Twieled il-Birgu . Trabba l-Kalkara u emigra lejn l-Awstralja meta kellu 18-il sena fl-1963. Attenda l-Kulleġġ De La Salle f’Malta u Taylors College u Swinburne College of Technology fl-Awstralja. Segwa korsijiet oħrajn fil-kitba kreattiva, il-kitba tal-iskripts u l-kitba għat-teatru. Ippubblika l-ewwel ktieb tal-poeżiji tiegħu flimkien ma’ Joe Axiaq u Philip Camilleri bl-isem ta’ Bejn Vjagg u Ieħor. Il-poeżiji tiegħu dehru wkoll f’Irjieħ u Frott Ieħor. Daqq f’diversi gruppi ta’ mużika popolari bejn is-snin sittin u tmenin. Ipproduċa għadd ta’ albums mużikali għal artisti Maltin f’Melbourne u kiteb bosta kanzunetti għal artisti Maltin lokali. L-album tiegħu NEON hu magħruf qatigħ fost il-Maltin li jgħixu barra minn Malta. L-album tiegħu TILA li ħareġ flimkien mal-għannej popolari Frans Baldacchino “il-Budaj” kien l-ewwel inizjattiva komuni bejn Malta u l-Awstralja , fejn Manuel ħoloq u rrekordja l-arranġamenti u Frans kanta l-lirika tiegħu flimkien mal-mużika. Manuel għadda dawn l-aħħar tletin sena jirriċerka dwar il-mużika indiġena tal-Għana u l-Prejjem, u ħareġ l-aħħar CD tiegħu Maltese Traditional Melodies fl-2013. Manuel ilu impenjat fi programmi tal-ilsien Malti fuq bosta radjijiet fl-Awstralja għal dawn l-aħħar erbgħin sena.
Ili ngħix fl-Awstralja mis-sena 1963. Matul dan iż-żmien kont involut fix-xena popolari lokali
Awstraljana. Meta waqaft, ikkonċentrajt fuq il-Mużika Tradizzjonali Maltija.
L-ispirazzjoni li niġbor u nesprimi dawn it-temi Maltin kien
mezz kif nuri, kif inwassal il-messaġġ tal-mużika Maltija f’dan il-kontinent.
Imma mhux speċifikament għall-Maltin biss, għax il-wirt kulturali Malti,
partikolarment il-mużika tradizzjonali tal-Għana u l-Prejjem, huwa mezz kif aħna
l-Maltin nuru li aħna għandna x'noffru kulturalment u mhux biss hekk, imma l-mużika
tradizzjonali tagħna fformat parti mill-iżvilupp tal-ħajja ta’ dan il-pajjiż mindu
nfetħet l-emigrazzjoni mill-Ewropa wara t-Tieni Gwerra Dinjija. Aħna l-Maltin wasalna hawn bl-eluf wara li
nfetħet l-emigrazzjoni għall-Awstralja u huwa importanti li nuru l-karattru
kulturali tagħna flimkien ma’ nazzjonijiet oħra li ssetiljaw hawnhekk bħalna.
F'dak iż-żmien, it-taħlita multikulturali bdiet tħalli
l-influwenzi tagħha għax bdew jidhru bosta tipi ta’ mużika minn kull naħa
tal-Ewropa u aħna l-Maltin konna niffurmaw parti minn dan l-iżvilupp li llum
biddel il-fibra tan-nazzjon Awstraljan. Imma għalkemm dawk id-dilettanti li
kienu jħobbu l-kitarri Maltin flimkien mal-Għana Malti baqgħu jipprattikaw
il-mużika li kienu jgħożżu fil-privazija tad-djar tagħhom, ma rnexxilniex
noħorġu fil-beraħ u nuru l-wirt tagħna bħalma kienu qed jagħmlu nazzjonijiet oħra.
Matul iż-żmien sar progress u llum anki għandna clubs fejn tista’ tmur tisma’ l-kitarri u l-għana imma nħoss li
fix-xena mużikali popolari qatt ma rnexxielna nifirħu b'rixna, meta għanda tradizzjoni
rikka u ta’ min jiftaħar biha.
Kulma ppruvajt nagħmel fis-CD "Maltese Traditional
Melodies" huwa li nesprimi
il-melodiji antiki li jeżistu fit-tradizzjoni Maltija tal-Għana u l-Prejjem u
nippreżentahom f’dan il-kontinent b'mod li nispera li jappella mhux biss
għalina l-Maltin imma għan-nazzjonijiet l-oħra li jħobbu l-mużika ġeneralment.
2. Għal min hija
mmirata din it-tip ta’ mużika fejn tlaqqa’ l-melodija u l-akustika? Kif
tintlaqa’ mill-kbar u miż-żgħażagħ?
Il-mużika fis-CD
"Maltese Traditional Melodies" hija mmirata għal kull minn iħobb l-mużika
u partikolarment il-ħoss xi ftit aktar universali u poplari tal-kitarri. Però
ta’ min jgħid li dawk li jħobbu l-mużika tradizzjonali Maltija x'aktarx
jindentifikaw mal-melodiji aktar, għax wara kollox apparti minn żewġ
kompożizzjonijiet li għamilt bħala dedikazzjoni, il-kontenut huwa kollu ibbażat
fuq melodiji fokloristiċi Maltin
partikolarment tal-Ghana u l-Prejjem. Numru ta’ Cd's jinsabu għand nies
Awstraljani u nazzjonalitajiet oħra diversi għax wara kollox fit-temi
tradizzjonali tagħna l-Maltin hemm influwenzi Ewropej u anki tal-Lvant Nofsani.
Hawnhekk fl-Awstralja t-taħlita multikulturali hija qawwija għalhekk ma niskantax
li l-appell huwa aktar universali.
Is-CD għaddejtha lill-kbar u liż-żgħażagħ. Nemmen li
l-effett ta’ dawn il-melodiji fuq il-ġenerazzjojiet huwa differenti. Il-kbar
japprezzaw ċerti kwalitajiet nostalġiċi li x’aktarx ifakkruhom fi żmienhom f’Malta; allura hawn tidħol in-nostalġija, imma għaż-żagħżagħ
din il-mużika toħodhom lejn l-għeruq tagħhom. Hawnhekk hawn numru ta’ kitarristi
primi li twieldu f’dan il-kontinent u jħabbtuha mal-aħjar daqqaqa li kellna f’Malta.
Bosta minn dawn huma wlied l-għannejja u l-kitarristi, imma dawn twieldu hawnhekk
u l-influwenzi tagħhom huma tassew differenti minn dawk ta’ missirijiethom.
Lil dawn għaddejtilhom CD u għalkemm jien ikkonċentrajt
li noħroġ il-qalba tal-melodiji tat-temi tal-prejjem Maltin, dawn iż-żgħażagħ
kapaċi jimprovizzaw l-isbaħ prejjem li jinvolvu ċerti passaġġi tradizzjonali
kumplessi. L-influwenzi ta’ dawn iż-żgħażagħ kienu influwenzati minn daqqaqa bħal
Karmnu Kardona 'it-Tapp", Indri Brincat "il-Pupa", Lippu Gauci
'tal-Imqabba' u oħrajn.
Il-melodiji li użajt f’“Maltese Traditional Melodies”
huma bbażati fuq id-daqq ta’ kitarristi leġġendarji li dejjem ammirajt,
partikolarmet Indri Brincat "il-Pupa", imma kemm stajt ippruvajt
noħroġ il-melodija għalkemm hemm ukoll xi improviżazzjoni ħafifa wkoll. Dawn
m'humiex melodiji li kkomponejt jien, imma huma melodiji tradizzjonali Maltin
li huma wirt kulturali tagħna. Naturalment l-arranġamenti li għamilt jesprimu
d-daqq kif inħossu jien.
Rigward il-komunità Maltija ġenerali is-CD intlaqa’
tajjeb.
3. Dik li għażilt
hi mużika li tiġġenera sens qawwi ta’ nostalġija. Taħseb li hi apprezzata iktar
l-Awstralja u barra minn Malta, jew Malta? Għaliex?
Jista’ jkun li
l-melodiji jiġġeneraw sens ta’ nostalġija għax jippreżentaw id-daqq nazzjonali
tagħna. Nemmen li kull Malti, dilettant jew le tal-mużika tradizzjonali
Maltija, iħoss ċertu tqanqil meta jisma’ l-melodija tar-"re minore",
li fuqu jitkanta "l-Għana tal-Fatt". Ħafna Maltin jiftakru l-faxxikli
li kienu jiġu ppubblikati fl-imgħoddi bir-rakkonti u l-fatti ta’ "L-Għarusa
tal-Mosta", "Toni Bajjada" "L-Assedju l-Kbir", eċċ.
Din kienet il-pop mużik ta’ dak iż-żmien. U hawn ta’ min ifakkar li l-ewwel
diski li saru kienu diski tal-Ghana li kienu l-aktar mitluba f’dak iż-żmien.
Nemmen li d-daqq Malti huwa apprezzat ugwalmet,
sewwa f’Malta kif ukoll barra minn Malta fejn jgħixu l-emigranti. Naturalment meta
Malti jaghmel żmien ’il bogħod minn Art Twielidu t-tifsira ta’ affarijiet
Maltin issir aktar sinifikanti għalih/għaliha,
imma nemmen li f’Malta l-imħabba lejn id-daqq Malti fost id-dilletanti u
l-poplu ġenerali għadhom qawwija. Għalkemm għadha teżisiti ċerta stigma
fis-soċjetà Maltija kontra l-Għana Malti, nemmen li l-melodiji tradizzjonali
Maltin baqgħu l-aktar rappreżentattivi tal-poplu Malti. Eżempju ta’ dan kien
ix-xogħol tal-maestru Charles Camilleri li ħa s-sugu tal-melodiji Maltin u
pproduċihom b'temi klassiċi li sal-lum għadhom magħduda bħala kapolavur.
Ma ninsewx ukoll l-ewwel CD tal-Għana li sar
f’Malta kien ta’ grupp ta’ għannejja u kitarristi Maltin, Frans Baldacchino
'il-budaj', Manwel Parnis, John Saliba 'ta’ Birżebbuġa', Karmnu Bonnici ‘il-baħri'.
Dawn kienu taw numru ta’ preżentazzjonijiet f’Pariġi.
4. Minn xiex
inhu magħmul dan is-cd? Iddeskrivi fil-qosor il-biċċiet li għażilt.
Dan is-CD "Maltese Traditional Melodies" huwa
ġabra ta’ bċejjeċ ta’ melodiji tradizzjonali Maltin, partikolarment meħuda mill-qasam
tal-muzika tradizzjonali tal-Prejjem Maltin. Fl-espressjoni ta’ kif daqqejthom hemm
numru ta’ elementi moderni, skont l-influwenzi tal-qasam ta’ minn fejn ġejt
jien bħala mużiċista. Imma rigward il-melodiji Maltin, dawn huma dominanti fuq
kull stil u jżommu id-dinjità tagħhom f’diversi esperessjoni u stil.
1. FA
TAN-NOFS TON: Din hija melodija li hija użata biex fuqha jitkantaw fatti u
poeżiji. Anki dawk li m'humiex dilettanti tal-Għana Malti jagħrfu din il-melodija
mal-ewwel noti tagħha.
2. RE MINORE "TAL-FATT": Din hija
melodija li fuqha jitkantaw il-fatti bħal ngħidu aħna "L-Għarusa tal-Mosta".
Wieħed mill-aħjar protagonisti ta’ dan l-għana kien Manwel Cilia li għad hawn records tiegħu fil-ħwienet tad-diski.
3. EJJA WENZU: Din hija dedika
għall-għannej/kittieb/poeta/awtur Frans Baldacchino "Il-Budaj" li
kien ġenju fil-qasam tal-mużika Maltija. Frans kien ħoloq karattru li kien jużah
fuq il-programmi tiegħu fuq ir-radju li kien semmieh "Wenzu". Għal
ċertu żmien Frans 'il-Budaj"tant kien jippreżentah b'sens realistiku li l-udjenza
kienu jaħsbu li kien bniedem veru.
Kif jaf
kulħadd illum, Wenzu kien karattru fittizzju li kien ħoloq Frans
'il-Budaj". Matul iż-żmien ħloqt
din il-biċċa mużika bi stil Bluegrass
bħala tislima għal Wenzu. Frans il-Budaj kien ħabib u kollega. Il-memorja tiegħu
tgħix miegħi għal tul ħajti.
4. "LANCA ĠEJJA U OĦRA SEJRA" hija
melodija li llum tifforma parti mill-folkor Malti avolja għandha influwenzi Ewropej.
5. PINTO LANE hija stil Country and Western u kienet it-triq li kien jgħix fiha l-kitarrist
prim leggendarju Indri Brincat 'il-Pupa". Indri kien l-ispirazzjoni tiegħi
għall-mużika tradizzjonali Maltija. L-ewwel darba li smajtu kelli biss seba’
snin. Wara numru ta’ snin kont iltqajt miegħu u intervistajtu għal bosta sigħat. Indri kien l-idolu tiegħi fid-daqq
tradizzjonali Malti. Kull meta kont inżur Malta kont immur bosta drabi Pinto
lane fejn kien jgħix u jaħdem Indri Brincat 'il-Pupa".
6. LIL BAMBINU take 1: Din hija dedika għal Mikiel Abela
'il-Bambinu" li tant ta kontribuzzjoni qawwija lill-Għana Malti permezz
tal-Għana u l-Fatti tiegħu. "Il-Bambinu" kien ħare bosta diski li għadhom
fl-idejn sal-lum.
7. L-GĦANJA TAS-SUFFARA ħadet isimha minn għanja politika li kienet
ħarġet kmieni fis-snin sittin fl-eqqel tal-battalja Politiko-Religjuża ta’ dak
iż-żmien. Il-melodija kienet diġà dehret fuq
diska ta’ Manwel Mercieca 'is-Simmenza" li kien jisimha "Tifħir lil
Malta" imma darba reġgħet ħarġet b’suġġett politiku fis-snin sittin, fejn
l-għannej magħruf bħala "il-Papa" għanniha b'tema politika, l-għanja
baqgħet magħrufa bħala "l-Għanja tas-suffara".
8. IL-ĦANUT TA' DWINU: Din il-għanja meħuda
mit-tema prinċipali ta’ kummiedja mużikali
li kont ktibt ghall-Maltese Performing
Arts Association hawn f’Melbourne. Din ġiet ippreżentata fil-Lithaunean Theatre f’Melbourne għall-ewwel
darba u kienet ta’ suċċess. Aktar tard kienet reġgħet saret fil-Maltese Cultural Centre , f’Albion, għal
darb'oħra b’suċċess u attendenza massima.
9. IŻ-ŻEJTUN: Iż-Żejtun huwa magħruf bħala l-qalba
tal-Għana Malti. Dan ir-raħal ipproduċa ħafna mill-aħjar għannejja u kitarristi
leġġendarji. Din hija dedika speċjali għal dan ir-raħal.
10. GADANZI: Gadanzi hija interpretazzjoni ta’
varjazzjonijiet fuq il-kadenzi li jintużaw fl-Għana Malti. Dawn huma kollha bbażati
fuq kadenzi li smajt jindaqqu fiż-żmien li ili nirriċerka l-Għana Malti.
11. GĦANA BLUES: Dan hu esperiment ieħor kif
il-prejjem jistgħu jintużaw f’tempi oħra barranin. F’dan il-każ esperimentajt
bil-mużika Blues li hija influwenza
Amerikana.
12. IL-BAMBINU take 2: Din hija dedika għal
Mikiel Abela 'il-Bambinu" li tant ta kuntribuzzjoni qawwija lill-Għana
Malti permezz tal-Għana u l-Fatti tiegħu. "Il-Bambinu" kien ħareġ
bosta diski li għadhom fl-idejn sal-lum. Il-melodija hija ibbażata fuq waħda
mill-melodiji li kien jgħanni bihom.
13. Din hija bħal overture li tiġbor afna mill-melodiji li jinstemgħu f’dan is-CD u
tirriflettihom f’ġabra ta’ temi li jagħlqu x-xogħol.
14. Din hija melodija b'kitarra waħda, klassika,
li hija tislima speċjali għal Indri Brincat "il-Pupa" li miet fl-2010
u li kien l-ispirazzjoni sa minn tfuliti
għall-ġibda tiegħi lejn il-kitarra. Indri kien għallimni ħafna fuq il-teknika
tad-daqq tal-Prejjem u s-sistema tal-Għana Malti. Huwa kien bniedem li kien ilu
jdoqq u jakkumpanja l-għannejja sa minn tfulitu. Indri kien ġeneruż sal-aħħar
miegħi u kien għajnuna kbira fir-riċerka tiegħi fl-Għana Malti.
5. Kif tlaqqa’
l-mużika u l-poeżija flimkien?
Il-muċika, il-lirika u l-vers huma bħal ħoloq ta' katina
b’konnessjoni mal-emozzjoni u l-ispirazzjoni u kollha marbuta ma’ ċerta
spiritwalità u riflessjoni. Jekk tagħfas il-korda tar-"re minore"
fis-silenzju tal-lejl, diġà għandek mitt riflessjoni li jgħaddu minn moħħok li
huma ispirati mill-ħoss tal-korda minura.
Niftakar meta kont nippreżenta l-programmi tar-radju mal-qatt
minsi Dr Ġużè Abela, fil-bidu tax-xandir bil-Malti f'Melbourne, huwa kien talabni
biex nagħmillu sfond bil-kitarra għall-poeżiji tiegħu. Kien irrikordjahomli fi studio u smajthom darba mingħajr ma ħdimt
fuqhom. Meta ġejt biex nagħmillu sfond bil-kitarra, tfajthom dirett u daħħalt ċerti
noti skont kif beda jolqotni l-vers tiegħu. Dan ir-rikording għadu jintuża sal-lum
fuq stazzjonijiet varji bil-Malti hawnhekk. Kull nota ta’ sfond li daqqejt
kienet ispirata mil-lirika li bdejt nisma’ ta' Ġużè Abela. Il-vers u l-mużika
kienu katina fl-espessjoni tal-versi.
6. Għadek tikteb
poeżiji u f’liema okkażjonijiet?
Iva, għadni nikteb
poeżija imma ma tantx għadni naqra x-xoghol tiegħi fil-pubbliku. Kultant xi waħda
jew tnejn mill-poeżiji tiegħi jiġu ppubblikati f’xi ġurnal f’Malta imma b’anqas
frekwenza minħabba l-fatt li l-mużika ilha ftit tiddomina l-proġetti tiegħi dan
l-aħħar.
Dan iż-żmien ftit anqas prolifiku u aktar insib ruħi nnizżżel
ħsibijiet a la Stream of Conciouseness.
7. Proġetti għall-ġejjieni?
Il-proġetti tiegħi ma jiqfux. Waqt li għadni kif ħriġt is-CD
“Maltese Traditional Melodies” li ħadli parti kbira mill-ħin tiegħi, bħalissa qed naħdem fuq ktieb fuq Il-Muzika Tradizzjonali Maltija tal- Għana u
l-Prejjem. Dan nispera li joħroġ is-sena d-dieħla.
Nixtieq li niġbor għażla ta’ poeżiji tiegħi minn dawn l-aħħar erba’ diċennji u
nippubblikahom. Għandi wkoll dramm ġdid bl-Ingliż li jittratta fuq il-ġenerzzjoni
tieghi tas-sittinijiet hawnhekk fl-Awstralja, li konna affettwati bil-gwerra tal-Vietnam.
Xi wħud minn sħabi għajtulhom bil-lieva u anki servew f’din il-Gwerra. Il-play ġdida tiegħi Hello Goodbye tittratta fuq dawk iż-żminijiet. Il-play l-oħra The Last Days li kont ktibt ġiet ippreżentata minn STAG Theatre xi
tliet snin ilu. Din kienet tirrifletti l-ħajja tal-emigrant li wara diċennji jgħix’
il bogħod minn art twelidu, darba jitlef is-sieħba tiegħu jiddeċiedi li jerġa’
lura f’art twelidu u jerġa’ jipprova jkompli l-ħajja li ħalla warajh 50 sena
ilu. Naturalment il-konflitti huma bosta.
Matul iż-żmien li ili involut fil-komunità Maltija ktibt
u rrekordjajt bosta songs bil-Malti għal
artisti differenti. Kelli proġett f’moħħi fejn dawn nikwalizzahom u noħroġhom
fuq double CD. Insomma xogħol u ideat
għal proġetti huma bosta imma l-ħin u ż-żmiem jikkmandaw.
Patrick Sammut (Lulju 2014)
No comments:
Post a Comment