Sunday, June 01, 2014

L-Għaqda Poeti Maltin u t-tnedija ta' ktieb tal-poeżiji ta’ poetessa mill-Kanada.

 Il-president, Charles Magro, matul id-diskors tal-ftuħ tiegħu.

Nhar il-Ġimgħa, 30 ta’ Mejju, l-Għaqda Poeti Maltin flimkien mal-Faraxa Publishing, tellgħu Lejla ta’ Poeżija u Mużika fis-Sala tal-Konferenzi fil-Ministeru għall-Edukazzjoni u l-Impjiegi fil-Furjana. Waqt din il-lejla ġie wkoll imniedi l-ktieb ta’ poeżiji tal-poetessa Amerikana Sheryll Loeffler, A Land in the Storytelling Sea.

Il-poetessa Sheryll Loeffler (xellug fuq quddiem) u l-poeti u l-pubbliku li attendew

Din ma kenitx l-ewwel lejla tat-tip li l-Għaqda Poeti Maltin tellgħet. Fl-imgħoddi din l-għaqda kellha mistednin poeti barranin bħal Stephen Morris (mir-Renju Unit) u Paola Mara De Maestri, Alberto Figliolia u Clirim Muca (mill-Italja).

Sheryll Loeffler tiffirma kopji tal-ktieb tagħha.

Il-lejla tat-30 ta’ Mejju nfetħet b’diskors mill-president tal-Għ.P.M., Charles Magro. Wara kien hemm ħin biex il-membri u dawk preżenti jaqraw il-poeżiji tagħhom, kemm bil-Malti kif ukoll bl-Ingliż. Aktar tard saret it-tnedija tal-ktieb A Land in the Storytelling Sea. Inqrat bijografija qasira ta’ Sheryll Loeffler minn Miriam Ellul, l-U.R.P. tal-għaqda u l-persuna li mexxiet is-serata. Imbagħad il-viċi-president tal-Għ.P.M., Patrick Sammut, intervista lill-poetessa li kellha wkoll il-ħin taqra għadd ta’ poeżiji minn din l-antoloġija ġdida tagħħa. Il-lejla kienet akkumpanjata mill-mużika ta’ Maria Luana Ellul (kantanta) u Myles Azzopardi (kitarrist) li huma parti mill-Milk Mi rock band.

Sheryll Loeffler intervistata minn Patrick Sammut

Fl-aħħar tal-lejla kien hemm bibita li matulha dawk preżenti setgħu jixtru kopja ta’ A Land in the Storytelling Sea, u jitkellmu mal-poetessa mistiedna li ffirmat kopji tal-ktieb.




No comments: