Sunday, September 28, 2014

IL-ĦSIEB TAL-MATERNITA’ FIL-POEZIJA TA’ DUN KARM minn Alfred Massa

Ix-xahar ta' Ottubru jintrabat mal-Poeta Nazzjonali Dun Karm Psaila. Dan huwa artiklu li parti minnu jidher fuq ir-rivista letterarja IL-PONT ta' Ottubru 2014.

L-omm hija l-egħżeż persuna li jista’ jkollu l-bniedem.  Dan għax l-imħabba tagħha tiżboq kull imħabba oħra li teżisti fid-dinja.  Għalhekk, ir-rabta bejn l-omm u wliedha dejjem serviet bħala eżempju ta’ l-akbar għaqda.  Mhux ta’ b’xejn, mela, li l-maternita’ sabet post prominenti f’diversi fergħat artistiċi  -  inkluża, naturalment, il-Poeżija.

Dun Karm Psaila (1871-1961), il-Poeta Nazzjonali tagħna, dan fehmu tajjeb u tah prominenza liema bħalha fil-poeżiji li ħallielna.  Għalih kienu jeżistu tliet ommijiet:  l-omm naturali, l-omm patrijottika u l-omm tas-sema. Naturalment, dwar dan is-suġġett tista’ tinkiteb teżi sħiħa, iżda f’dan il-ħin (l-ispazju) limitat ser nipprova nagħti biss ħjiel ċkejken tiegħu.

Omm Naturali:

Dun Karm kellu rabta speċjali m’ ommu.  Wieħed ma jridx jinsa l-fatt li hu kien saċerdot.  Ma kellux mara ma’ min jaqsam ħajtu.  Għalhekk, lil ommu Lunzjat, kif jgħid wisq tajjeb il-Prof. Ġuże’ Aquilina, “il-poeta qatt ma nesa lanqas fi xjuħitu”. (“Antoloġija”: A.C. Aquilina, 1969).

L-imħabba li Dun Karm kellu lejn ommu ħarġet f’diversi poeżiji li kiteb.  Lil missieru Filippu qajla semmieh, ħlief fil-poeżija Żjara lil Ġesù.  Kitiblu wkoll sunett bit-Taljan A Mio Padre Morto.  Sunett sabiħ, iżda ma damx ma ntesa għall-importanza li tgawdi l-imħabba, li kellu lejn ommu.

Din l-imħabba materna kultant il-poeta wrieha b’mod ċar u espliċitu, u kultant għaġinha ma’ mħabba ġenerika li wieħed isib bejn l-omm u wliedha.  Insemmi b’eżempju poeżiji bħal Il-Wegħda, Is-Salib, Biki ta’ Omm, Univers Ieħor u oħrajn.  Imbagħad f’poeżiji oħra, Dun Karm kien aktar miftuħ u dirett bħalma nsibu f’ Il-Jien u lil Hinn Minnu, Waħdi, Żjara lil Ġesù, Int ma Tarġax u Il-Kelma t’ Ommi.

Iżda forsi l-aktar versi qawwija li jikxfu x’kienet tfisser ommu għalih, Dun Karm nisiġhom lejn tmiem it-tieni strofa tal-poeżija Żjara lil Ġesù.

                                    “                                  ftakart fik u donni
                                    ħassejt li ma kellix iżjed x’nambiha
                                    din il-ħajja li tajtni hekk għażiża,
                                    la darba ma kont nista’, ferħ jew niket,
                                    taqsamha miegħi; u taħt l-art ħanina
                                    fit-tgħanniqa tal-mewt xtaqt norqod miegħek.”

Omm Patrijottika

Il-poeti romantiċi kienu jħobbu jippersonifikaw; u Dun Karm ma kienx xi eċċezzjoni.  Mhux biss, imma f’diversi xogħlijiet huwa immaġina lil art twelidu “mara għaqlija” (Liema?).  Fuq kollox, immaġinaha diversi drabi “omm” bħalma sejħilha fl-Innu-Talba li ħallielna biex ikun parti mill-identita’ dejjiema tagħna: “L-Omm li tatna isimha”.

Dan kollu għax il-poeta kien jemmen bis-sħiħ li m’hemmx imħabba isħaħ u aqwa minn dik li tgħaqqad l-omm  ma’ wliedha.  U l-imħabba ta’ Dun Karm lejn Malta daqstant kienet kbira !  Ħabbha fi żmien meta bosta minn ħutu l-Maltin kienu “rieqda ġo sodda barranija” (R. Briffa: Jum ir-Rebħ).  Iżda hu ma staħax, ma baqax lura milli stqarr pubblikament imħabbtu lejn din l-omm patrijottika:

                                    “Iżda daqsek lil ħadd O Malta tiegħi
                                    għax int biss ommi, int tajtni l-isem
                                    u għadmek għadmi u demmek jiġri miegħi.”

Din l-istqarrija ta’ mħabba fis-sunett Lil Malta tirbombja f’poeżiji oħra; hekk kif jirbombjaw frażijiet bħal: “Malta tiegħi”, “Malta tagħna”, “maħbuba Malta tiegħi”, “art ħanina”, u oħrajn.  Min-naħa l-oħra, minħabba li l-poeta ħabbha tabilħaqq lil art twelidu, huwa ma naqasx li jwiddibha biex ma titbiegħedx mit-triq tas-sewwa kif għamel fil-poeżiji  Biki ta’ Omm u Lil Malta tal-lum u ta’ għada

Omm tas-Sema:

Naturalment, kemm bħala kattoliku u wisq aktar bħala qassis, Dun Karm ma setax jonqos li ma jħobbx b’imħabba speċjali lill-Madonna.  Għalih Marija kienet it-tieni ommu tiegħu, jekk mhux l-ewwel.

Il-poeżiji Marjani ta’ Dun Karm huma diversi.  Il-Prof. Ġuże’ Aquilina jgħid li, “Il-poeta tal-Madonna fil-letteratura Maltija jibqa’ Cuschieri, b’dawk il-versi tan-nar u mħabba, naturali ħafna mingħand Karmelitan, iżda bis-sunett Mater Purissima Dun Karm laħaq, u forsi għadda lil Cuschieri” (“Antoloġija”: A.C. Aquilina, 1969).  Dan is-sunett Aquilina jsejjaħlu “ġawhra tal-letteratura tagħna”.

Ma’ dan is-sunett jiena nżid tnejn oħra: Bjuda u Id-Duluri.  Wieħed jista’ bir-raġun kollu jistqarr li f’poeżiji bħal dawn il-poeta wera tabilħaqq il-kobor ta’ Marija, effett tal-Maternita’ divina tagħha.  Għax kollox hu frott tal-fatt li l-Madonna hija omm Alla.  Għalhekk hija daqstant sabiħa, setgħana, ħanina; għax hi omm il-Feddej.  Hawn jinħass jonfoħ ir-riħ tal-misteru ta’ l-Inkarnazzjoni, li jispikka b’mod tassew eċċellenti fl-aħħar terzina tas-sunett Bjuda:

                                    “U ħlomt ħolma tal-ġenna  -  dehra ġdida !
                                    Rajtek tkebbeb, bħal star tfajla Lhudija
                                    Li kienet xebba u kellha ’l binha f’idha.”

Iżda Dun Karm ried ipoġġi quddiemna lill-Madonna bħala omm tagħna wkoll.  Ommna li tħobbna.  Għalhekk isejħilha “Int, omm li taf tagħder” (Mater Purissima); “Int Omm minn tagħna” (Id-Duluri); “Xemx ħanina” (Angelus); “Int l-omm l-aktar sabiħa” (Il-Għanja ta’ Mejju).  Il-poeta għandu sejħat oħrajn lil Marija imxerrdin f’diversi poeżiji.

L-imħabba ta’ Dun Karm lejn il-Madonna twaħħdet miegħu sewwa.  Hu kellu fiduċja fiha daqskemm kellu f’Binha Ġesu’.  Għalhekk bħalma Anastasju Cuschieri O.C. fil-poeżija Fis-Santwarju tal-Madonna tal-Karmnu talab lil Marija tersaq lejn soddtu fis-siegħa ta’ mewtu, naraw li Dun Karm esprima l-istess ħsieb fil-poeżija Lil Ommi Marija:

 “Deh, meta tersaq l-aħħar
                                    Siegħa tal-ħajja tiegħi,
                                    Nixtieq ingħannqek miegħi
                                    Ngħajjatlek ‘Ommi’ u mmut.”

Din ix-xewqa takkompanja oħra bħalha li tinsab lejn tmiem il-poeżija Saffika Il-Vjatku.  Hawn il-poeta sejjaħ lil Ġesu’ biex imur ukoll iżuru fl-aħħar mumenti  ta’ ħajtu:

                                    “L-aħħar Ħabib, ejja ġo sidri, u qiegħed
                                    Qalbek fuq qalbi u minn kull dnub saffiha;
                                    Miegħek mgħannaq, Ġesu’ naqbad bla biża’
                                                                  it-triq ta’ dejjem.”

Għeluq:

~ertament li hemm ħafna aktar xi tgħid dwar il-ħsieb tal-maternita’ fil-poeżija dunkarmjana, iżda minħabba limitazzjoni ta’ spazju (tal-ħin), ma stajtx nelabora iżjed.  B’danakollu, inħoss li s-sustanza tinħass sewwa.  Dun Karm ħares dejjem lejn il-Madonna bħala omm. U jekk omm ma tgħallimx lil uliedha, x’omm tkun? Għalhekk, huwa qiesha wkoll bħala għalliema  OMM u GĦALLIEMA, kif isejħilha fil-poeżija Sedes Sapienziae:

                                    “Miġburin hawn madwarek, Madonna,
                                    Bħalma darba kien jagħmel Ġesu’,
                                    F’din l-iskola ta’ mħabbtek għidilna
                                    It-tagħlim ta’ dan Ibnek x’inhu.”

F’Kitba oħra, jien sejjaħt lil Ħal Tarxien Ir-Raħal ta’ Marija u l-Oratorjo li ktibt għammidtu bl-isem ta’ Ħal Tarxien, Iben Marija.  Dan għax nemmen bis-sħiħ fir-rabta li teżisti bejn dan ir-raħal u l-Madonna.  Araw kemm statwi, kemm artali, għandna fil-knisja tagħna li jfakkruna f’Ommna Marija!  Araw kemm għandna nisa u tfajliet li jġibu l-isem ħelu tagħha!  Araw kemm statwetti maġenb il-bibien ta’ djarna, kemm niċeċ jinsabu mxerrdsin mar-raħal li jikxfu l-għożża li għandna lejn din Ommna tas-Sema!  Il-Banda tagħna stess iġġib l-isem ħlejju ta’ Marija Annunzjata!

Kollox juri l-imħabba li ta’ qabilna kellhom lejn Marija; imħabba li żergħuha fi qlubna u jalla li aħna ngħadduha lil ta’ warajna.  Għax dejjem qisna lil din il-mara bħala omma ħanina, omm twajba, omm mitlufa wara wliedha.  Hekk għamel Dun Karm Psaila fil-versi tiegħu; hekk għandna nagħmlu aħna fil-ħajja tagħna ta’ kuljum.



No comments: