Thursday, January 30, 2014

Tislima lill Baruni Kelinu Vella Haber

Ħajtu u Ħidmietu

Nhar it-Tlieta, 28 ta’ Jannar, 2014, tħabbret il-mewt tal-Baruni Kelinu Vella Haber. Hawnhekk xtaqt infakkar lil dan il-personaġġ importanti u kittieb prolifiku li laħaq l-età ta’ 100 sena permezz ta’ tagħrif li jiena ġbart u ppubblikajt matul is-snin.

Kelinu Vella Haber twieled il-Qala, Għawdex, fl-1 ta’ Ottubru 1913. Huwa kien għal snin twal wieħed mill-personalitajiet l-aktar ħabrieka fil-qasam tal-Ilsien Malti. Segwa tliet snin kors ta’ studji superjuri fil-letteratura u l-filosofija. Matul ħajtu ħadem f’bosta oqsma soċjali: kien Surmast fis-Seminarju u Liċeo ta’ Għawdex bejn l-1941 u l-1943; Spettur tal-Biedja bejn l-1943 u l-1945; Uffiċċjal Anzjan tal-Informazzjoni fis-Servizzi Ċivili bejn l-1945  u l-1958; u Uffiċċjal tal-Informazzjoni fil-Ministeru tal- Biedja bejn l-1958 u l-1974. Ħadem ukoll fl-iskellej primarji tal-Gvern u erba’ snin fil-Kulleġġ ta’ San Alwiġi, B’Kara. Kienet is-sena 1938 meta Kelinu ħa d-diploma tal-ewwel premju f’Konkors ta’ Poeżija organizzat mid-ditta The Imperial Trading Co. Is-sena 1939 ġabet magħha l-ħatra ta’ Kelinu bħala membru akkademiku tal-Għaqda tal-Kittieba tal-Malti, illum magħrufa bħala l-Akkademja tal-Malti.

Matul il-karriera letterarja tiegħu Kelinu dejjem ħadem biex inissel rispett u mħabba fil-qalb tat-tfal u ż-żgħażagħ Maltin u Għawdxin. U dan wassal għall-missjoni li qabad fis-sena 1943 meta waqqaf il-Moviment tal-Malti. Fost l-għanijiet tal-Moviment insibu dawn: il-Moviment kellu jinqeda b’xandir letterarju bir-Rediffusion;  jorganizza laqgħat akkademiċi, teatrini, konferenzi u dibattiti ta’ studju, konkorsi letterarji u żjarat ta’ interess u ta’ tagħlim. Il-Moviment kellu wkoll Fergħat imxerrdin ma’ ħafna mkejjen ta’ Malta u kellu jitħabat biex inissel mill-membri tiegħu l-aħjar ċittadini. Moviment bħal dan kellu saħansitra l-organu uffiċċjali tiegħu li kien iġib l-isem ta’ Il-Qawsalla, ġurnal li kien joħroġ darba fix-xahar. L-editur kien Kelinu stess, u l-ewwel ħarġa dehret f’Ottubru tas-sena 1949. Hawn insibu dan l-“Appell lit-tfal tal-iskejjel”: “Żgħażagħ ħbieb tagħna, ilha għal ħafna żmien tinħass il-ħtieġa li t-tfal tal-iskejjel ikollhom il-folju tagħhom - folju ta’ studju li jgħinhom b’tagħlim prattiku sabiex ma jħossux it-toqol kollu tal-istudju li jkunu qegħdin jagħmlu. Din il-ħtieġa kienet tant dan l-aħħar li saret ħaġa li jinħtieġ li xi ħadd jieħu ħsiebha bla telf ta’ żmien, jekk nixtiequ naraw lill-istudenti żgħażagħ jieħdu l-istudji tagħhom aktar bil-qalb u ma jħossux it-toqol kollu tagħhom fuq moħħhom u fuq ruħhom. Sabiex itaffi dan in-nuqqas tassew kbir, il-Moviment tal-Malti, li llum għandu mal-20 Fergħa tat-Tfajliet u tas-Subien, kif ukoll soċjetajiet oħra affiljati miegħu, sejjer joħroġ folju għat-tfal tal-iskejjel, u dan il-folju tagħkom sejjer ikun jismu: IL-QAWSALLA. . .”

Bħala kitba Kelinu welled bosta artikli, libretti u kotba li huma marbutin mal-qasam tal-biedja fejn ħadem għal ħafna snin. Xi eżempji huma Il-ktieb tat-tiġieġ (1946), Il-Kalendarju tal-Fjuri (1957, 1960, 1974), Kalendarju tal-Ħxejjex u Ħwawar (1959, 1974), Is-sigriet tat-tjur (1963) u Is-sigriet tal-ġonna (1965). Hekk ix-xogħol servih biex iqanqal fih il-ħajra għall-istudju tal-ortikoltura. Kelinu għadu jikteb sal-lum dwar dan il-qasam anki f’xi ġurnali lokali għallinqas darba fil-ġimgħa. Kiteb ukoll studji oħra ta’ xejra letterarja, bijorafiji, u poeżiji, uħud minnhom ippubblikati f’ġurnali lokali u oħrajn miktuba b’ilsna oħra u mxandrin f’ġurnali barranin. Poeżiji oħra jidhru fl-istess Il-Qawsalla (bħal Il-Benniena Maltija u Melodija lil San Pawl), u anki f’Leħen il-Malti. Fost il-ħafna premji li rebaħ hemm ukoll l-ewwel post fil-Konkors ta’ poeżiji organizzat mill-Pronostku Malti  fl-1942. Mill-1946 ’il quddiem beda jorganizza huwa stess konkorsi biex iħeġġeġ lill-ġenerazzjoni żagħżugħa taħdem iżjed b’risq l-ilsien Malti. Kien hawn li waqqaf ix-Xirka tal-Malti li min-Nadur u x-Xagħra tferrxet saħansitra f’Malta u ħadet l-isem ta’ Xirka tal-Malti għat-Tfal. Minn hawn tnissel aktar tard  il-Moviment tal-Malti.

Fl-1938 tkellem għall-ewwel darba fuq ir-Rediffusion. Fis-snin ta’ wara kiteb, organizza u xandar għadd ta’ programmi letterarji fejn ippreżenta bosta leġġendi, tradizzjonijiet, ħrejjef u storja. Kontribut qawwi li ta Kelinu Vella Haber kien żgur fil-qasam tar-radju-dramm Malti tant li huwa meqjus bħala pijunier f’dan il-qasam. Hekk kiteb fil-Pronostku Malti tal-1955: “L-ewwel radjudramm Malti ġie għalhekk miktub mill-Fundatur u Mexxej Ġenerali tal-Moviment tal-Malti għall-aħħar tas-sena 1944 u ġie mxandar minn fuq ir-Rediffusion f’Jannar tas-sena 1945 f’waħda mix-xandiriet letterarji li l-Moviment imsemmi kien jagħmel ta’ kull nhar ta’ Sibt fil-ħamsa ta’ wara nofs in-nhar. Dak kien radjudramm ta’ propaganda, imfassal u mxandar bil-ħsieb li s-semmiegħa jsiru jafu sewwa x’kienu l-għanijiet tal-Moviment imsemmi u s-siwi tiegħu għall-iżvilupp taż-żgħażagħ sabiex Malta jkollha ’l quddiem ċittadini aħjar. Malli nstema’ dak ir-radjudramm, tant kien ingħoġob u tant kien kbir l-effett tiegħu fuq is-semmiegħa li bdew jaslu lill-Moviment għaxriet ta’ ittri kuljum mibgħutin minn żgħażagħ li xtaqu jissieħbu fil-Moviment tal-Malti”. Waħda mis-sensiliet li ġibdet warajha bosta semmiegħa kienet Paġni mill-ktieb ikkamlat misjub fis-senduq imsewwes li ħalla warajh in-Nannu. Marbuta ma’ dan il-qasam hija r-rivista Il-Qawsalla li fiha nsibu ppubblikati bosta radju-drammi bħal Iż-żwieg ta’ bint is-sultan (Awissu 1950), L-għaġeb tal-ilma (Diċembru 1950), L-erba’ snajja’ (Frar 1951), It-tabib l-aħmar (Mejju 1951), u Il-papoċċi tal-fatati (Settembru 1951). Xi wħud minn dawn ir-radju-drammi kienu msejsa fuq il-ħrejjef Maltin, jew fuq il-mitoloġija Griega jew fuq xi ħrejjef tal-aħwa Grimm.

Dwar il-ġurnal Il-Qawsalla hemm ħafna xi tgħid. Meta wieħed iqalleb fih jinduna illi huwa maqsum f’bosta taqsimiet interessanti bħalma huma n-narrattiva (b’kitbiet anki ta’ Ġużè Orlando, patri Wistin Born u Ben Jeħuża), il-letteratura u l-kritika letterarja (b’kitbiet dwar is-sunetti ta’ Keats u Dun Karm, ir-rumanzi Raġel bil-għaqal u Is-Salib tal-Fidda, il-Canterbury Tales ta’ Chaucer, u Dante Alighieri), il-lingwa, il-ġeografija, ix-xjenza u n-natura, l-istorja, u r-reliġjon. Dehru fih ukoll bosta poeżiji u kitbiet ta’ poeti lokali bħal Vincent Ungaro, Ġużè Orlando (bil-poeżija Missieri), Ġużè Muscat Azzopardi (bħall-poeżiji Salm:Laudate Pueri u Ave Marija), Manwel Cassar, Ġorġ Chetcuti, Mary Meylak u Anton Buttiġieġ (bil-poeżija Il-Mitħna tal-Ilma).
 
Kelinu Vella Haber kien kittieb prolifiku sal-aħħar. Hija ħasra li bosta mix-xogħlijiet li kiteb għadhom fil-kexxun u għadu ma nqala’ ħadd li jieħu r-responsabbiltà jiġborhom, iqiegħdhom f’kategoriji u jikteb studju dwarhom ilkoll. Xogħol bħal dan jeħtieġ  isir fil-ġejjieni qarib. Nispiċċa billi nfakkar li l-kittieb u ħabib ta’ Kelinu Vella Haber, Paul P. Borg, fl-2003 ħareġ il-ktieb Kelinu Vella Haber - Ħidmietu u l-Moviment tal-Malti (Mizzi Design and Graphic Service). Dan il-volum jieħu s-sura ta’ bijografija, imma anki ta’ storja soċjali u lingwistika. Huwa maqsum f’erbatax-il taqsima u jtul mas-600 paġna, imma apparti t-tagħrif interessanti u siewi mibni b’reqqa u dettal, il-qarrej isib bosta ritratti tal-epoka, ittri, artikli u paġni minn ġurnali differenti, diplomi u ċertifikati li jlewnu ktieb voluminuż bħal dan.




Dan li ġej huwa parti minn diskors li jiena qrajt waqt Lejla Mużiko-Letterarja ta’ Ġieħ li l-Akkademja tal-Malti tellgħet f’Għawdex għal Kelinu Vella Haber, nhar id-29 ta’ Novembru, 2013.

Il-Poeżija ta’ Kelinu Vella Haber

Forsi lill-Baruni Kelinu Vella Haber ftit jafuh bħala poeta, imma dan ma jfissirx li poeta mhux. L-ewwel poeżija tiegħu kitibha fl-1936, bl-isem ta’ Fl-Ewwel Tqarbina Jum il-Ferħ tat-Tfal Ċkejknin. Din kienet poeżija li kiteb għal ħuh Martin u kienet dehret f’Leħen il-Malti. Minn dak il-waqt ’il quddiem Kelinu kiteb mijiet ta’ poeżiji li bosta minnhom inkitbu f’riħ ta’ waqt kif spiss jistqarr huwa stess.
Ġużè Chetcuti fi Ħbiebi l-Awturi Maltin li ħareġ mill-PEG fl-1998 jikteb hekk: “KVH [...] ħadem f’ħafna attivitajiet soċjali u dan ix-xogħol tiegħu ta’ ġid għall-Ilsien Malti ilu sejjer sa minn qabel il-gwerra, sa mis-sena 1938 meta ħa d-diploma tal-ewwel premju f’Konkors tal-Poeżija mniedi mid-ditta The Imperial Trading Co.”, organizzat minn Romeo Psaila. (p. 369) Aktar ’il quddiem jikteb, “Ħa parti u rebaħ premji f’diversi Konkorsi tal-Poeżija [...] fost oħrajn il-Premju, l-Ewwel, li ħa fl-1942 fil-Konkors ta’ Poeżiji mniedi mill-Pronostku Malti; [u] diploma ta’ Tifħir fil-Konkors ta’ Ballati mniedi mill-Għaqda tal-Kittieba tal-Malti fl-1943.” (p. 370)

F’dawn il-poeżiji ta’ Kelinu Vella Haber taħkem fuq kollox is-sinċerità, imma anki l-imħabba lejn il-familja u lejn dawk ta’ madwaru. Huma versi fuq kollox mimlijin hena li jfakkru f’waqtiet differenti, anki ta’ firda (bħall-mewt), imma li nkitbu dejjem minn perspettiva ottimista u li jnisslu tbissima f’min jaqrahom. Huma wkoll versi li jfakkru l-waqtiet żgħar u sempliċi, imma henjin, tal-ħajja. Is-sempliċità hi s-sigriet tal-kobor tal-versi ta’ Kelinu. Għall-Baruni Vella Haber il-kitba tal-poeżija hi dmir li l-poeta jħoss li jrid jaqdi biex wara jħossu ħieles.

