jgħix fi żmien “is-serenità” quddiem problemi kbar bħan-“negozju tal-organi umani” u n-“negozju sħiħ ta’ nisa adultexxenti jbigħu l-bajd tagħhom lill-industrija tal-IVF”. (p, 133)

L-awtur ta’ Skizzi jikteb dak li ma jlissinx jew dak li jgħaddi minn moħħu f’dawk il-waqtiet meta l-bniedem jgħix id f’id u f’ekwilibriju ma’ dak li hemm iħabbat ġewwa fih jew ma’ dak li hemm jissara (f’paġna 64 naqraw il-kelma “kumbattiment”, filwaqt li fi Skizzi tinħass spiss il-poeżija bħala reżistenza) u jħuf barra minnu, it-tnejn li huma inviżibbli imma qegħdin hemm, bil-poeta li kapaċi jħosshom u jikxifhom bil-mod tiegħu.

Stil:

Spiss il-kitba ta’ Mario Azzopardi titħarrak bejn is-serju u l-grottesk, imma b’saħħitha hija wkoll is-satira. Il-grottesk jilħaq il-quċċata tiegħu f’kitba bħal Skizzi tal-Karnival. Żgur li bosta drabi l-qarrej ta’ Skizzi jrid jaqra bejn il-linji biex jifhem sewwa l-ġist tal-ittra fittizzja: “Bħala dixxiplu ta’ Epikurju, dak l-għadu qalil tar-Religio Romana, disinjata biex titterrorizza, tħawwad l-imħuħ u ttaħħat liċ-ċittadini, Lukrezju kien jemmen fl-evanġelju tas-salvazzjoni permezz tas-sens komun.” (Abbozz ta’ ittra..., p. 33) Awtopsja f’10 kapitli għandha mis-sagru, mill-profan, mill-provokattiv u mir-riflessiv. Tieħu l-għamla ta’ djalogu bejn l-imgħoddi u l-preżent, bejn l-estern u l-ġewwieni, bejn il-“jien” u l-“ieħor”, bejn dak li hu mbiegħed u dak li hu qrib. Bosta drabi Azzopardi jitlaq mill-koronaka sewda biex jasal f’destinazzjonijiet, jekk jasal, ħafna iktar imbiegħda.

F’bosta waqtiet jinħass ir-ritmu tipiku tal-poeproża magħmul anki minn rimi ġewwiena. Il-lingwa użata hija taħlita perfetta tal-Malti Semitiku u r-Romanz, u anki l-Anglo-Sassonu fejn jinħass il-bżonn. Għal darb’oħra Mario Azzopardi ta’ Skizzi huwa kittieb prim fis-sengħa tal-kelma, tal-espressjoni li tmiss lill-qarrej minn ġewwa nett, tal-fantasija mħallta ma’ waqtiet imtaqqlin bil-piż tar-realtà kiefra anki jekk silenzjuża.

Fil-gżira ta’ Priapu hija kitba fejn m’hemmx it-triq tan-nofs; dak li għandu jgħid Mario Azzpardi jgħidu bla tlaqliq, bla għasel mad-dawra biex il-qares jintiegħem kif suppost: “Fil-Gżira ta’ Priapu x-xemx tqaxxar il-ġilda w il-bram jinfetta l-baħar. Iżda n-nies tiffanga bl-istuffat

tal-fniek u l-fwied moqli tal-gamiem. Tisker taħt l-irdieden tan-nar in-nies, tisker bil-festa u bl-għors tal-pudenda.” (p. 55) Insibu l-użu tas-similitudni li tinbena b’elementi nofshom magħrufa u ppruvati biż-żmien u nofshom ġodda, sperimentali, b’tifsiriet imqiegħda f’kuntesti ġodda. Hemm il-lingwaġġ li jista’ jixxokkja lil xi wħud, referenzi bibliċi, mitoloġiċi, li jorbtu dak li qed jingħad ma’ dimensjoni li għandha mir-reali u mill-imbiegħed fl-istess ħin.

Parti mdaqqsa mil-lingwaġġ li juża Mario Azzopardi hawn iltqajna miegħu diġà f’ġabriet poetiċi tal-imgħoddi. Hawn però jkompli jwessa’ l-għalqa figurattiva u tal-esperimentazzjoni.

Fis-silta Kerouak, ix-xitan fis-seklu XIII u l-awditorju tal-miżerikordja Azzopardi jipparodizza ċerti diskorsi li jsiru minn preżentaturi ewlenin waqt programmi ewlenin fuq il-media. Il-parodija f’rabta mal-media titħaddem ukoll f’Matti Juhani: “Imma ħadd ma żamm il-ħin/ta’ liema katavri kesħu l-ewwel./ Kienet tkun interessanti statistika bħal dik.” (p. 108) Anki hawn Mario Azzopardi jurina kemm tista’ taqa’ fil-banalità parti mill-media.

Il-kitba L-istorja ta’ Jahwe – Profeta tat-triq faċilment setgħet tittella’ bħala dramm tal-passjoni b’differenza.

Strutturalment Skizzi għall-ewwel jidher frammentat, imma meta tasal fl-aħħar paġna tħoss li hemm element li jgħaqqad kollox.

Spazji:

Bħala spazji l-kitbiet jifirxu sewwa: Ġinevra, il-Kalabrija, l-Alto Adige, Porta Marzia, il-Palestina, Novi Pazar, Smederevo, Belgrad (kollha fis-Serbja), Tessaloniki, il-Finlandja, Manchester u r-Rumanija, fost oħrajn. Apparti dawn, fil-kitbiet tiegħu Mario Azzopardi jimxi u jesperimenta fi spazji li jimirħu bejn ir-reali, is-surreali u l-assurd. U dan kollu jiddeskrivih b’ “indifferenza” kirurġika, apposta, bejn is-serju u l-parodiku. Fil-kitba Marcel Magritte... naqraw dwar “żona mhi ta’ ħadd” (post il-poeta?) (p. 103) F’Marius u l-misterjuża M. naqraw dwar dak li “jinnaviga fil-limiti ta’ bejn l-esseri u n-nonesseri, bejn l-essenza u n-nuqqas ta’ sustanza, bejn il-ħajja u lil hinn minnha.” (p. 105)

Dwar il-poeta:

Spiss Mario Azzopardi jittratta d-definizzjoni ta’ “poeta”. Fl-ewwel silta naqraw hekk: “...hemm tendenza li l-poeti jidhru kapriċċużi, spekulattivi, maqtugħin mill-konkretezza u s-sens komun u li jippreferu jtawlu għonqhom biex jifhmu l-messaġġ tal-ħamiem u tal-gawwi jgħajjat qabel il-maltemp.” (pp. 33-34). Dwar ir-rabta bejn ix-xjenza u l-poeżija jikteb li “l-poeta ġenwin ma jistax ma japprezzax intrapriżi esploratorji”. Naqraw ukoll li “hemm poeżija f’kollox” u li l-poeżija tittratta dak kollu li hu rilevanti. Joħroġ il-fatt li l-poeta hu fuq kollox osservatur prim ta’ dak kollu li qed iseħħ madwaru. Wieħed imbagħad irid jiddistingwi bejn il-“moħħ poetiku l-aktar miġnun, li jiffilosofizza” (u hawn jintmess it-traxxendentali), u “poeti aktar normali li jiktbu biss taqbiliet biex jidħlu għall-konkorsi tal-mużika popolari”.

Il-poeta hu mifhum anki bħala l-bniedem tal-impuls, tal-azzjoni, dak li “jrid jirrevedi kollox, ikejjel il-manipulazzjoni u jitkellem kontra min qed jevita l-krib tal-miżerabbli.” (p. 37) Il-poeta veru hu dak li “jitbiegħed mit-ton moraleġġanti”, “mingħajr ma jħabbel rasu liema metru se juża jew liema rima” u li “lest li jmut u jċedi l-glorja u l-konvenjenza u l-konvenzjoni”. (p. 38)

Dawn jistgħu jinftehmu anki bħala awtodeskrizzjoni ta’ Mario Azzopardi poeta. Bħal meta jikteb dwar poeżija li “tirrivitalizza l-lingwa, u tenerġizzaha bħallikieku waslet fil-limitu tal-estinzjoni tagħha u trid tivvintaha mill-ġdid.” (p. 63) Fl-istess paġna naqraw dwar “xbihat tassew sorprendenti” u “li minkejja ċ-ċiniżmu tal-wiċċ, hemm tama ġdida fil-poeżija tiegħek (jew imissni ngħid rassenjazzjoni solenni jew stojka)”, u anki “li l-poeżija għandha tippreżenta l-kapitli tal-ħajja”. Wieħed fl-aħħar jistaqsi jekk dan kollu hux qed jinkiteb f’sens ta’ tmelliħ.

Ta’ min jinnota kemm-il darba tissemma l-kelma “poeta”. Il-personaġġ jew persona Marius hu Mario Azzopardi, imma leħen dan tal-aħħar jinsab fil-personaġġi/ilħna kollha li joħloq f’dawn il-kitbiet. Xi drabi nimmaġinawh jikteb l-ittri bilqiegħda fuq siġġu quddiem skrivanija, drabi oħra narawh jikteb “fl-infinità l-aktar skura”. (p. 84) Hemm għalhekk din il-korrispondenza bejn Marius u l-ilħna l-oħra.

Il-kitba tinħass ukoll bħala kura “f’iżolament strett”. Il-poeta jinqata’ mill-umanità li tant jaf biex jikteb dwarha minn distanza. Il-poeta li l-ħin kollu hu fi djalogu ma’ ta’ madwaru jifhem li meta jżomm ’il bogħod minn dawk bħalu, jinqata’ minnhom, isib verament lilu nnifsu.

F’L-ittra lil Kaldon... Azzopardi jikteb dwar il-poeta li “jiddwella mad-dellijiet fantażmi ta’ moħħu, jipprova jifred ir-realtà mill-irreali, is-sustanza mid-delużjoni, is-silġ min-nar, l-alfa mill-omega.” (p. 95) Ftit aktar ’il quddiem naqraw dwar il-“poeżija tax-xfafar, tal-istaġuni fl-infern, li ttemtem quddiem ir-ritmi awtentiċi tal-ħajja.” (p. 97)

Referenzi għal kittieba u artisti oħra:

Bħal kull kitieb jew poeta li jrid jiġi rrispettat, Azzopardi mhux nieqes mill-qari tax-xogħlijiet ta’ kittieba oħra, bosta minnhom barranin. Jissemmew Rimbaud, Istvan Orkeni, Andy Warhol, il-Markiż de Sade, Kerouac, Sartre, Husserl, Pasternak, De Chirico, Bosch, Kavafy, Nikos Kavadias, Dionisju Solomos, Alan Jackson, Tolstoj, u Rabelais.

Ħarsa lejn dak li qed iseħħ madwarna:

Azzopardi poeta u ġurnalist jikteb dwar il-“problema tal-katavri ħajjin fil-Kontinent l-Iswed”, il-“kampanja ta’ materjaliżmu prammatiku li qed issib spazju enormi fuq il-mezzi elettroniċi”, “l-istrateġiji tal-konsumiżmu”, is-“sensazzjonaliżmu fil-media”, ix-“xjenza militari”, ir-“riċerka u l-produzzjoni nukleari”, il-kożmetiċi, il-kirurġija plastika, il-ġinekoloġija kożmetika, il-prijoritajiet foloz, id-difiża kontra t-terroriżmu, il-“preġudizzju w is-sentenzi ta’ ġensi/ kontra l-għorba tad-dgħajjes li jaslu mill-kontinent l-iswed” (p. 47), l-“ispam mail li tikkumerċjalizza s-sess u li saret tinvadi kull kompjuter” (p. 90), l-“antenni twal radjuattivi” li “jikkawżaw sintomi koroh fis-saħħa taċ-ċittadini”, l-“intossikazzjoni tal-awtorità u s-serviliżmu”, it-“totemiżmu ta’ żmienna, imnebbaħ minn prodotti soċjokulturali mgeżwrin fil-bandiera Amerikana”, il-“psewdovirtujiet tradizzjonali” u l-“preċetti foloz li xxuttawna sal-għadam, li ħolqu traġikummiedja sħiħa bl-etika soċjali”, il-“politika finta, il-parodija reliġjuża”, l-“imħallfin b’idejhom iwaħħlu bit-tixħim, l-idolatrija kummerċjali, il-massifikazzjoni, l-edukazzjoni li tibbottja ’l ulied il-poplu jew tipprofetizzalhom il-falliment”, l-“isfrakass ekoloġiku... biex jibnu t-torrijiet tal-metall u l-ħġieġ” (p. 113), il-vittmi tal-piroteknika.

Timora Jackson trid tikteb lill-President, kitba qawwija kontra l-gwerra, tittratta l-missjoni jew “talba tal-mewt” li l-President Amerikan isejjaħ għaliha eluf ta’ żgħażagħ, u anki l-“ommijiet tal-ulied eżiljati”. F’dan id-dawl l-għajta għal-libertà hi biss “biċċerija oxxena u feriti fondi fir-ras ta’ min jibqa’ biex jimxi l-funerali.” Fejn hemm il-gwerra hemm l-infern, u fejn hemm l-infern mhemmx post għall-poeżija. X’inhu dan kollu jekk mhux poeżija jew kitba bħala reżistenza?

Quddiem dan kollu Mario Azzopardi jfittex l-“antidotu” (p. 111) kontra l-ħażin kollu tad-dinja. Fejn jinsab dan l-antidotu? Fil-kliem jew fil-pawża bejn kelma u oħra?

Dwar l-għeruq tagħna: Il-leħen f’Awtostorja f’10 kapitli hu wieħed li jmur lil hinn minn kull limitu ta’ spazju jew żmien. Hu leħen li ġej mill-imgħoddi mbiegħed u fl-istess ħin kien u hu preżenti f’kull żmien. Żgur hemm rabta mal-Istorja, l-isfond tal-gżejjer Maltin, ma’ dak li hu tagħna, dak li aħna tassew. Hija għalhekk kitba li tgħin biex nifhmu min aħna u mnejn ġejna, anki fuq livell ta’ poplu Malti, bit-tajjeb u l-ħażin tiegħu. Ma ninsewx li tagħna huwa poplu antik u għalhekk demmu hu mħallat sewwa, u dan fi żmien meta xi wħud mill-Maltin jitkellmu kontra s-suwed u favur ir-razza Maltija (ara Xi notamenti mill-arkivji tar-razza).

Aktar dwar Skizzi:

Żgur li l-poeżija vera hija dik li ġġiegħlek tidħol fik innifsek, tfittex, anki tintilef, biex fl-aħħar issib lilek innifsek: “Jien li fl-eżilju tiegħi għaraft min jien”. (p. 50)

Hemm imbagħad is-silta L-istorja ta’ Jahwe – Profeta tat-triq fejn Jahwe/Kristu hu fiċ-ċentru tal-attenzjoni. Din hija ħarsa mill-ġdid lejn il-figura kumplessa ta’ Kristu minn perspettivi differenti, bl-implikazzjonijiet kollha ta’ dak li qal, għamel, u fisser għan-nies ta’ żmienu. F’L-Istorja tal-Magoj Azzopardi jsir wieħed mill-Maġi li jfittex “triq il-kometa” sa ma jasal. L-Iskrittura terġa’ tinħass fil-kitba Marcel Magritte... fejn b’xi mod hemm ix-xbieha tal-Golgota (Kristu, is-salib, in-niket). F’Posta elettronika lil Andreas Girard... Kristu l-Galilew hu mifhum bħala “mudell anarkiku perfett”. Dwar Ġesù nerġgħu naqraw f’Il-Maxtura f’Paceville. F’din il-kitba ta’ natura bejn ġurnalistika u bejn satirika naraw lil Ġesù tarbija li jinsteraq minn maxtura f’Paceville. Azzopardi juża anki lingwaġġ li jdarras apposta (anki jekk jintuża fit-taħdit ta’ kuljum), f’rabta ma’ avveniment importanti bħall-Milied. L-awtur jistaqsi jekk dak tagħna hux Milied spiritwali jew biss materjali.

Spiss il-bniedem jiġi ppreżentat bħala marid terminali, immankat, iddisprat sas-suwiċidju. Dan kollu għaliex? Forsi kollha huma simbolu ta’ umanità li qed titnawwar. L-awtur ta’ Skizzi jinvolvi wkoll lill-qarrej biex miegħu jipprova jsib tip ta’ tarf għall-kobba.

Fis-silta Sala numru M-K 13 ningħataw analiżi klinika ta’ numru ta’ pazjenti f’sala tal-isptar. Naraw l-umanità f’waqtiet ta’ tbatija, abbandun u disperazzjoni, u dan fi żmien meta l-pubbliċità titma’ l-idea tal-“life is beautiful”. Parti minn din il-kitba hija silta minn konverżazzjoni tipika bejn viżitatur u pazjent. Għall-morda terminali l-mewt tinftiehem bħala mistrieħ. Għal Mario Azzopardi l-mewt hija tranżizzjoni sielma, b’ “destinazzjoni mhijiex fissa”. (p. 122)

Għeluq:

Skizzi tal-Karnival iħaddem stil bejn proża u poeżija. Azzopardi ma jikteb “Xejn eċċezzjonali ħlief is-solennità tal-banali”. (p. 115) Il-“poesaġġi” li jissemmew fis-sottotitlu huma “paesaġġi” mentali, fantastiċi, mistħajla, reali, differenti; u “saġġi” għax għandhom il-piż intellettwali tagħhom, bosta drabi frott min jinsab wiċċ imb wiċċ mat-tmiem, mal-waqt finali (it-terrorist, is-suwiċida, il-marid terminali, il-poeta). Żgur li Skizzi tal-Karnival – Poesaġġi mhux għal kulħadd u dan għax il-kitbiet mhumiex faċli, anki għax jinnarraw ukoll stejjer ta’ tbatija, oppressjoni u solitudni. L-iktar ġid li jseħħ minn ktibiet bħal dawn mhux waqt li qed taqrahom, imma wara, meta fis-silenzju u bla ma trid tixtarrhom u tħoss l-eku tagħhom imissek, jinfdek, jisfidak u jċaqilqek minn ġewwa.

Patrick Sammut

Wednesday, November 03, 2010

Ir-rebbieħa tal-Konkors Nazzjonali tal-Poeżija 2010

Fir-ritratt jidhru miġburin ir-rebbieħa tal-Konkors Nazzjonali tal-Poeżija 2010.

Nhar il-Ġimgħa, 1 ta' Novembru 2010, l-Għaqda Poeti Maltin tellgħet il-Lejla ta' Premjazzjoni tal-Konkors Nazzjonali tal-Poeżija 2010. Il-post magħżul għall-premjazzjoni kien il-Foyer tad-Diviżjoni tal-Edukazzjoni, fil-Furjana. Mexxa s-Serata s-Segretarju tal-Għaqda, Charles Magro.

Għal din is-sena l-Ġurija kienet magħmula mis-Sinjuri Lina Brockdorff, Joe D. Fenech u Godwin Degabriele. Għall-Konkors daħlu 100 poeżija li kienu mqassmin hekk: 70 bil-Malti, 21 bl-Ingliż u 9 bit-Taljan.

F'diskors qasir il-President, Alfred Massa sostna li jħossu sodisfatt bin-numru ta' konkorrenti; dan meta ftit li xejn l-Għ.P.M. sabet għajnuna fit-tnedija tiegħu min-naħa tal-mezzi tal-komunikazzjoni. Massa qal dan l-interess fil-poeżija juri li ħidmet l-Għ.P.M. qiegħda tħalli l-frott tagħha. Huwa appella lil dawk preżenti biex jaqraw aktar poeżiji u jissuktaw jiktbu. Fakkarhom li l-Għaqda Poeti Maltin għandha l-organu tagħha, VERSI, l-unika rivista Maltija ddedikata kompletament għall-Poeżija. Massa żied jgħid ukoll li hija ħasra li konkorsi simili f'pajjiżna naqsu sew.

Ir--riżultat għas-sena 2010 kien dan:

Taqsima Malti: 1. F'Għajnejk (Joe Saliba); 2. Jien u Hi (Therese Vella); 3. Qalb l-Irmixk (Therese Pace).

Taqsima Ingliż: 1. Memories (Alice Buhagiar); 2. San Raflu Lakelet (Maurice Mifsud Bonnici).

Taqsima Taljan: 1. Sogni Miei (Miriam Camilleri); 2. La Roccia del Generale (Maurice Mifsud Bonnici).

Il-poeżija rebbieħa tal-Premju Buontempo: F'Għajnejk (Joe Saliba).

Versi premiati di Maurice Mifsud Bonnici

LA ROCCIA DEL GENERALE

Trepide le onde marine,

Battendo fatigate il petto

Contro la Roccia quieta e robusata,

Schiumando dalla bocca la rabbia

Che da secoli tormenta il macigno,

Forte, perennio, corposo,

Duro e spinoso,

Che regge supremo indenne

Nella solitudine russando

Le notti di Dwejra

Nel muto silenzio ignoto

Riempendo l'idillico vuoto

Di sogni mai sognati,

Mai cantati,

Nascendo l'alba

Che dà posto al dì.

(Premiata seconda, Concorso Nazionale di Poesie 2010, Għaqda Poeti Maltin – Associazione Poeti Maltesi)

SAN RAFLU LAKELET

Never have I been to a place

so ethereally peaceful –

a chip from heaven ensconced

in arboreous solitude unseen,

resting supine on a glazed lakelet,

serene and contemplative –

a nook resembling heaven

secluded from the din that haunts

human activities at the expense of nature.

Never have I seen trees and water

in such a peaceful amalgam:

one giving what the other lacks –

an image of possessed beauty;

the back-drop sky releasing blue

to blend with reflected green

from trees crammed cravingly round

the sleeping edge of mirrored water.

A cloistered lake in miniature

that San Raflu hoards so jelously

in a depression of the land called Ħofra,

in which the rain finds its repose

to keep the goldfish plying

so restfully within the hold

at the sight of dragon-flies, that like

pristine midget planes patronize above

the somnolent lake against intruders.

The show will live long in my heart

so vividly as on my first sight.

(Winner of Second Prize, National Poetry Competition 2010, Għaqda Poeti Maltin – Association of Maltese Poets.)

Tuesday, November 02, 2010

Therese Pace - vuċi femminili ewlenija fil-qasam tal-Poeżija Maltija kontemporanja

Għadha kemm seħħet il-Lejla ta' Premjazzjoni tal-Konkors Nazzjonali tal-Poeżija 2010, li l-Għaqda Poeti Malti ttella' kull sena. Waħda mill-ippremjati hija l-poetessa minn Birkirkara, Therese Pace, u membru tal-istess Għ.P.M. Il-poeżija Apis Mellifera ssemmiet b'ġieħ fil-kategorija tal-Malti:


APIS MELLIFERA


Bi nhar jien ajruplan privat

għaddej straxxnat, ivenven,

bil-lejl manifattura bla permess.

Mill-irdoss skorfin taċ-ċella

tal-kunvent ġabsali tiegħi

bħal Madre Tereża noħroġ

kuljum

inħuf u nterraq

fuq missjoni umanitarja

man-natura militanti

u b’żifniet eċċitanti

tribali, spettakolari

ta’ żanżin u żiġġar żigużajg

biex inħajjar oħrajn bħali,

immorru dawra, nilloffjaw,

fuq il-mitjar ta’ fomm fjura

nillandjaw

lagħqa żebgħa nillapazzaw

fuq ġisimna b’suf iż-żajbar.

U bin-nettaru mċappsin

nerġgħu lura, mgħobbijin,

lejn ix-xehda

biex bil-moxt ta’ newl bżulitna

deheb naħilġu mit-trab fin

ġħasel bnin

biex bih taħji lil griżmejk.


Il-poeżija Qalb l-Irmixk ħadet it-tielet premju fil-kategorija tal-Malti:


QALB L-IRMIXK…


Qalb l-irmixk ta’ dawn l-ittri virtwali

fil-computer ta’ ruħek deħlin,

ninsab jien, fuq ix-xwiek, qed nistenna

biex b’idejk timmarkali d-destin.

Qalb l-irmixk ta’ ruxxmata messaġġi

wasalt f’hemża, inġorr kontenut

li jaf jinfed sal-ifnad membrana

tal-ġewwieni, jew jinxef u jmut.

Qalb l-irmixk, li mis-software mentali

qed jissielet biex jiġbed ’l għajnejk,

nisma’ eluf t’ilħna jfesfsu kontrija

jirbumbjaw fit-tanbur ta’ widnejk.

B’qalbi ttaqtaq, bejn l-għażla u ċ-ċaħda,

minn ġol-inbox, b’missjoni mitfugħ,

nillixkak biex tniżżilni w taqrani

mbagħad terfagħni fl-arkivju tar-ruħ.

u minkejja l-għarbiel tat-tisfija

fil-computer dubbjuż tal-erwieħ

nibża’ wisq li taljina w tixħetni

mar-raċanċ li bil-ħeffa tinsih

bla ma taqra, ma tiżen bil-għaqal

dal-proposti mħejjija għalik;

bla ma tilħaq, mill-misqja ta’ mħabbti,

bit-tleglig taqta’ l-għatx ta’ xortik.

Bla ma nilħaq nurik, għalik ibni,

ponn f’idejja maħfun l-istedin

miktub lilek bil-linka tal-għożża

u ffirmat il-Missier fit-twemmin.

Għax, x’tiswa ż-żjara mingħajr konoxxenza?

X’tiswa l-festa mingħajr mistednin?



Poeżija oħra ta' Therese Pace, bl-isem ta' RUBINI ġiet inkluża f'antoloġija Ewropea, intitolata SGUARDI E VOCI GIOVANI SULL'EUROPA. Il-poeżija msemmija tista' tinqara aktar 'l isfel.


To mark its period of Presidency of the Eurpean Union, Spain, embarked on a cultural project of publishing a poetry anthology, its theme being SGUARDI E VOCI GIOVANI SULL’EUROPA which was to be accompanied by a freshly composed hymn. The Real Academia De España En Roma, with various other collaborators like the Gobierno De España, Ministerio De Asuntos Exteriores y De Cooperaćion, Ministerio De Cultura, Embajada De España en Italia, Instituto Cervantes di Roma, SEACEX, Fondazione Roma Museo, fondazione abertiş, as well as other embassies and/or entities, realized the project. Each member state had to submit a poem and a photograph around this theme for inc

lusion. This handwritten poem would then be included in the country’s language as well as translated into Italian and Spanish. Malta’s contribution was a poem called RUBINI by THERESE PACE and a photo by Ludvic Attard. The anthology was launched in Rome on the 29th June 2010. It is a robust, impressive collection of cultural diversity as demonstrated by the respective artists.


RUBINI


Qaluli,

dawn ixirka ntellettwali

ta’ maturità fiskali

jiġru wara l-ideali.

Bil-għodod tal-mestier

fl-attaché case,

miż-żgħir sal-kbir,

sebgħa u għoxrin,

wieħed wieħed deħlin

iħaffru fil-minjiera.

Kitfejhom ma’ xulxin,

rashom baxxuta,

mehdijin

jisiltu r-rubini

mill-vixxri klandestini.

Għidtilhom,

f’dil-minjiera,

ir-rubini kemmxejn skarsi,

prezzhom għali,

għax l-iżmalt

stilla stilla asterizzat,

sabiex jibbrilla

irid jiġi kkalkulat

ta’ qies ugwali

u r-rubin iċċanfirat:

proċess intens, metikoluż,

iżda essenzjali.

...u issa qed inħasslu regolari

ir-rubini tali e quali.

Sunday, October 24, 2010

Omaggio alla poesia italiana all'Istituto Italiano di Cultura di Valletta


L’Istituto Italiano di Cultura di Malta ha organizzato la Settimana della Lingua Italiana tra il 18 e il 22 di ottobre nella sua sede a Valletta. Questa settimana di attività per il 2010 ha chiuso in bellezza con una Serata di Poesia organizzata insieme all’Associazione dei Poeti Maltesi e sotto il patrocinio del direttore dell’Istituto, il Dott. Bruno Busetti.

