Tuesday, November 02, 2010

Therese Pace - vuċi femminili ewlenija fil-qasam tal-Poeżija Maltija kontemporanja

Għadha kemm seħħet il-Lejla ta' Premjazzjoni tal-Konkors Nazzjonali tal-Poeżija 2010, li l-Għaqda Poeti Malti ttella' kull sena. Waħda mill-ippremjati hija l-poetessa minn Birkirkara, Therese Pace, u membru tal-istess Għ.P.M. Il-poeżija Apis Mellifera ssemmiet b'ġieħ fil-kategorija tal-Malti:


APIS MELLIFERA


Bi nhar jien ajruplan privat

għaddej straxxnat, ivenven,

bil-lejl manifattura bla permess.

Mill-irdoss skorfin taċ-ċella

tal-kunvent ġabsali tiegħi

bħal Madre Tereża noħroġ

kuljum

inħuf u nterraq

fuq missjoni umanitarja

man-natura militanti

u b’żifniet eċċitanti

tribali, spettakolari

ta’ żanżin u żiġġar żigużajg

biex inħajjar oħrajn bħali,

immorru dawra, nilloffjaw,

fuq il-mitjar ta’ fomm fjura

nillandjaw

lagħqa żebgħa nillapazzaw

fuq ġisimna b’suf iż-żajbar.

U bin-nettaru mċappsin

nerġgħu lura, mgħobbijin,

lejn ix-xehda

biex bil-moxt ta’ newl bżulitna

deheb naħilġu mit-trab fin

ġħasel bnin

biex bih taħji lil griżmejk.


Il-poeżija Qalb l-Irmixk ħadet it-tielet premju fil-kategorija tal-Malti:


QALB L-IRMIXK…


Qalb l-irmixk ta’ dawn l-ittri virtwali

fil-computer ta’ ruħek deħlin,

ninsab jien, fuq ix-xwiek, qed nistenna

biex b’idejk timmarkali d-destin.

Qalb l-irmixk ta’ ruxxmata messaġġi

wasalt f’hemża, inġorr kontenut

li jaf jinfed sal-ifnad membrana

tal-ġewwieni, jew jinxef u jmut.

Qalb l-irmixk, li mis-software mentali

qed jissielet biex jiġbed ’l għajnejk,

nisma’ eluf t’ilħna jfesfsu kontrija

jirbumbjaw fit-tanbur ta’ widnejk.

B’qalbi ttaqtaq, bejn l-għażla u ċ-ċaħda,

minn ġol-inbox, b’missjoni mitfugħ,

nillixkak biex tniżżilni w taqrani

mbagħad terfagħni fl-arkivju tar-ruħ.

u minkejja l-għarbiel tat-tisfija

fil-computer dubbjuż tal-erwieħ

nibża’ wisq li taljina w tixħetni

mar-raċanċ li bil-ħeffa tinsih

bla ma taqra, ma tiżen bil-għaqal

dal-proposti mħejjija għalik;

bla ma tilħaq, mill-misqja ta’ mħabbti,

bit-tleglig taqta’ l-għatx ta’ xortik.

Bla ma nilħaq nurik, għalik ibni,

ponn f’idejja maħfun l-istedin

miktub lilek bil-linka tal-għożża

u ffirmat il-Missier fit-twemmin.

Għax, x’tiswa ż-żjara mingħajr konoxxenza?

X’tiswa l-festa mingħajr mistednin?



Poeżija oħra ta' Therese Pace, bl-isem ta' RUBINI ġiet inkluża f'antoloġija Ewropea, intitolata SGUARDI E VOCI GIOVANI SULL'EUROPA. Il-poeżija msemmija tista' tinqara aktar 'l isfel.


To mark its period of Presidency of the Eurpean Union, Spain, embarked on a cultural project of publishing a poetry anthology, its theme being SGUARDI E VOCI GIOVANI SULL’EUROPA which was to be accompanied by a freshly composed hymn. The Real Academia De España En Roma, with various other collaborators like the Gobierno De España, Ministerio De Asuntos Exteriores y De Cooperaćion, Ministerio De Cultura, Embajada De España en Italia, Instituto Cervantes di Roma, SEACEX, Fondazione Roma Museo, fondazione abertiş, as well as other embassies and/or entities, realized the project. Each member state had to submit a poem and a photograph around this theme for inc

lusion. This handwritten poem would then be included in the country’s language as well as translated into Italian and Spanish. Malta’s contribution was a poem called RUBINI by THERESE PACE and a photo by Ludvic Attard. The anthology was launched in Rome on the 29th June 2010. It is a robust, impressive collection of cultural diversity as demonstrated by the respective artists.


RUBINI


Qaluli,

dawn ixirka ntellettwali

ta’ maturità fiskali

jiġru wara l-ideali.

Bil-għodod tal-mestier

fl-attaché case,

miż-żgħir sal-kbir,

sebgħa u għoxrin,

wieħed wieħed deħlin

iħaffru fil-minjiera.

Kitfejhom ma’ xulxin,

rashom baxxuta,

mehdijin

jisiltu r-rubini

mill-vixxri klandestini.

Għidtilhom,

f’dil-minjiera,

ir-rubini kemmxejn skarsi,

prezzhom għali,

għax l-iżmalt

stilla stilla asterizzat,

sabiex jibbrilla

irid jiġi kkalkulat

ta’ qies ugwali

u r-rubin iċċanfirat:

proċess intens, metikoluż,

iżda essenzjali.

...u issa qed inħasslu regolari

ir-rubini tali e quali.

No comments: