Dan tiegħek hu rakkont li jimxi
parallelament mar-rakkonti li naqraw fit-Testment il-Ġdid, imma b’ċerti
dettalji li ma nsibuhomx f’dawn tal-aħħar. Xi tgħid dwar dan?
Bħalma taf perfettament, kull rumanz jew ktieb
jeħtieġ l-istil letterarju tiegħu, u dan għandu jkun biex b’hekk ikun jista’
jirrifletti t-tema tal-istess ktieb jew rumanz. F’dan il-każ, fejn jidħol Il-Vanġelu Sigriet ta’ Ġesù, ridt inżomm
l-istil tal-Vanġeli biex b’hekk f’dan l-ambjent bibliku l-qarrej ikun jista’
jirrelata mat-test aktar faċilment.
Rigward dawk id-dettalji li qed tirreferi
għalihom nixtieq nissottolinja l-fatt, li dawn ma ivvintajthomx minn żnieti, imma huma bbażati u kultant imniżżla verbatim minn Vanġeli Njostiċi u dokumenti storiċi
oħra li kienu ġew imwarrba jew kważi meqruda mingħand dawk li biex iżommu
l-poter fuq in-nies ma ridux li joħorġu fid-deher. Prova ta’ dan huwa l-fatt, li s-27 ktieb tat-Testment il-Ġdid huma
frazzjoni żgħira ħafna mil-letteratura Kristjana li ġiet prodotta fl-ewwel
tliet sekli wara Ġesù; Vanġeli magħrufa bħala Apokrifi; testi sagri, li kellhom
rispett kbir mingħand il-komunità bikrija tal-ewwel żminijiet, u għaldaqstant,
xi wħud minnhom inkorporajthom ukoll f’dan ir-rumanz.
Dawn id-dettalji huma
kruċjali ferm biex il-qarrej ikun jista’ jikkomprendi l-umanità kollha ta’ Ġesù. Dan qed ngħidu għax fil-verità, dak li
jiġi ppreżentat fil-Vanġeli tat-Testment il-Ġdid huwa aktarx Ġesù psikoloġikament inkomplut; fis-sens, li f’dawn
it-testi ma nsibuh qatt jidħak jew jiċċajta mal-ħbieb, u ma jgħidulna xejn fuq
x’kien jagħmel ngħidu aħna fil-ħin liberu tiegħu, u/jew fejn vjaġġa f’ħajtu
kollha. Allura hawnhekk wieħed jista’ jistaqsi, possibbli ħajjet Ġesù kienet tikkonsisti
f’dak biss li ġie ridott fi ftit kapitli ġewwa t-Testment il-Ġdid?
Min-naħa l-oħra hawn min jirraġunalek, li dak
li għallem Ġesù f’dal-Vanġeli huwa biżżejjed għas-‘salvazzjoni’
tiegħu. Imma wisq nissuspetta, li dawk li jirraġunaw b’dan il-mod ikunu qed
jagħmlu dan biex b’hekk jippruvaw jissalvagwardjaw l-interpretazzjoni romantika
li ġew indottrinati biha sa minn
meta kienu għadhom tfal, u dan mingħajr qatt ma indenjaw ruħhom jinvestigaw kif
marru verament l-affarijiet. Infatti, minn
dan l-aspett, il-Vanġeli tat-Testment il-Ġdid għandhom diversi żbalji
speċjalment fejn tidħol it-traduzzjoni mill-oriġinal. Pereżempju, insemmu biss is-sekwenza ta’ meta
idden is-serduk (Mattew 26:34), li fil-verità, dan ma kien serduk xejn, imma
raġel/gwardjan li kien ikun għassa mat-Tempju, u ma’ kull erba’ sigħat kien
idoqq bħal speċi ta’ trumbetta li kienet magħrufa bħala Shofar, biex
b’hekk, biha seta’ jindika li għaddiet sahra, li tfisser ammont ta’ ħin.
Il-problema tinsab li meta l-kelma Shofar ġiet tradotta għal-Latin, ġiet
maqluba għall-kelma Gullicinium,
li tfisser l-‘iddin tas-serduk’, li dan seta’ jirreferi għal dak il-ħoss partikolari
li kienet tagħmel dit-trumbetta meta kienet tindaqq. Tant kemm huwa minnu dan,
li l-Liġi Ġudajka, permezz tal-Ktieb tad-Dewteronomju, kienet tgħid, li
fil-Belt Imqaddsa m’għandu jidħol ebda annimal ‘imniġġes’ bħalma kien is-serduk.
Issa dan hu eżempju wieħed biss minn ħafna oħrajn aktar serji li jeżistu
fit-Testment il-Ġdid, u jekk bniedem ikun interessat, dawn l-iskorrettezzi bibliċi
jista’ jsibhom fil-ktieb tiegħi In-Naħa
l-Oħra tal-Istorja Ġudeo-Kristjana, fejn fih dħalt ferm aktar fid-dettall
minn dan l-aspett.
Madankollu, ħafna nies xorta waħda se jibqgħu
jirromantiċizzaw l-istorja ta’ Ġesù, għaliex ħafna drabi, il-finzjoni tiġi
metabolizzata ferm aktar faċilment mill-verità. B’romantiċiżmu nkun qed nifhem, li
ħafna nies ma jkunx jinteressahom kif seħħew verament l-affarijiet, imma minn
dak biss li jaqbel jew jirrifletti lill-identità kulturali tagħhom skont kif ġew
indottrinati biha sa minn mindu kienu għadhom ċkejknin. Biex nagħti eżempju
nista’ ngħid, li kull min isegwi strettament xi forma ta’ reliġjon, jaħseb, li
r-reliġjon tiegħu hija l-verità, u dan minħabba l-fatt għaliex l-egoic structure jew l-identità eżistenzjali
tiegħu,
tkun teħtieġ li tiġi ‘leġittimizzata’ b’kull mezz – u huwa proprju minħabba
f’hekk li matul iż-żminijiet popli sħaħ ġew meqruda fi ‘gwerer qaddisa’ kontra
reliġjonijiet oħrajn – ego personali,
li se ssibu dejjem jiġġieled kontra ego ieħor li jkun qed jikkonfrontah, sew
individwalment, kif ukoll kollettivament (Narċisiżmu Kollettiv). Infatti, dawn
in-nies qatt ma ġġieldu dal-gwerer jekk mhux biex jissalvagwardjaw lill-egoic structure tagħhom, li huma
jsejħulha ‘fidi’, li jkunu bnewha fuq sempliċement indottrinazzjoni li
ħaddieħor iddeċieda għalihom mingħajr qatt ma indenjaw isibu l-verità ġo fihom stess;
u huwa proprju hawnhekk li toħroġ l-importanza vera ta’ dawn id-dettalji li
niżżilt f’dan ir-rumanz.
Kontra kif jistgħu jaħsbu ħafna nies, Ġesù qatt
ma ħoloq xi forma ġdida ta’ reliġjon; kien ħaddieħor, li bl-ingann tiegħu għamel
dan minn fuq Ġesù.
Ġesù
ried biss li jillibera lill-bnedmin billi jwassalhom jiksbu ġewwa fihom is-Saltna
tas-Smewwiet, jew dak li fil-Buddiżmu u f’dixxiplini spiritwali oħrajn hu magħruf
bħala l-Istat Illuminattiv.
Ġesù u l-imħabba
tiegħu lejn id-dgħajfin, fosthom in-nisa, it-tfal u l-annimali. Kemm kien
rivoluzzjonarju Ġesù fi żmienu u fl-ispazju fejn kien jgħix?
Naturalment, għal bnedmin
illuminati bħalma kienu l-Budda u Ġesù, kienet tkun xi ħaġa naturali li permezz tal-Morphic Resonance tagħhom, jew permezz tal-interkonnektività
totali li kellhom mal-kreaturi kollha kienu jaqbżu għal dawk li kienu l-aktar
emarġinati fis-soċjetà. Infatti, fattur ieħor li xtaqt noħroġ f’dar-rumanz kien
fuq ir-rapport sabiħ li Ġesù kellu mas-sess oppost; tant, li f’dar-rumanz,
huma n-nisa li kienu l-aktar dixxipli devoti tiegħu, u fuq kollox, kienu huma,
bl-intwizzjoni straordinarja tagħhom, li fehmu perfettament it-tagħlim ta’ Ġesù,
fosthom Mari ta’ Magadha, li llum nafuha aħjar bħala Marija ta’ Magdala; mara
straordinarja, li m’għandha x’taqsam xejn mal-mod kif ġie mħammeġ isimha
fil-Vanġeli mbagħbsa tat-Testment il-Ġdid, kif probabbilment se naraw aktar
tard.
Min-naħa l-oħra nifhem ukoll, li t-term
‘rivoluzzjonarju’ li qiegħed talludi għalih qed tużah mill-aspett pożittiv,
fis-sens, li t-tagħlim ta’ Ġesù kien bil-ferm aktar avvanzat u radikali miż-Zeitgeist jew mill-Ispirtu taż-Żmien li s-soċjetajiet
kontemporanji tiegħu kienu maqbudin fih. Madankollu, dan it-term ma tantx
għandna nużawh spiss fuq il-persuna ta’ Ġesù, jekk mhux b’mod korrett kif użajtu tajjeb
int, għaliex psikoloġikament nitkellem, dan it-term jimplika kunċett duwalist,
jiġifieri li Ġesù
kien jidher kontra xi forma ta’ Status
Quo. Irridu noqogħdu ferm attenti hawnhekk, għax Ġesù ma kellu ebda intenzjoni
li jkun rivoluzzjonarju minn dan l-aspett. Biex ikun ‘rivoluzzjonarju’, bniedem
bħal dan ikun jeħtieġ li jsib xi ħaġa fuq xiex l-ego tiegħu għandu jkun kontriha. Pereżempju bniedem ta’ dat-tip,
ikollu dejjem bżonn jagħmel mill-inġustizzji tad-dinja, jew xi ħaġa simili, il-‘missjoni
tiegħu’ (Narcissistic supply), iżda
ħafna drabi dan iwettqu mhux biex iġib xi forma ta’ gustizzja globali – anki
wkoll għaliex dan ma jista’ qatt ikun – imma biex b’hekk iħossu li moralment hu
aħjar mill-oħrajn (Narċisiżmu Eżistenzjali) – u dan ma jistax ikun mod ieħor,
ġaladarba dak li suppost għandu jirranġa ġewwa fih ikun qed jippretendi li
għandu jirranġah fid-dinja esterna. Fis-sens, immaġina dinja perfetta mingħajr inġustizzji – fuq
xiex se jilmentaw ruħhom Eżistenzjalisti bħal dawn? U madankollu, xorta waħda
se tibqa’ ssibhom jirribellaw kontra xi ħaġa biex ikunu jistgħu jiżvogaw, u dan
għaliex l-Eżistenzjalist ta’ dat-tip huwa dak li jekk Alla jagħmillu l-ilma
jiżfen xorta waħda se jispiċċa jakkużah li ma jeżistix. Dawn huma dawk li
f’Mattew 11:17, Ġesù jgħid għalihom, “Daqqejnielkom
il-flejguta, u ma żfintux, newwaħnielkom, u ma bkejtux.” Tant kemm ikunu
persuni spiritwalment inkonxji, li dat-tip ta’ nies jaslu biex saħansitra jieħdu
gost jekk tindirizzahom b’dan il-mod, u dan ikun ġej mill-fatt għaliex l-ego tagħhom jibda jaħseb li sab xi forma
ta’ rivali ma’ min jista’ jirrikonoxxi lilu stess.
Fil-verità, ma teżisti
ebda rivoluzzjoni ħielsa minn
dan l-aspett, minħabba li dan ma jkun xejn għajr reazzjoniżmu teoretiku li
ssibu dejjem kontra xi forma ta’ sistema politika għal oħra li tiffavurixxih, u
għaldaqstant, kulma jkun qed iseħħ ikun biss li jinbidel ‘ħabs’ partikolari ma’
ieħor aktar gradit. Iva, vera, kien jiġġieled ukoll f’isem il-ġustizzja u f’isem
iż-żgħir, bħalma kien jagħmel ngħidu aħna Gandhi permezz tas-Satyagraha, imma Ġesù ma kienx
rivoluzzjonarju minn dak l-aspett li semmejt aktar qabel, għax ta’ bniedem illuminat
li kien, hu ma kienx jaħdem fuq l-illużjoni tas-separazzjoni duwalista,
jiġifieri b’dik il-mentalità ta’ ‘jien’ versu l-‘oħrajn’, imma kien jara kollox
bħala ħaġa waħda mal-Etern. Għaldaqstant, ġaladarba Ġesù kien jitkellem b’mod
ħieles mill-preġudizzji tal-ego uman,
allura dan kien jimplika li tagħlimu kien jispiċċa jċaqlaq bl-ikrah
il-preġudizzji duwalisti tas-soċjetà. Huwa minn dan l-aspett biss li fl-opinjoni
tiegħi għandna nużaw it-terminu ‘rivoluzzjonarju’ fejn tidħol il-personalità
straordinarja ta’ Ġesù.
Hemm min iqabbel lil
dan il-personaġġ ma’ hippie li ma kellu rbit ta’ xejn, bi skop uniku, dak li
jxerred il-kelma tat-Triq. Dan joħroġ sewwa f’dan ir-rumanz tiegħek. Kif
tintlaqa’ idea bħal din mill-qarrejja tiegħek?
U le x’hippie hu – ma
tarax! Il-fatt hu, li Ġesù kien Jogi Ebrew, li f’dan is-sens, Yogi jfisser bniedem illuminat, u allura
wkoll individwu liberu totalment minn kull forma ta’ reliġjon li ivvintaw
il-bnedmin.
Min-naħa l-oħra, il-hippies oriġinali kienu dawk iż-żagħżagħ ġejjin mill-klassi medja
Amerikana, li minħabba l-ħajja vvizzjata tagħhom u fatturi soċjoloġiċi oħrajn,
ma riedu jagħmlu xejn għajr jgħixu mhux fil-libertà, imma fil-libertinaġġ; iżda
fl-istess ħin, kien ikun il-papà sinjur tagħhom li kull xahar kien jgħaddilhom
salarju ġeneruż biex b’hekk setgħu jixtru l-imbarazz tal-moħħ, u fl-istess ħin
joqogħdu jduru d-dinja bil-fjuri f’rashom u x’naf jien. Issa kif tintlaqa’ idea
bħal din mill-qarrejja tiegħi m’għandi ebda ħjiel, anki wkoll għax kull
individwu se ssibu dejjem f’level of
Consciousness, jew il-mod kif
iħares lejh innifsu u lejn id-dinja, differenti minn tal-oħrajn; suġġett, li
elaborajt ħafna fuqu fil-ktieb tiegħi Il-Filosofija
tal-Moħħ.
X’ħajrek tikteb rumanz
bħal dan? Liema huma s-sorsi li użajt?
Rigward is-sorsi li użajt
kienu ħafna, fosthom dawk li tkellimt fuqhom aktar qabel, imma wkoll testi
storiċi oħra bħal ngħidu aħna skrizzjonijiet Brahmisti, Ħinduwisti, Buddisti, u
oħrajn. Iżda fuq dar-rigward inżid ukoll, li mhux kulħadd jista’ jkollu aċċess faċli
jew dirett għal xi wħud minn dad-dokumenti. Wieħed hawnhekk jista’ jirraġuna u
jgħid, li dawn it-testi, bħal ngħidu aħna l-Apokrafi u testi Njostiċi oħrajn, ma
jagħmlux parti mit-Testment il-Ġdid, imma bl-istess argument ngħid ukoll, li
lanqas li Ġesù
suppost twieled f’għar ma nsibuha fit-Testment il-Ġdid, imma ħafna nies jaħsbu
li hekk marru l-affarijiet. Li forsi ma jafux huwa l-fatt, li din li Ġesù twieled
f’għar ġiet mittieħda minn dawn id-dokumenti li użajt għal dan ir-rumanz – iżda
jekk minn naħa ħafna nies se ssibhom lesti jibqgħu jemmnu li Ġesù twieled ġo
għar, min-naħa l-oħra, se jsibuha ferm aktar diffiċli biex jemmnu li fost
oħrajn Ġesù studja fil-Librerija ta’ Lixandra, kif ukoll li wettaq vjaġġi twal
lejn l-Orjent fosthom fl-Indja u fil-Kashmir, hekk kif jinnarraw dawn l-istess
manuskritti li minnhom ħarġet ukoll l-istorja li Ġesù twieled f’għar.
Għaldaqstant, li ħajjarni nikteb dar-rumanz kien
li noħroġ min kien verament Ġesù mill-aspett uman aktar minn dak ‘divinizzat’;
nozzjoni teoloġika, li hi magħrufa bħala Apotheosis, jew id-divinazzjoni ta’ figura
mitoloġika li fil-każ ta’ Ġesù,
dal-proċess kien ġie kkupjat totalment mir-reliġjon ta’ Mithra fejn
id-‘divinazzjonijiet’ tagħhom huma prattikament l-istess. Infatti, kien
hawnhekk li seħħet waħda mill-akbar manipulazzjonijiet fl-istorja
tal-Kristjanità, jiġifieri l-amalgamazzjoni tal-Mitraniżmu u l-Kristjanità
Ellenista li kien ivvinta San Pawl.
Għal
min forsi ma jafx, il-Mitraniżmu kien kult Sirjan li oriġina miż-Żoroastriżmu
Persjan, fejn eventwalment, dan ġie introdott f’Ruma Imperjali għall-ħabta
tas-sena 67 qK. Insibu li fil-mitoloġija tiegħu, Mithra, l-alla Persjan
tad-dawl u tal-għerf, twieled minn verġni f’għar fil-25 ta’ Diċembru, u li
mbagħad, meta kiber, wettaq vjaġġi kbar biex jillumina lill-bnedmin. Bħala
dixxipli kellu tnax; ġie ttradut, ikkundannat għall-mewt, u wara mewtu ġie
midfun f’qabar li minnu reġa’ qam minn bejn l-imwiet.
Naraw ukoll li biex intlaħaq dal-kompromess bejn
dal-mit ta’ Mithra u l-Kristjanità Ellenista li kien ivvinta San Pawl, kellu jidħol fis-seħħ proċess
psikoloġiku pjuttost kumpless, magħruf bħala Cognitive
Dissonance, li fi
ftit kliem, dan ifisser meta grupp ta’ persuni jibdew joħolqu rikostruzzjoni
ta’ event falz li jkunu jridu jibqgħu jemmnu fih, strateġija memorjali, li fil-letteratura
tissejjaħ l-Ipoteżi Rikostruttiva. Kien
minħabba f’hekk li f’dar-rumanz ridt ‘nofroq’ lil Ġesù romantiċizzat
tar-reliġjon, minn dak storiku bħala esseri uman, u kienet din waħda mir-raġunijiet
li ħajritni nikteb dan ir-rumanz.
Hija interessanti
l-parti li tikxef ir-rabta ta’ Ġesù mal-għerf u t-tagħlim tal-kulturi
Orjentali. Dan hu dak li jorbot dan ix-xogħol ma’ kotba oħra li ppubblikajt.
Reazzjonijiet tiegħek?
Infatti, dan ix-xogħol
huwa l-prodott finali ta’ tliet kotba ta’ studju oħra li kienu ġew qabel dan
ir-rumanz, li huma In-Naħa l-Oħra
tal-Istorja Ġudeo-Kristjana, Il-Filosofija
tal-Ispiritwalità Kożmika, u Il-Filosofija
tal-Moħħ, li lkoll ġew tradotti bl-Ingliż. Il-fatt li dal-kotba fassalthom taħt
forma ta’ triloġija kien biex l-ewwel nett immexxi lill-qarrej minn stadju għal
ieħor, u t-tieni, biex b’hekk jissokta jifhem ukoll li t-tagħlim ta’ Ġesù kien
wieħed universali li ma kien jintrabat ma’ ebda forma ta’ reliġjon, tant, li l-għerf
tiegħu kien l-istess wieħed li għallmu persuni illuminati oħrajn. Pereżempju minn
dan l-aspett naraw, li dak li għallem il-Budda – li ġie 500 sena qabel Ġesù – kien
l-istess tagħlim li pprietka Ġesù. Ngħidu aħna, fis-Sutra Buddista Dhammapada (10:1),
il-Budda jgħid, “Ikkonsidra
lill-oħrajn bħalek innifsek,” mentri Ġesù jgħid, “Kif tridu li jagħmlulkom
in-nies, hekk agħmlu lilhom.” Imbagħad
fis-Sutra Majjhima
Nikaya (21:6), il-Budda jgħid, “Jekk xi ħadd jagħtik
daqqa ta’ ħarta b’idejh, int għandek tabbanduna kull vendetta;” waqt li min-naħa
l-oħra, Ġesù jgħid, “Min jagħtik daqqa ta’ ħarta fuq ħaddek, dawwarlu l-ieħor.” Imbagħad
fid-Dhammapada (4:7),
il-Budda jgħid, “Tħarsux lejn id-dnubiet
ta’ ħaddieħor, imma osserva dak li għamilt u x’m’għamiltx int;” waqt li Ġesù jgħid, “Min minnkom hu bla dnub jitfa’ l-ewwel ġebla,”
u ħafna tagħlim ieħor li jirrifletti l-istess ħsieb.
Tajjeb li nkunu nafu li dal-paraguni huma frazzjoni żgħira ħafna minn dawk li tennew
il-Budda u Ġesù
b’mod eżatt bħal ta’ xulxin; u jekk bniedem ikun interessat jista’ jsib
dal-paralleliżmu kollu fil-ktieb tiegħi Il-Filosofija
tal-Ispiritwalità Kożmika, fejn fih
dħalt ferm aktar fid-dettall minn dan l-aspett.
B’xi mod dan hu rumanz
li jistedinna nwarrbu dak kollu li hu superfiċjali u żejjed biex fl-aħħar naraw
il-veru Dawl. Għaliex, u x’inhu dan?
Minn dan l-aspett naraw
li sa minn elfejn sena ilu, u allura sa minn dak iż-żmien meta l-Għerf jew
id-Dawl beda jiġi mwarrab biex jagħmel spazju għar-reliġjonijiet tal-Kollettiv,
il-Bniedem waqa’ fi dlam ta’ injoranza spiritwali ferm akut; mhux għax
l-umanità marret lura minn dan l-aspett, imma għax dawk li wettqu din
l-akrobazija perversa riedu li jibqgħu jżommu l-poter fuq in-nies. Dawn
il-‘linji gwida reliġjużi’, madankollu, mhumiex, u qatt ma jistgħu jirriflettu
l-għerf li għallmu bih Ulied id-Dawl, proprju għaliex dal-forom ta’ reliġjonijiet
se ssibhom jaħdmu biss fuq il-livell kunċettwali tal-moħħ, jiġifieri f’dak
id-dipartiment psikoloġiku li fih jiffunzjona l-ego illusiv ta’ kull esseri uman
(Sanskritu, Karmaja-adhyasa). Infatti,
kien proprju minħabba f’hekk li l-umanità, speċjalment dik tal-Punent, inħakmet
minn psikożi ta’ biża’ reliġjuż tremend, fosthom permezz tal-invenzjoni
tal-infern, li permezz tiegħu, il-massa setgħet tiġi taħt il-kontroll totali ta’
dawk li sa mill-bidu ma kellhom qatt grazzja mad-Dawl Divin, proprju għaliex
dan tal-aħħar kien se jispiċċa jeħles lill-umanità minn kull forma ta’ skjavitù, sew
fl-ispirtu kif ukoll fil-qalb, jiġifieri eżatt dak li ried jagħmel Ġesù.
Issa hawnhekk ikun tajjeb li niftħu parentesi
żgħira fejn jidħol dal-kunċett tal-infern biex il-qarrej ikun jista’ jifhem xi
ftit aħjar. Minn dan l-aspett naraw, li jekk wieħed jasal biex janalizza t-testi
oriġinali tal-Vanġeli – li fost ħafna veritajiet li ġew eliminati minnhom kien
hemm ukoll ir-rinkarnazzjoni u l-karma li tkellem fuqhom Ġesù (għalkemm
fil-Vanġeli għad fadal xi ftit minnhom ’l hemm u ’l hawn) – isib ukoll li
f’ċerti sekwenzi, Ġesù juża t-term ‘Gehenna’.
Il-kelma ‘Gehenna’ ġejja mill-Ebrajk Gehinnom, li tfisser il-Wied ta’ Hinnom,
post imwarrab barra minn Ġerusalemm fejn fih fi żmien Ġesù kien iservi bħala
miżbla li fiha l-awtoritajiet kienu jwaddbu u jaħarqu l-katavri tal-kriminali
ta’ dak iż-żmien. Kien għalhekk li Ġesù kien jinqeda b’dal-post miskerrah
mil-Lhud, biex bih, simbolikament seta’ jfisser f’liema stat imniġġes ikun fih
l-ispirtu/psike uman meta ma jkollux is-Saltna tas-Smewwiet ġewwa fih. Fi kliem
ieħor, dal-kliem simboliku ta’ Ġesù kien ifisser, li peress li dal-post
mistkerrah mill-Ebrej kien jinsab barra mill-ħitan ta’ Ġerusalemm, fejn
fl-antik fih kienu jsiru saħansitra sagrifiċċji f’ġieħ alla Moloch (2 Slaten
23:10), u allura għall-Ebrej dan kien post misħut għal darbtejn – Ġesù ried
jurihom, li min ma jiksibx is-Saltna tas-Smewwiet ġewwa fih kien ikun bħal qisu
maqtugħ mill-grazzja t’Alla bħalma kienet dil-miżbla fil-Wied ta’ Hinnom
maqtugħa lil hinn mill-ħitan tal-belt qaddisa ta’ Ġerusalemm, li naturalment,
fis-simboloġija ta’ Ġesù, dil-belt qaddisa kienet tirrappreżenta l-preżenza
t’Alla fl-esseri uman (Ebrajk, Šekīnah).
Iżda meta mas-sekli bdew ġejjin l-edituri ta’ dal-Vanġeli oriġinali, bdew jaraw
kif jagħmlu biex jagħwġu t-tagħlim ta’ Ġesù skont il-bżonnijiet teoloġiċi u
politiċi li kellhom bżonn, biex b’hekk, bihom setgħu jassikuraw il-poter fuq
il-Kollettiv, u huwa proprju minn hawn li bdew jivvintaw il-kunċett falz
tal-infern.
Madankollu, il-maġġoranza ta’ dawk li kienu u
għadhom jaderixxu ma’ dar-reliġjonijiet, ftit li xejn ikun jinteressahom minn
dawn il-veritajiet, u r-raġuni hija li għalihom ikun biżżejjed li jibqgħu ‘jemmnu’
dak li ġie dettat lilhom mill-passat. Ftit li xejn tista’ tagħmel ma’ nies bħal
dawn, għax hekk kif tipprova tagħmel dan se jispiċċaw jagħmlulek reżistenza
ferm atroċi, mingħajr ma jkunu qed jintebħu, li hija din l-istess reżistenza kontra
l-ħelsien interjuri tagħhom (li Ġesù kien jirreferi għalih bħala s-Saltna
tas-Smewwiet) li tkun qed tissokta teżawrihom mill-élan vital jew mil-life force li
tinsab ġo fihom stess, b’konsegwenza, li se tibqa’ ssibhom dejjem jissupplikaw
lil xi ‘entità’ li jaħsbu li tkun tinsab barra
minnhom biex ‘issalvahom’. Persuni bħal dawn ikun għalxejn li turihom li
r-reliġjon hija biss fabbrikazzjoni tal-moħħ uman, għax tant kemm ikunu ġew
indottrinati fiha, li l-identità eżistenzjali tagħhom (Sanskritu, ālaya-vijñāna) ma’ tkun trid taf b’xejn għajr b’dak li ġew
indottrinati bih sa minn mindu kienu għadhom tfal.
Min-naħa l-oħra, b’daqshekk ma jfissirx li dal-persuni
ma jkunux individwi tajbin; anzi, ħafna minnhom ikunu persuni tajbin ferm. L-ewwel
u qabel kollox nixtieq niċċara l-fatt, li m’hemm xejn ħażin li bniedem iħaddan
reliġjon. Li jridu jifhmu biss dal-persuni huwa l-fatt, li dan it-tajjeb tagħhom
ma jkunx ġej għax ikunu qed isegwu xi forma ta’ reliġjon, imma għax ikunu
jinsabu f’level of Consciousness avvanzat
(biex bniedem jifhem tajjeb xi rrid ngħid fuq dar-rigward nistiednu jaqra
l-ktieb tiegħi, Il-Filosofija tal-Moħħ,
jew Consciousness, The Concept of Mind, and the Transcendence
of Conventional Thought). Pereżempju, bniedem jista’ jkun illitterat u ma
jkun iħaddan ebda forma ta’ reliġjon, u madankollu, jista’ jkun l-aktar bniedem
ġust li hawn fuq din l-art; mentri min-naħa l-oħra, bniedem ieħor jista’ jkollu
tilja dottorati fit-teoloġija u x’naf jien, imma bħala persuna jkun wieħed
diżonest. Ngħidu aħna, matul iż-żminijiet kien hemm diversi papiet fuq
dal-mudell pervers. Wieħed minnhom kien Papa Serġju III (904-911), li kien dak
li ordna l-assassinju ta’ papa ieħor, u li l-pontifikat tiegħu kien ġie
deskritt bħala renju ta’ pornokrazija
fejn fih kienu jirrenjaw il-prostituti.
Warajh ġie Papa Benedittu IX (1032-1048), li kien jgħix ħajja
dissoluta u sfrenata għall-aħħar; tant, li d-Duttur tal-Knisja San Pietru
Damjanu (ċ.1007-1072) iddeskrivieh li kien jogħxa bl-immoralità. Infatti, fil-Liber Gomorrhianus tiegħu,
trattat fuq il-korruzzjoni u abbużi sesswali papali, Pietru Damjanu jkompli jakkuża
lil Benedittu IX, li b’mod regolari kien iwettaq atti omosesswali u bestjalità
ta’ kwalunkwe tip
. U dawn li qed
insemmi huma frazzjoni żgħira ħafna minn fost diversi papiet oħrajn li kienu
korrotti sa dal-livell. Dan qed ngħidu biex nissottolinja l-fatt, li mhijiex
ir-reliġjon li tagħmel minnek bniedem ġust, imma kemm tkun kapaċi tirbaħ lilek
innifsek u ssir bniedem aħjar; jiġifieri kemm jirnexxilek twettaq dik
it-trasformazzjoni spiritwali li tista’ sseħħ ġo fik biss; trasformazzjoni, li
bil-Grieg oriġinali hi magħrufa bħala Metanoia, jiġifieri dik l-istess waħda li tant
kien jitkellem fuqha Ġesù, li dan inzerta wkoll it-titlu ta’ wieħed mir-rumanzi
tiegħi li ktibt f’dawn l-aħħar snin. Huwa dan, il-veru Dawl li bniedem għandu
jaspira għalih; Dawl, li ma tista’ ssibu mkien jekk mhux ġo fik stess, hekk kif
kien jgħallem Ġesù permezz tas-Saltna tas-Smewwiet li tista’ ssibha ġo fik
biss.
L-aħħar taqsimiet
jieħdu l-għamla ta’ rakkont detective fejn
tispjega x’seta’ seħħ minn Ġesù wara li tniżżel minn fuq is-salib. Mill-ġdid
hawn qed timraħ f’ilmijiet perikolużi ladarba qed tikxef li hemm veritajiet li ġew
imwarrba għal sekli sħaħ. Xi tgħid dwar dan?
Huwa minnu dak li qed
tgħid, u l-fatt li dal-kapitli bnejthom fuq forma ta’ rakkont detective kien biex b’hekk stajt
ninvolvi lill-qarrej b’mod ferm aktar dirett, peress li dal-kapitli huma
kruċjali biex wieħed jifhem sew il-gist
kollu tar-rumanz.
Min-naħa l-oħra, hawnhekk ikun tajjeb li
naraw għaliex jien imraħt f’dawn l-ilmijiet ‘perikolużi’ kif iddeskrivejthom
tajjeb int.
Kif taf perfettament, is-soċjetà hija int u
jien ilkoll flimkien – tirrikonoxxik, imma b’ebda mod ma tkun trid tarak
realizzat lil hinn mill-kanoni tagħha, fosthom lil hinn mir-reliġjon
tal-Kollettiv li tirrappreżentaha, proprju għaliex dir-reliġjon tiddependi biss
mill-kaos organizzat li joħroġ mill-istess dinamika tal-aġir inkonxju
tal-Kollettiv. Tant kemm huwa minnu dan, li r-reliġjon kollettivista
tippermettilek kważi kollox – tidneb, tikser il-liġi, u l-kumplament, barra li
ssir taf lilek stess, biex b’hekk tħallik inkonxju biżżejjed sabiex b’hekk tkun
tista’ ‘taħfirlek dnubietek’ u tikkoreġik meta jkollok bżonn, mingħajr ma tkun
qed tintebaħ, li f’dal-proċess tkun spiċċajt taħt il-kontroll totali ta’ dawk
li ironikament issibhom, li ‘qas biss ikollhom il-kontroll tagħhom stess, bħal
ngħidu aħna dawk il-papiet korrotti li semmejt hawn fuq. Iżda kif taf
perfettament, dan it-tip ta’ kontroll fuq il-massa jġib miegħu il-poter assolut,
u huwa proprju dan biss li jkun jinteressahom dawk li mit-tagħlim pur ta’ Ġesù biddluh
f’diktat reliġjuż.
Wieħed hawnhekk jista’ jistaqsi,
imma l-għaliex is-Sistema ġiet mibnija b’dal-mod daqstant antagonista kontra
l-ispirtu ħieles tal-esseri uman. Dan ġej mill-fatt għaliex bażikament
il-ġeneru uman huwa ta’ natura etnoċentrika, jiġifieri li aħna nikbru u niġu
mgħallma f’tip ta’ kultura u reliġjon li nkunu nagħmlu parti minnha. F’soċjetà
komuni bħal din, il-membru tagħha jiġi mgħallem li għandu jħares lejn id-dinja
mhux kif jaħseb hu, imma permezz ta’ regoli prestabbiliti li jiġu pprovduti
lilu mis-soċjetà sa minn meta jkun tfal. Huwa minħabba f’hekk li hu daqstant
diffiċli biex individwu joħroġ barra minn tali kultura jew reliġjon li tkun
ilha tindokrah sa mit-twelid. Tant kemm hu f’saħħtu dal-mekkaniżmu nevrotiku,
li llum il-ġurnata, ċerti reliġjużi li jaħsbu li għandhom ‘fidi ferma’ jaslu
biex iwarrbu anki evidenzi xjentifiċi li jikkontradixxu twemminhom (jew l-egoic structure tagħhom). Tant kemm sirna
esperti f’dal-qasam, li biex nilħqu dan il-għan, ħafna drabi naslu biex
inqarrqu anki bina nfusna, mekkaniżmu mentali, li fil-psikoloġija huwa magħruf
bħala self-fulfilling prophecy jew
motivated reasoning; jiġifieri proċess mentali li jwassal lil
persuna partikolari biex tibda taċċetta dak li tkun trid tibqa’ temmen fih, u
jekk dan ma jkunx biżżejjed nispiċċaw nirrikorru għal grupp ta’ persuni speċifiċi li minħabba li jkunu
fuq l-istess dgħajsa reliġjuża tagħna nafu li se jagħtuna raġun; tattika
psikoloġika oħra, li hi magħrufa bħala confirmation
bias.
Għaldaqstant, jekk int tinzerta wieħed
minn dawk li ma taqgħax taħt dal-mudell reliġjuż, għal din l-entità se tiġi
awtomatikament ittimbrat bħala ‘bniedem perikoluż’, u dan għas-sempliċi raġuni
għax tkun ġejt aware ta’ min int
verament. Infatti, jekk irid, il-Bniedem għandu ġewwa fih volontà biżżejjed
f’saħħitha li permezz tagħha kapaċi joħroġ mid-dlam għad-dawl. F’wieħed
mill-akbar xogħlijiet tiegħu, The
Nicomachean Ethics, il-filosfu Grieg Aristotli (384-322 qK) kien qal li
aħna l-bnedmin għandna tabilħaqq il-kontroll ta’ dak li nagħmlu, u li l-azzjonijiet
tagħna jiddependu minna biss (Grieg, eph’ hemin). Dan l-aġir pożittiv huwa
dak l-appetitus rationalis li kienu
jitkellmu fuqu ħafna mill-filosfi tal-passat, jiġifieri l-kapaċità tal-ħsieb
razzjonali li bih bniedem jagħraf jiddeċifra l-finzjoni mill-verità.
Għedt
dan kollu, ħaġa waħda oħra nixtieq
inżid fuq dar-rigward, li bniedem liberu interjorment, se jibqa’ tali anki jekk
ikun imsakkar f’ħabs, bħalma kien Gandhi; waqt li bniedem ħabsi interjorment, se
jibqa’ tali anki jekk imur idur id-dinja għal seba’ darbiet.
Dan ix-xogħol ifakkarni f’The Last Temptation of Christ ta’ Nikos
Kazanstakis, u Il Vangelo Secondo Matteo ta’
Pier Paolo Pasolini. Hemm xi rabta bejn ix-xogħol tiegħek u dawn iż-żewġ
xogħlijiet?
Mill-film ta’ Pasolini apprezzajt l-aktar in-Neorealiżmu li
adotta fuq stil Cinéma
vérité, u allura sa ċertu
punt, dal-film joffri ambjentazzjoni ferm aktar rustika u realistika minn dik
idealista u romantiċizzata li nsibu ngħidu aħna f’Jesus of Nazareth ta’ Zeffirelli. Iżda fejn jidħol ir-rumanz tiegħi
ma hemm ebda rabta minn
dan l-aspett.
Bħala
regola ġenerali, meta niġi biex nikteb rumanz storiku ma nikkonsulta ebda
rappreżentazzjoni artistika, imma mmur dirett fuq fonti storiċi. Madankollu, jekk
nieħdu ngħidu aħna The Last Temptation of
Christ, fih hemm sekwenzi li jistgħu jiġu rikonċiljati pjuttost faċilment mar-rumanz
tiegħi. Pereżempju, jekk f’dal-ktieb – jew fil-film li
Scorsese kien adatta fuqu – naraw lil Ġesù jgħaddi minn ħafna tentazzjonijiet,
fosthom dawk karnali, fir-rumanz tiegħi, it-tribulazzjonijiet tiegħu kienu fuq
livell ferm aktar traxxendentali, b’mod speċjali fejn jidħol il-Lejl Mudlam
tar-Ruħ li Ġesù kellu jgħaddi minnu meta kien fid-deżert. Fl-Ispiritwalità
Mistika, din l-esperjenza hi magħrufa bħala Dark Night of the Soul; stadju
psikiku/spiritwali, fejn fih l-individwu jidħol fi speċi ta’ vortiċi
psikoloġiku jew f’dipressjoni spiritwali fejn fiha jħossu bħal qisu ġie
diżintegrat mill-umanità tiegħu
stess; għad li minn din l-esperjenza trawmatika jkun hemm dejjem eżitu
pożittiv; anzi, kultant ikun wieħed illuminattiv. Fuq dar-rigward, fit-Thus Spoke Zarathustra tiegħu,
il-filosfu Friedrich Nietzsche (1844-1900) kien qal hekk, “I am a forest, and a night of dark trees: but he who is not afraid of
my darkness, will find banks full of roses under my cypresses.” Il-psikjatra
u psikologu Pollakk, Kazimierz Dąbrowski (1902-1980), kien semma lil dal-proċess
Positive Disintegration; jiġifieri
d-diżintegrazzjoni tal-egoic mind eżistenzjali
li nkunu identifikajna ruħna miegħu f’ħajjitna stess, biex b’hekk naslu biex
naraw il-vera Natura Eterna tagħna li ma taf b’ebda twelid u mewt; Entità Immortali, li bis-Sanskritu hi
magħrufa bħala Paramātmā. Fir-rumanz
tiegħi, huwa dan li kiseb Ġesù wara li ġie lura mit-tribulazzjonijiet li għadda minnhom
fid-Deżert ta’ Khirbet Qumrān.
Imbagħad, jekk
niftakar sew, f’dal-ktieb/film hemm is-sekwenza meta Ġesù ġie salvat minn speċi
ta’ anġlu minn fuq is-salib, waqt li fir-rumanz tiegħi, Ġesù jiġi salvat minn
‘qabru’ minn mara partikolari li min qara l-ktieb jaf perfettament għal min qed
ngħid. Imbagħad hemm is-sekwenza fejn jidħol Sawl (ċ.3-63 wK), li f’dak ta’ Kazanstakis, San Pawl jgħid lil Ġesù (wara li
ġie salvat mis-salib), li għalkemm ir-reliġjon il-ġdida tiegħu, jiġifieri dik
Kattolika li kien ivvinta San Pawl, hija Gidba Kbira, id-dinja kienet se tilqa’
u taċċetta l-Gidba tiegħu ferm aktar minn dak li għallem Ġesù verament.
Għalkemm storikament dan hu kollu minnu, fir-rumanz tiegħi ġibt provi storiċi
kif seħħew verament l-affarijiet; fatti, li jmorru ferm lil hinn minn dir-rappreżentazzjoni
artistika.
Xi tgħid jekk jingħad li dan hu ktieb
antiklerikali?
M’għandi ebda problema b’dan, ġaladarba f’dar-rumanz
kxift ħafna mill-gideb tal-Kleru Ruman, u għaldaqstant, l-ekwazzjoni toħroġ weħidha:
jekk dar-rumanz storiku huwa antiklerikali, allura dan jimplika li l-Kleru
Ruman huwa antiverità. Barra minn
hekk ma ninsewx ukoll, li anki l-Budda, Sokrate, u Ġesù kienu ‘antiklerikali’
kbar minn dan
l-aspett.
Hu interessanti u provokattiv il-fatt li
n-nisa setgħu jgħallmu t-Triq u li kienu saħansitra awturi ta’ vanġeli (bħal
Mari ta’ Magadha).
Xi tgħid dwar dan?
L-ewwel
u qabel kollox irridu nżommu f’moħħna, li sa minn meta twieldu dar-reliġjonijiet kollettivisti
tal-Punent, il-ħsieb, ħafna drabi kien jiġi assoċjat mal-intellett maskil, u
dan minħabba kampanja miżoġina feroċi li kienet ilha għaddejja għal dawn
l-aħħar elfejn sena sħaħ. Pereżempju fuq dar-rigward, wieħed
mill-akbar Dutturi tal-Knisja Kattolika, Santu Wistin ta’ Hippo (354-430) kien
qal, “In-nisa m’għandhom b’ebda mod jiġu
edukati. Fil-fatt, in-nisa għandhom jiġu segregati għaliex huma l-kawża
tal-erezzjoni tal-irġiel qaddisa; u minnha nnifisha, il-mara mhijiex l-immaġni
t’Alla. Ma nistax nifhem x’użu l-mara jista’ jkollha għar-raġel, jekk wieħed
jeskludi l-funzjoni tal-prokreazzjoni.”
Dan qed ngħidu biex nurik x’pożizzjoni
diżumana kienet tinsab fiha l-mara f’dar-reliġjonijiet miżoġini tal-irġiel. Iżda
qabel ma feġġew dal-forom varji ta’ psikożi
perversi, il-mara kienet ikkunsidrata ferm fid-dinja ta’ dak iż-żmien. Pereżempju,
in-nisa edukati Indjani – u hawn qed nitkellmu fuq mijiet kbar ta’ snin qabel
Ġesù – kienu sa mill-bidu nett parteċipi fid-dibattiti filosofiċi, sew bħala
skulari kif ukoll bħala saċerdotessi tal-Vedas; jiġifieri ta’ dawk it-Testi Sagri
Indjani li ġew miktuba sekli sħaħ qabel Ġesù,
u li Ġesù stess kien saħansitra jikkwotahom anki fil-Vanġeli tat-Testment
il-Ġdid, għalkemm ħafna nies m’għandhom ebda ħjiel ta’ dan.
Ġo Lixandra
tal-Eġittu, min-naħa l-oħra, kien hemm l-istess moviment, fejn f’dil-belt kien
hemm fost oħrajn is-sede tal-Kult ta’ Isis, li hija l-Omm Universali u r-rappreżentazzjoni
tal-Għerf Divin; kult, li kien jitmexxa mis-saċerdotessi ta’ Isis, li kienet ukoll
l-aktar divinità maħbuba
mhux biss f’Lixandra imma miċ-ċiviltà kollha tal-Mediterran. Iżda hekk kif mar-raba’
seklu, il-Knisja Kattolika kompliet tieħu r-riedni f’idejha mal-firxa kollha
tal-Kontinent l-Antik, bdiet tara x’tagħmel biex lil Isis u lis-saċerdotessi
tagħha teliminahom kompletament, u huwa proprju hawnhekk li r-reliġjon Kattolika
li kien ivvinta San Pawl ġietha l-idea li tibdel lil Omm Ġesù ma’ Isis il-ġdida
bħala r-‘Reġina tas-Smewwiet’; tattika, li kif stajna naraw hi teknikament
magħrufa bħala Apotheosis, jew id-divinazzjoni ta’ figura speċifika bħalma
r-reliġjon Kattolika kienet wettqet l-istess proċess bejn il-Mit ta’ Mithra u
l-figura storika ta’ Ġesù.
Veru,
forsi għal ħafna kredenti ġenwini din hija aħbar xokkanti, u naturalment għandhom
is-simpatija kollha tiegħi għaliex naf kemm dawn in-nies huma persuni
mill-aħjar. Għaldaqstant, hawnhekk ikun tajjeb li nġibu eżempju prattiku ieħor biex
il-qarrej ikun
jista’ jifhem dal-manuvri perversi xi ftit aħjar.
Dan
li se ngħid ma niżżiltux fir-rumanz minħabba li ridt inżomm ir-ritmu tan-narrazzjoni;
iżda hemm probabbiltà kbira,
li l-famuża matematika u filosfa Neoplatonika, Hypatia ta’ Lixandra (360-415
wK), kienet dixxiplu ferm devota ta’ Mari u probabbilment, kienet tattendi
wkoll l-iskola tat-Triq li Mari stess kienet waqqfet f’din il-belt. Għal min forsi
ma jafx, Hypatia kienet filosfa pagana maħbuba ferm f’Lixandra u dan mhux biss
għall-erudizzjoni kbira tagħha li kienet tissupera anki lil dik ta’ sħabha
l-filosfi rġiel, imma fuq kollox għax kienet tagħmel ħafna karità mal-fqar.
Infatti hemm rapporti storiċi li jgħidu, li kien minħabba l-għira li kellu
għaliha l-Isqof Ċirillu ta’ Lixandra (376-444) li eventwalment ordna li tiġi
maqtula. Ġara mbagħad li fis-sena 415, f’Lixandra tal-Eġittu, grupp ta’
Kattoliċi stigati minn dan l-isqof qaddis, attakkaw lil Hypatia, kaxkruha
fit-toroq ta’ Lixandra, qattgħuha biċċiet bil-madum imkisser, u ħarquha
bil-kotba tagħha b’kollox f’post jismu Cynaron. Ġara iżda li ġewwa Lixandra,
Hypatia kienet maħbuba minn ħafna Kristjani ġenwini oħra li kienu joqogħdu
f’din il-belt, u minħabba f’hekk xorta waħda baqgħu devoti lejha. Meta rat dan
l-eżitu – hekk kif għamlet b’Mari ta’ Magadha biex tiddiżonoraha, kif ukoll
meta ġiet biex tissostitwixxi lil Isis ma’ Omm Ġesù –
il-Knisja Kattolika bdiet taħseb kif kellha tneħħi darba għal dejjem il-memorja
ta’ Hypatia mill-qlub ta’ dawn in-nies u mill-ġenerazzjonijiet tal-futur, fejn
eventwalment, kien hawnhekk li l-Kleru Ruman ġietu l-idea li jibdel lil Hypatia
ma’ personaġġ fittizzju Kattoliku li suppost kien ħa l-martirju f’din il-belt,
u l-Knisja Kattolika semmiet lil dil-mara fantomatika ‘Santa Katarina ta’
Lixandra’. Iżda l-giddieb għomru qasir, għaliex Hypatia għadha magħna anki sal-ġurnata
tal-lum. Infatti, tant kemm kienet mara tajba u straordinarja din Hypatia, li
l-artist Rinaxximentali Raffaello (1483-1520) kien immortalaha fil-famuż
affresk ġgantesk tiegħu, L-Iskola ta’
Ateni, u ironikament, dan l-att kuraġġuż – għax allaħares qabduh lil min
kien pitter verament fuq dal-kapulavur – wettqu fil-Palazz Appostoliku
tal-Vatikan.
Għaliex qed ngħid dan kollu? Għax sa mill-ewwel żminijiet, l-Għerf kien
sa minn dejjem jiġi ppersegwitat
mir-reliġjonijiet miżoġini tal-irġiel, u ħafna drabi, dan kien jgħaddi permezz
ta’ nisa straordinarji li kienu jgħallmu t-Triq jew l-Ispiritwalità Kożmika f’kull
era u żmien, fosthom Hypatia u Mari ta’ Magadha. Infatti kien hawnhekk,
ġewwa Lixandra, li l-Ebjoniti, jew is-segwaċi oriġinali ta’ Ġesù, bdew jiktbu
trattat ieħor biex it-tagħlim tat-Triq ma jintilifx (Sanskritu, Rahasya, jew Misteru Sigriet); trattat,
li kien ibbażat fuq dak ta’ Mari, u li eventwalment kienu semmewh il-Vanġelu
tal-Ebjoniti, li llum, tiegħu, fadal biss frammenti żgħar. Dan kien dovut għax
flimkien mal-Vanġeli Njostiċi l-oħra fosthom dawk ta’
Mari u ta’ Tumas, il-Knisja
Kattolika spiċċat biex qerdithom minn fuq wiċċ l-art, hekk kif irnexxielha teqred għall-istess motiv mhux biss
ħajjet Hypatia, imma wkoll lil-Librerija ta’ Lixandra li fiha kien studja
aktarx Ġesù, li seħħet fis-sena 391; u fejn ma setgħetx teqred għalkollox
xi wħud minn dal-manuskritti, rat kif għamlet biex tiċċensurahom jew
timmanipulahom, bħalma ġara fil-każ ta’ Mari, fejn aktar tard, din bdiet tiġi identifikata mal-mara midinba li
nsibu f’Luqa 7:37-50, jiġifieri dik li kienet dilket saqajn Ġesù.