Per questa serata i Poeti Maltesi hanno letto poesie in italiano scritte da loro stessi o versi di scrittori italiani contemporanei. Incluse c’erano anche poesie in lingua maltese e inglese che trattavano il tema Italia. Tra le poesie lette c’era una del poeta nazionale maltese, Dun Karm Psaila, un sonetto dedicato a Donizetti, e altre di poeti italiani contemporanei come Paola Mara De Maestri, Alberto Figliolia (ambedue dalla Lombardia) e Amerigo Iannacone (dal Molise).

Il vice-presidente, Patrick Sammut, ha ricordato il fatto che ottobre qui a Malta è proprio il mese del poeta nazionale siccome ad ottobre è nato e morto (n. 18 ott. del 1871; m. 13 ott. del 1961).

Il segretario dell’Associazione dei Poeti Maltesi, Charles Magro, ha presentato, mentre il mezzosoprano e membro dell’Associazione dei Poeti Maltesi, Miriam Camilleri, ha cantato tre pezzi presi dal repertorio italiano, inglese e napoletano rispettivamente. Il Presidente dell’Associazione, Alfred Massa, ha ricordato l’occasione quando nel 1985 alcuni membri dell’Associazione salirono in Calabria, nel paese di Rivachiara, per un incontro con poeti

italiani. Da questo nacque la pubblicazione Ġieħ lil Kalabrija/ Ricordi Calabresi. Omaggio alla Calabria del 1986.

Il direttore dell’Istituto Italiano, il Dott. Busetti, ha ringraziato l’Associazione dei Poeti Maltesi e ha detto che le porte dell’Istituto ha le porte sempre aperte per occasioni tali. [Nelle tre foto: l'udienza presente alla serata di poesia; il Dott. Bruno Busetti; Alfred Massa, Presidente dell'Associazione dei Poei Maltesi].

Un link interessante riguardo la serata a Valletta:

Ktieb ġdid ta' Mario Azzopardi


VAMPIR KOMIKU JINVADI S-SUQ

Mistenni fi ftit ġranet oħra l-ħruġ tal-

ktieb ġdid ta' Mario Azzopardi, bi stejjer

li jistgħu jiskomodawk.

Sunday, October 17, 2010

Intervista mal-kittieb Taljan minn VENAFRO, Amerigo Iannacone

“Il-kitba hija ħolqien mix-xejn”

M. Xi tfisser il-kitba għalik?

T. Nista’ nazzarda definizzjoni bħalma hi: li tikteb ifisser tilħaq l-ambizzjoni tiegħek. Imma normalment wieħed ma jistaqsix għaliex jikteb. Jiena bdejt nikteb l-ewwel poeżiji tiegħi sa minn meta kont immur l-iskola Primarja u qa

tt ma għaddieli minn moħħi li xi darba kont se nippubblika x-xogħol tiegħi. Il-kitba kienet u għadha b’xi mod jew ieħor bżonn. Nista’ anki ngħid li li tikteb ifisser li toħloq mix-xejn, bħalma tgħidilna l-etimoloġija tal-kelma poeżija, li ġejja minn verb bil-Latin li jfisser “toħloq”.

M. Liema humal-kotba għal qalbek?

T. Hemm ħafna. Wieħed – dan jista’ jidher banali – huwa l-ġabra tal-Canti ta’ Leopardi. Tista’ tinkludi r-Rakkonti ta’ Edgar Allan Poe, Delitt u Kastig ta’ Dostoevski u ħafna aktar klassiċi tas-seklu 19, fuq kollox dawk Russi u Franċiżi. Aktar qrib tagħna, ħafna mill-poeti tas-seklu 20, partikolarment Sinisgalli, Cardarelli e Quasimodo. Fost ir-rumanzi hemm Il Gattopardo ta’ Tomasi di Lampedusa u Il Deserto dei Tartari ta’ Dino Buzzati.

M. Liema huwa l-isbaħ ktieb li qrajt f’dawn l-aħħar tliet snin?

T. Jeħtieġ li nerġa’ ngħaddi l-kotba li qrajt u nsibha diffiċli niftakarhom u aktar u aktar nagħmel klassifika tagħhom. F’moħħi bħalissa għandi ktieb li laqatni ħafna: Quattro mele annurche, rumanz qasir ta’ Maria Rosaria Valentini, kittieba żagħżugħa u poetessa minn San Biagio Saracinisco u li toqgħod fl-Isvizzera. Huwa isem magħruf mhux ħażin, imma naħseb li għad jissemma iktar fil-ġejjieni fil-qasam tal-letteratura.

Fost il-kotba tal-poeżija, ktieb sabiħ li qrajt dan l-aħħar hu L’orto del poeta ciociaro ta’ Gerardo Vacana.

M. X’inhi r-rabta tiegħek mar-reġjun fejn toqgħod u mar-raħal tiegħek?

T. Naħseb li kulħadd fil-ħażin u fit-tajjeb iħallas xi tip ta’ kera lil artu. U huwa inevitabbli li għal wieħed bħali, li rari tbiegħed mir-reġjun fejn joqgħod, tispiċċa biex tinħoloq relazzjoni ta’ mħabba u mibegħda ma’ art twelidu. Mibegħda għal dawk il-ħwejjeġ li jmorru ħażin u li wieħed jixtieq li jinbidlu, imma ma jista’ jagħmel xejn. L-imħabba ma tistax tispjegaha għaliex. Imma forsi wieħed isir iħobb l-affarijiet li jara ta’ kuljum, il-muntanji, it-toroq, id-djar, is-siġar, u forsi anki ċerti wċuħ jispiċċaw biex isiru parti mill-memorja tagħna.

M. Ir-relazzjoni tiegħek mal-belt fejn tgħix?

T. Jekk qed tirreferi għall-belt fejn ngħix, irrid ngħid li fir-realtà l-post huwa raħal ċkejken u r-relazzjoni tiegħi miegħu hu l-istess bħal dak li għandi mar-reġjun ċkejken li ngħix fih: nista’ ngħid l-istess affarijiet li għedt dwar arti.

Jekk tridni nitkellem dwar il-belt in ġenerali, irrid ngħid li ma jiddispjaċinix li kull tant żmien inżur il-belt għal dak kollu li tista’ toffri, u mhux biss bħala servizzi u kummerċ, imma anki għall-ħajja kulturali u għal-laqgħat siewja li wieħed jista’ jkollu.

Però ma naħsibx li nieħu gost ngħix għat-tul f’belt kbira: fiha tintilef, hemm wisq konfużjoni u ħwejjeġ li jtellfuk, u ħadd ma jaf lil ħadd.

M. Kif wasalt għall-pubblikazzjoni tax-xogħol tiegħek?

T. Wieħed jista’ jagħmel diskors twil ħafna dwar il-qasam tal-pubblikazzjoni u fuq l-għażliet editorjali tal-edituri kbar u mhux daqshekk kbar, li moħħhom biss fil-bejgħ u mhux fil-prodott ta’ kwalità.

Imma jiena, kif inti taf, immexxi dar tal-pubblikazzjoni żgħira u l-kotba nippubblikahom jiena stess.

Min-naħa l-oħra biex nippubblika l-ewwel ktieb tiegħi, ġabra ta’ poeżiji bl-isem ta’ Pensieri della sera, li ħarġet fl-1980, kulma għamilt kien li qbadt manuskritt u ħadtu għand l-istampatur.

M. Qatt attendejt xi korsijiet tal-kitba kreattiva?

T. Le, qatt ma attendejthom, imma flimkien ma’ kollegi oħra, f’xi żewġ okkażjonijiet, għamilna kors flimkien mal-istudenti u r-riżultati kienu ta’ inkuraġġiment. Xi wħud mill-istudenti bdew jiktbu f’dik l-okkażjoni u baqgħu jiktbu. Wara li għamilna seminar f’Caiazzo, fil-provinċja ta’ Caserta, kien ġie ppubblikat volum interessanti bl-isem ta’ La scrittura creativa, flimkien ma’ interventi minn tagħna u reazzjonijiet tal-istudenti.

M. Taħseb li korsijiet bħal dawn huma utli?

T. Nibda billi ngħid li jekk m’hemmx it-talent li wieħed ikun twieled bih, ma hemm l-ebda kors li jista’ jaħdem. Minkejja kollox nemmen li korsijiet ta’ dan it-tip jistgħu jkunu utli, għax għandhom funzjoni partikoari, dik li lil dak li jkun tgħinu jagħraf ċerti kwalitajiet li diġà jkollu moħbijin ġewwa fih. Jistgħu jgħinu lil dak li jkun jagħraf il-kapaċitajiet tiegħu.

M. Liema taħseb huwa l-iktar aspett kumpless tal-kitba narrattiva?

T. Nippreferi ma nitkellimx dwar aspetti kumplessi, imma aktar dwar it-tiftixa tal-ideat u l-mod kif wieħed jirnexxilu jibdilhom f’kitba li taħkmek permezz tal-istil tagħha.


M. Kif tikteb, bil-pinna jew fuq il-kompjuter? Filgħodu jew bil-lejl? Għandek xi “riti” partikolari?

T. Mingħajr kompjuter, trid jew ma tridx, ma tista’ tagħmel xejn. Meta nkun id-dar nikteb – ili diġà numru ta’ snin – direttament fuq il-kompjuter, għax huwa komdu: tista’ tħassar, tikteb mill-ġdid, tkompli fejn tkun ħallejt, u l-bqija. Imbagħad issib it-test diġà lest għall-istampa, għall-gazzetta jew biex tibagħtu permezz tal-posta elettronika. Minkejja dan, il-pinna ma nwarrabhiex, l-aktar meta ma nkunx id-dar, matul xi vjaġġ jew x’imkien ieħor. Dejjem inġorr miegħi aktar minn pinna waħda u spiss insibni bil-bwiet mimlijin b’biċċiet tal-karti b’noti miktubin fuqhom.

L-ebda rit, imma ġeneralment matul il-lejl naħdem aħjar, għax ma jkunx hemm affarijiet xi jtellfu: m’hemm it-telefown idoqq, min iħabbat il-bieb, m’hemm it-tentazzjoni li tieqaf minn xogħlok biex toħroġ jew tiddedika ruħek għal ħwejjeġ oħra.

M. Kif twieldet l-idea li tikteb il-ktieb Il Paese a rovescio?

T. Il-ktieb ta’ rakkonti qosra, Il Paese a rovescio e altre fiabe, twieled bħala “divertissement”, jew aħjar bħala numru ta’ “divertissement”, ladarba t-testi ġew miktuba fuq numru ta’ snin u nġabru f’volum uniku dan l-aħħar. Minkejja dan ittieħed bis-serjetà u ġie apprezzat mill-kritiċi, mhux biss minħabba l-laqta umoristika, imma anki minħabba l-ironija, is-satira meqjusa u minħabba l-intenzjoni li jgħallem li spiss tinħass bejn il-linji mingħajr ma tgħajjik. Forsi mhux sewwa li jiena stess nitkellem hekk dwar il-ktieb tiegħi, imma fir-realtà kulma qed nagħmel hu li nirrepeti dak li qalu ċerti kritiċi jew qarrejja.

