X’ħajrek biex tibda tikteb ukoll f’dan l-istil?
Kienet inizjattiva ta’ Dr Ġorġ
Mallia li ħajritni nibda nimraħ f’dal-ġeneru. Saret sejħa lill-awturi biex
jissottomettu stejjer qosra ħafna, ta’ madwar mitejn kelma għall-paġna fuq
facebook, Għidli Mitejn. Kien żmien li minħabba xi impennji ma kontx qed nikteb
wisq u dħalt għal din l-isfida. Għedt lili nnifsi li jekk xejn dan jista’
jservini ta’ eżerċizzju, iżda hekk kif lestejt l-ewwel storja bdew ġejjin ideat
għal stejjer oħra, li jiġru fi ftit kliem. Nista’ ngħid li dan il-ġeneru
ħakimni.
Il-qosor ta’ dawn il-mikro-rakkonti żgur li mhux
dgħjufija jew żvantaġġ. Minflok bħal jistieden lill-qarreja għal iktar
riflessjoni. Xi tgħid dwar dan?
L-istejjer madwarna qed jiġru
l-ħin kollu u malajr; aħbar taslilna fuq mobile, fil-qosor iżda xejn ma jnaqqas
mill-effettività tagħha. Fi ftit kliem qed taslilna ġrajja li qed isseħħ jew
seħħet, tħallina naħsbu jekk it-traġedja setgħetx tiġi evitata, jekk kienx hemm
vittmi jew kemm kien hemm vittmi … Storja qasira tista’ tkun b’saħħitha ħafna.
Liema huma l-esperjenzi li tikteb l-iktar dwarhom f’dawn
il-flashes narrattivi?
Huma stejjer mill-ħajja, ta’ karattri, ta’ min qed ibati
jew iħoss in-nuqqas ta’ xi ħadd għażiż. Mhux biss imma ħafna drabi poġġejt lili
nnifsi minflok ħaddieħor; ħassejt l-ansjetà ta’ kieku x’nagħmel meta ninqabad
f’sitwazzjoni li rrid nieħu deċiżjoni. F’oħrajn inbixt lill-qarrej biex jasal
għal tmiem mod ieħor.
Toħodna wkoll fi spazji differenti. Bħal kollha jintrabtu
mal-karattri u s-sitwazzjoni li tikteb dwarhom. X’taħseb?
Storja tista’ titrawwam fl-ispazji fejn ngħixu jew fejn
inqattgħu parti kbira mill-ġurnata. Minn postok tista’ tiltaqa’ ma’ diffikultà
jew sitwazzjoni mhix tas-soltu. Kull karattru se jirreaġġixxi bil-mod tiegħu
fis-sitwazzjoni li jinqabad fiha. U kull karattru għandu l-kumplessità u
l-umanità tiegħu. Ġieli anke aħna nissorprendu lilna nfusna meta niġu għal
deċiżjoni delikata. L-istejjer iġegħluna nnemmsu f’ħajjet ħaddieħor iżda ħafna
drabi nkunu qed naqraw l-istorja tagħna stess.
Dawn ir-rakkonti qosra huma kollha marbutin mar-realtà
jew hemm uħud li huma frott il-ħolm u l-fantasija?
Ħafna minn dawn l-istejjer huma
xprunati minn ideat li jolqtuni f’ħakka t’għajn, ftit huma bbażati fuq
realtajiet li qed niltaqgħu magħhom u parti kbira huma frott l-immaġinazzjoni.
Għal min huma mmirati kitbiet bħal dawn, u għaliex mhux
in-novella jew ir-rumanz?
Nazzarda ngħid li huma rakkonti
għal min ma jħobbx jaqra jew min m’għandux ħin jaqra kitba fit-tul.
Hemm min jaħseb li l-kitba tal-mikro-rakkont hi faċli.
Kif tirreaġizza għal dan?
Il-mikrorakkont mhu xejn faċli. Trid twassal ġrajja fi
ftit kliem, tirrakkonta storja kompluta billi tekonomizza; tagħżel il-kliem u
kull kelma għandha postha, xejn nieqes u xejn żejjed. Fl-istess ħin xorta użajt
espressjonijiet idjomatiċi għax inħoss li lill-qarrej għandi nirrispettah.
M’iniex qed ngħaddilu fatt iżda ġrajja rakkontata ... fil-qosor.
Inti tikteb ukoll minn punti di vista differenti. Liema
huma dawn u għaliex tagħmel dan?
Naħseb li kull min jikteb
josserva ħafna; kif iġibu ruħhom ta’ madwaru. Ippruvajt nidħol fiż-żarbun ta’
ħaddieħor - ta’ kieku x’nagħmel, kif inġib ruħi ma’ karattru ieħor li forsi ma
tantx naqbel miegħu. Meta nikteb b’vuċi ta’ ħaddieħor nesperjenza ċerta
libertà, li qed nidħol ġo storja li mhix tiegħi iżda li qed ingawdi minnha
xorta waħda.
Huma wkoll kitbiet bi tmiem sospiż jew li jħalli
lill-qarrej jhewden. Jistgħu jkunu dawn bidu għal kitbiet ħafna itwal, jew
stedina biex anki l-qarrejja joħolqu ir-rakkonti oriġinali tagħhom?
Ħafna stejjer għandhom tmiem miftuħ għall-possibiltajiet.
Inħobb ninbex lill-qarrej, inħallih jasal għall-konklużjonijiet tiegħu jew
jibni l-karattru ‘tiegħu’, iva. Jien stess bħala qarrejja nħobb nibqa’ newhden
fuq xi ktieb li qrajt, infittex tmiem ieħor u nistaqsi li kieku … Dawn
il-mikrostejjer ma niktibhomx bl-iskop li jwassluni biex nikteb storja itwal.
Inkun diġà ddeċidejt u ppjanajajt li se nikteb storja fil-qosor u nagħlaqha.
Nuqqasijiet u vantaġġi ta’ stil narrattiv bħal dan, kemm
mill-perspettiva ta’ min qed jikteb kif ukoll ta’ min qed jaqra?
Jista’ jkun li kitba daqstant qasira ma tolqotx udjenza
wiesgħa. Tista’ wkoll tħalli lill-qarrej xott mill-informazzjoni. Hawn qarrejja
li jixtiequ jsiru jafuh il-karattru; it-tul tal-mikrostejjer ma jippermettix
wisq deskrizzjoni fit-tul. Il-vantaġġi huma bosta fid-dinja mgħaġġla tal-lum.
Tista’ taqra mikrostorja minn fuq il-pala ta’ idek. Hemm ukoll l-użu tal-kelma
li trid tkun eżatta u f’kuntest. Tgħallimt inħalli barra dak li hu żejjed. Fuq
kollox għeni nikteb mitt storja li kull waħda seħħet f’mitt kelma.
No comments:
Post a Comment