Dir-reputazzjoni negattiva ta’ Mari,
madankollu, ma kinitx ġejja mill-Vanġeli oriġinali, imma minn digriet li Papa
Gregorju l-Kbir (540-604) kien għamel waqt omelija speċifika fejn fiha Mari jew
Marija ta’ Magadha ġiet mibdula fi prostituta. Infatti, kellhom jgħaddu 1,387
sena, fis-sena 1960, li l-Knisja Kattolika ‘irranġat’ dan l-iżball, u
naturalment, dan għamlitu biss għax kienet inqabdet fil-fatt u ġiet daharha
mal-ħajt. Imma sadanittant, id-dannu kien laħaq sar, speċjalment fid-dinja
femminili l-aktar dik tal-Punent, ġaladarba issa ma kien għad fadlilha ebda
punt ta’ riferiment li seta’ jirrappreżenta lill-Femminil Etern f’dal-Vanġeli
mbagħbsa tat-Testment il-Ġdid. Kien proprju għalhekk, li f’dar-rumanz għamilt
ċert biex minn dan l-aspett nerġa’ nirrestawra mill-ġdid lil dan l-ekwilibriju
spiritwali li kien hemm oriġinarjament f’dil-ġrajja storika ta’ Ġesù.
Fl-aħħar parti ta’ dan ir-rakkont
tikkonċentra iktar fuq il-passi ta’ Mari ta’ Magadha wara li Ġesù, salvat
mill-mewt, joħroġ mix-xena. Għaliex dan?
Għax simbolikament ridt inwassal il-messaġġ, li
l-epoka reliġjuża u miżoġina ta’ Pisces issa għaddiet ukoll, u minflokha qed
tidħol bil-mod il-mod dik spiritwali/femminili ta’ Aquarius, rappreżentata
b’Mari b’mod speċjali fl-aħħar parti ta’ dan ir-rumanz.
L-Epoka ta’ Pisces (ċ.10
qK-2050 wK) kienet l-epoka tar-reliġjon miżoġina tal-Kollettiv, fejn fost
oħrajn welldet lill-Kristjaniżmu Ellenist li kien ivvinta San Pawl, li permezz
tagħha seta’ jiġi garantit il-poter fuq il-Kollettiv. Iżd’
issa ninsabu f’mument ta’ tranżizzjoni ferm enteressanti għall-umanità, fejn fost oħrajn, din l-era ġdida t’Aquarius (ċ.2050-4000)
sejra ġġib magħha t-tmiem tas-superstizzjonijiet reliġjużi kollha tal-passat,
fejn eventwalment, dan id-dlam reliġjuż – li huwa dak l-istess dell fl-inkonxju
li kien semma l-psikjatra
Żvizzeru Carl G. Jung (1875-1961) –
se jinbidel f’epoka ta’ illuminazzjoni fost ħafna ġnus.
Infatti,
f’wieħed mix-xogħlijiet
tiegħu fuq dar-rigward, Jung kien qal li l-Konoxxenza tal-bniedem tirrifletti
l-bilanċ tal-erba’ elementi prinċipali li jinsabu ġewwa fih, li huma l-ġisem,
il-menti, l-ispirtu, u r-ruħ, fejn dawn jistgħu jipparteċipaw b’mod bilanċjat
f’armonija sħiħa f’ħajjet dak li jkun. Iżda sfortunatament, dan kien pass li
mar wisq lil hinn minn
kemm suppost kellu jmur, u r-riżultat ħareġ ħafna drabi f’aberrazzjonijiet
psikoloġiċi u nevrotiċi li l-‘mediċina’ għalihom kienet ir-reliġjon
tal-Kollettiv. Minn dan l-aspett, Jung kien ikkonkluda li meta jkun hemm dan
l-iżbilanċ psikofiżiku, jispiċċa joħroġ fina dak id-dell fl-inkonxju li permezz
tiegħu jibdew jimmanifestaw l-ewwel sintomi nevrotiċi li jkomplu jitilfu
l-identità proprja tal-Jien Elevat, deskritt ukoll bħala l-Ispirtu
jew l-Għalliem Interjuri tal-esseri uman (Grieg, Daimōn). Dal-mekkaniżmu nevrotiku, il-Bniedem
kellu jwettqu għaliex tul dawn l-aħħar 2000 sena (circa) ġie mmexxi mhux mill-Ispirtu/Konoxxenza personali tiegħu,
jew inkella minn dik il-Qalb Spiritwali li kien tkellem fuqha l-filosfu
Franċiż, Jean-Jacques Rousseau (1712-1778), imma minn reliġjonijiet kollettivisti
li kienu dejjem antagonisti lejn l-iżvilupp fil-Konoxxenza personali tal-esseri
uman. Dan seħħ għaliex biex żammew
il-poter fuq il-Kollettiv, dawk li kienu u għadhom jikkontrollaw ir-reliġjon kollettivista
ħallew lill-umanità f’għama
ta’ injoranza psikika/spiritwali għal eluf ta’ snin. Dan ġab miegħu dissonanza
kbira ferm fil-psike u allura fil-Konoxxenza tal-Bniedem, u din, imbagħad, spiċċat
biex għaddiet minn
ġenerazzjoni għal oħra permezz ta’ dak li fil-mistiċiżmu fenomenoloġiku
tal-Orjent hu magħruf bħala Prarabdha
Karma; fatt xjentifiku, li nsibuh saħansitra fid-DNA ta’ kull esseri uman.
Iżda issa,
li bil-mod il-mod deħlin fl-Era t’Aquarius u allura fl-Era tal-Illuminazzjoni, il-Bniedem
se jidħol fi stadju fejn fih se jibda jelimina lil din l-istess dissonanza nevrotika
minn ġewwa fih, u bħala eżitu, se jkompli jiskopri aħjar min hu verament; għarfien,
li l-psikologu Amerikan Abraham Maslow (1908-1970) kien iddeskrivieh bħala B-cognition. Il-‘B’ li Maslow kien qed jirreferi għaliha
tfisser ‘Being’, jiġifieri l-għarfien
li jkun laħaq individwu f’sinkronija miegħu innifsu u mal-bqija tal-Ħolqien (Sanskritu,
Tatsamāveśalakşaņam). Għaldaqstant, aktar
kemm bniedem se jibda jsir jaf lilu nnifsu minn dan l-aspett, se jibda jsir aktar
‘in-dividwali’ (Sanskritu, amrita-yana),
fejn hawnhekk se jibda jirrealizza wkoll, li l-unika Triq għall-kisba tal-Għerf
Illuminattiv tinsab proprju ġewwa fih; Dawl ġdid, li jekk irid,
il-Bniedem tal-lum jista’ jiksbu anki minn issa stess; Għarfien Interjuri jew Aparōkṣa Jñāna, li permezz tiegħu se jwasslu biex jikseb
ġewwa fih l-Istat Illuminattiv jew is-Saltna tas-Smewwiet li tant kien jitkellem
fuqha Ġesù;
fattur, li għamiltu espliċitu ferm f’dan ir-rumanz, biex b’hekk, kulħadd ikun
jista’ jifhmu faċilment.
Proġetti ġejjiena?
Min jaf? Forsi. Imma sadanittant, nippreferi
ngħix fil-preżent, sakemm is-Sema tħallini ħaj.