M. Tippreferi r-rakkont jew il-poeżija?

T. Naħseb li “tippreferi” mhux il-verb adattatt. Jiddependi mill-waqt. Ejjew ngħidu li nalterna. Minkejja dan, il-kitba poetika, indipendentement mill-valur li l-poeżija tiegħi jista’ jkollha, tagħtini aktar sodisfazzjon. Wara li nikteb poeżija nħossni trankwill u appagat. Irrid ngħid però li darba waħda qarrejja tax-xogħlijiet tiegħi qaltli li r-rakkonti tiegħi donnhom “poeżiji fit-tul” (kienet qed tirreferi għall-ktieb tiegħi Microracconti tal-1991), ħaġa li ħadt gost biha ħafna, u li ġagħlitni naħseb. U fil-fatt m’hemmx qtugħ nett bejn ir-rakkonti u l-poeżiji, bħalma jista’ jkun hemm bejn poeżija u artiklu ta’ ġurnal (għax jiena ħdimt ukoll bħala ġurnalista).

M. Tista’ tagħtina definizzjoni ta’ poeżija u ta’ rakkont?

T. Dan hu verament diffiċli. Jekk tipprova taqra d-definizzjoni tal-kelma “poeżija” f’għaxar dizzjunarji differenti, issib għaxar definizzjonijiet differenti, xi drabi kontradittorji, u tinduna li l-ebda waħda ma tissodisfak. Nistgħu ngħidu x’mhijiex il-poeżija? Mhix passatemp ta’ nhar ta’ Ħadd, mhix żvog fiha nnifisha, mhijiex hobby. Il-poeżija hija fl-istess natura tal-poeta. U hemm il-poeżija meta l-qarrej li jaqra test isib ftit minnu nnifsu.

Ir-rakkont huwa narrazzjoni li jkollha kontenut validu u li tagħti pjaċir permezz tal-istil użat.

M. Kif għażilt it-titlu tal-ktieb Il Paese a rovescio?

T. Huwa l-isem ta’ ħrafa li mbagħad għażilt ukoll għall-ktieb sħiħ. Imma t-titlu hu Il Paese a rovescio għax fir-rakkonti spiss hemm it-taqlib ta’ taħt fuq tar-realtà jew għallinqas tal-mod kif naraw ir-realtà, kważi dejjem fuq nota ironika jew awtoironika.

M. Għandek proġetti f’moħħok għall-ġejjieni?

T. Iva, għandi bosta ħwejjeġ f’moħħi, anki jekk bil-ħajja frenetika li ngħixu u li ta’ kuljum tisfurzana nagħmlu affarijiet li faċilment ngħaddu mingħajrhom (il-kju fl-uffiċċju tal-posta, iż-żjara għand id-dentist, il-faċendi tal-familja...) u li tisforzana nkunu f’postijiet li nippreferu nżommu ’l bogħod minnhom, mhux dejjem insib il-ħin u s-sliem biex niddedika ruħi għall-kitba.

Fost ix-xogħlijiet mibdijin, ġabra tal-poeti li jgħixu fil-provinċja tiegħi, dizzjunarju ta’ personaġġi importanti ta’ Venafro ta’ kull żmien, antoloġija tal-poeżija bl-Esperanto bi traduzzjoni għat-Taljan. Xi ħaġa li għalissa għad m’hemmx: min ma jafx l-ilsien m’għandu l-ebda mod kif joqrob lejn il-produzzjoni poetika bl-Esperanto li anki hija għandha l-importanza tagħha. U għandi affarijiet oħra mibdijin jew ippjanati li nispera li jaraw id-dawl jekk ikolli s-saħħa u nibqa’ ħaj.

Bijografija qasira:

Amerigo Iannacone twieled fl-1950,jgħix f’Venafro, fil-provinċja ta’ Isernia, fir-reġjun ta’ Molise, u jgħallem fil-livell sekondarju. Huwa direttur tal-folju letterarju li joħroġ kull xahar, Il Foglio Volante – La Flugfolio, imwaqqaf minnu stess fl-1986. Hu awtur ta’ aktar minn tletin ktieb li jintrabtu ma’ ġeneri letterarji differenti, fosthom in-narrattiva, il-poeżija, it-traduzzjoni u l-esej. L-ewwel ktieb tiegħu hu tas-sena 1980. Fost il-kotba tal-poeżija l-aktar reċenti għandu Mater (1995), L’ombra del carrubo (2001), Semi (2004), Stagioni, ġabra ta’ ħajku (2005), Versetti e versacci, ġabra ta’ epigrammi (2006), Oboe d’amore – Ama bobojo, ġabra ta’ poeżiji bilingwi, bit-Taljan u bl-Esperanto, u Luoghi (2009). Għandu wkoll ġabriet ta’ rakkonti bħal Cronache reali e surreali (2008) u Il paese a rovescio (2008).

Qaleb bosta kotba, mill-Franċiż għat-Taljan u mit-Taljan għall-Esperanto. Il-poeżiji tiegħu ġew maqluba f’diversi lsna. Irċieva darbejn il-“Premio della Presidenza del Consiglio per la Critica Letteraria”. Għandu wkoll blog: www.amerigoiannacone.wordpress.com

(Din l-intervista saret minn Nadia Turriziani. Maqluba mit-Taljan għall-Malti minn Patrick Sammut)

Żewġ poeżiji ta’ Amerigo Iannacone bit-Taljan:

Sogno

Sogno un tuo caldo bacio

mentre le labbra

effondono parole che non sento.

Tento un sorriso

e non mi viene bene,

non sono certo

quell’io che vorrei.

Sogno quel bacio

che non avro` mai.

Rotola

Rotola il tempo,

precipita

e tutto travolge.

Alle spalle

una scia di rovine

davanti

il mistero.