Dwar il-poeżiji ta’ KVH kiteb ukoll Paul P. Borg fl-Appendiċi tal-bijografija Kelinu Vella Haber – Ħidmietu u l-Moviment tal Malti li ħareġ mill-Midsea fl-2003: “Huwa ħaddem ħafna varjetajiet ta’ versi bħalma huma l-lirika, il-ballata, is-sunett, il-kantilena u l-melodija. Versi rimati, versi maħlula u versi oħrajn. Saħansitra kiteb l-ewwel eżametri bil-Malti. Il-versi tiegħu huma ta’ suġġetti varji. Ta’ min jgħid, madankollu, li għadd ġmielu tal-versi tiegħu huma kitbiet okkażjonali ta’ familjari bħalma huma l-Ewwel Tqarbina jew il-Griżma tal-Isqof, iż-żwieġ u għeluq is-snin.” (p. 628) Paul P. Borg fl-istess Appendiċi jfakkar li KVH kiteb ukoll versi bl-Ingliż u bit-Taljan, u anki innijiet mużikali. (p. 629)


Fir-ritratt hawn fuq il-Baruni Kelinu Vella Haber jingħata tifkira f'għeluq il-mitt 
sena tiegħu mill-President tal-Akkademja tal-Malti, Olvin Vella, nhar id-29 ta' Novembru, 2013, 
fil-Ministeru għal Għawdex, Rabat, Għawdex.

Temi:

Fost il-varjetà ta’ temi li jispikkaw fil-versi tal-Baruni Vella Haber hemm l-imħabba, il-familja u t-twemmin. Tirrikorri spiss ir-relazzjoni missier/bint/iben, nannu/neputija/neputi, u dik bejn l-aħwa jew il-miżżewġin. Hawn naqraw ukoll versi li jirriflettu waqtiet ta’ ferħ bħal żwieġ, l-għaqda fost il-familja, l-ewwel tqarbina, u wild ġdid.

It-twemmin - L-imħabba hi wkoll dik lejn il-Madonna, u anki lejn Mons. Ġużeppi De Piro (meqjus bħala missier). Għadd ta’ poeżiji huma wkoll talba eż. Il-Psiepes tal-Bejta hi talba għall-umiltà u l-armonija li tinsab sa fl-iċken ħlejjaq. Hemm reminixxenzi Franġiskani kontinwi fir-riferimenti għall-elementi naturali, imma anki reminixxenzi tal-versi ta’ Anton Buttigieg, anki hu mill-Qala. Ir-rabta ma’ poeti kontemporanji tinħass f’Ħolm fir-Ramla tan-Nadur li timxi pari passu mal-versi ta’ Ġorġ Pisani, imma anki f’Il-Gelmus fl-imgħoddi u l-lum saffika li tfakkar f’versi ta’ Ġorġ Zammit u Ġorġ Pisani.

Tema oħra li tirrikorri hi l-vjaġġ. Kelinu hu l-bniedem li vvjaġġa ħafna, iltaqa’ ma’ bosta ħbieb barranin u ra bosta meravilji, imma li l-hena jsibha dejjem “f’dari l-Gżira!” (Il-Qawsalla Tiegħi). Għalhekk bosta poeżiji tiegħu nkitbu fuq il-vapur bejn Malta u Għawdex, fuq tal-linja, jew fuq it-tren.

Versi oħrajn - Il-Baruni Vella Haber kiteb ukoll għadd ta’ eleġiji, poeżiji awtobijografiċi, versi enkomjastiċi u tal-okkażjoni, u oħrajn b’tema soċjali (eż. il-progress li rikeb lill-Maltin, it-tfajliet ommijiet, l-Insara tal-isem, il-klonazzjoni, il-ħtieġa li l-bniedem jagħraf il-limiti tiegħu). Element importanti huwa l-Istorja, marbuta maż-żminijiet pagani, il-miġja ta’ San Pawl, l-Assedju l-Kbir, il-Franċiżi, imma fuq kollox it-Tieni Gwerra Dinjija. Tinħass spiss ir-rabta bejn l-istorja pagana u dik nisranija u kontemporanja. Naqraw ukoll dwar l-istorja tan-Nadur, u l-mitoloġija. Kelinu għandu wkoll poeżiji dwar il-Kampjonat Dinji tal-Ballun (Messiku 1986), il-miniskirt u l-maxiskirt, dawn tal-aħħar mhux neqsin mill-element ironiku.

Struttura:

Il-varjetà tidher ukoll fuq livell ta’ metrika u prosodija. Metrikament jitħaddmu l-iktar il-kwartini bir-rima mqabbża (xi drabi anki l-ottavi). Insibu s-sunett Taljan u Ingliż, is-saffika, l-innu, il-ballata, u l-leġġenda. Din tal-aħħar tintrabat mat-twemmin u mal-Bibbja. Kelinu jirnexxilu jqiegħed f’versi sempliċi, sbieħ u mexxejja bosta mir-rakkonti bibliċi.  Interessanti huwa t-tħaddim ta’ dak li nsejjaħlu s-sunett estiż: xi drabi 4 kwartini u distiku finali (mibni fuq is-sunett Ingliż), u drabi oħra 3 kwartini u 2 terzini (mibni fuq is-sunett Taljan). Prosodikament Kelinu jħaddem l-ottonarji flimkien mal-endekasillabi u l-eżametri latini, l-ottonarji mal-kwaternarji, l-endekasillabu mad-dekasillabu u l-ottonarju, il-kwinarju, is-settenarju mal-endekasillabu, imma anki l-vers ħieles. Ir-ritmu jimxi id f’id mat-tema, eż. mgħaġġel biex jirrifletti l-enerġija u s-saħħa, imma anki ż-żmien li jiġri, xi drabi hu wkoll rifless tal-vjaġġ (eż. fuq it-tren) li matulu Kelinu jkun qed jikteb il-versi tiegħu.

Lessikalment il-versi tal-Baruni Vella Haber jixorbu mid-dinja naturali. Naqraw dwar bosta referenzi toponimiċi bħal Ta’ Pinu, il-Qala, iċ-Ċirkewwa, Ta’ Qassar, Kemmuna, l-Imġarr, ta’ Kordina, in-Nadur, tas-Simar, Daħlet Qorrot, iċ-Ċittadella, San Blass, u Gelmus. Spiss Kelinu jurina li hu mgħarraf sewwa dwar l-etimoloġija tal-ismijiet tal-postijiet.


Fir-ritratt tidher delegazzjoni mill-Kumitat tal-Għaqda Poeti Maltin li fl-1 ta' Ottubru, 2013, 
żaret lill-Baruni Kelinu Vella Haber fid-dar tiegħu u ppreżentatlu tifkira f'għeluq il-mitt sena tiegħu. 
Ta' min ifakkar li Kelinu Vella Haber kien maħtur Membru Onorarju tal-Għaqda Poeti Maltin 
fil-31 ta' Awwissu tal-2007, waqt Serata Mużiko-Letterarja fil-Ministeru għal Għawdex.

Peress li daqt jasal ix-xahar ta’ Frar li jfakkar il-miġja ta’ San Pawl f’Malta, hawn issibu poeżija li kiteb Kelinu Vella Haber u li dehret f’IL-QAWSALLA:

MELODIJA LIL SAN PAWL

Maltin ifirħu f’dan il-jum ta’ rebħ
jixraq li nagħtu lil S. Pawl kull sebħ!
Thennew l-għaliex S. Pawl ħeles lil Malta
kif missier sar li ma jintesa qatt:
Meta l-mewġ farrku mal-blat aħrax tagħna
rebaħ lill-għadu w, ’l Alla lilna radd.
Maltin ifirħu f’dan il-jum ta’ rebħ
jixraq li nagħtu lil San Pawl kull sebħ!

Ifirħu l-għaliex Pawlu qatt ma nsiena
lil Malta għamilha Bintu w lilna wlied:
Hu ġibed lejna l-ħarsa ħelwa t’Alla
b’daqshekk ħriġna aħna rebbeħin f’kull ġlied.
Maltin ifirħu f’dan il-jum ta’ rebħ!
Jixraq li nagħtu lil San Pawl kull sebħ!

Ejjew lil Belt inżejnu, nperpru l-bnadar
b’San Pawl, rebbieħa, nduru mat-triqat
Ejjew indoqqu l-baned u nifirħu
San Pawl Missierna jsaltan fil-ġemgħat.
Maltin ifirħu f’dan il-jum ta’ rebħ
jixraq li nagħtu lil San Pawl kull sebħ!

                                      (Il-Qawsalla, Frar, 1950)

Minn hawn nixtieq ngħaddi l-kondoljanzi tiegħi lill-familjari kollha tal-Baruni Kelinu Vella Haber. Agħtih Mulej il-mistrieħ ta' dejjem.



No comments: