Friday, January 31, 2014

INTERVISTA MAL-POETESSA MARLENE SALIBA

Marlene Saliba twieldet f’Santa Venera u ħadet l-edukazzjoni tagħha kemm f’Malta kif ukoll fl-Ingilterra. Kisbet Master’s degree fil-Letteratura Ingliża mill-Università ta’ Malta. Kienet waħda mill-fundaturi tal-Peace Education Programme, li wara ġie magħruf bħala Institute for Peace and Conflict Studies, fi ħdan il-Fondazzjoni għall-Istudji Internazzjonali fl-Università ta’ Malta.



 1.     Liema huma dawk il-waqtiet, esperjenzi u ħwejjeġ li jispirawk?

Il-waqtiet, esperjenzi u ħwejjeġ li jispirawni jistgħu jkunu kemm pożittivi kif ukoll negattivi. Il-poeżiji mistiċi tiegħi huma x’aktarx ispirati minn waqtiet ta’ ħemda u solitudni f’kuntest u f’ambjent naturali fil-kampanja jew maġenb il-baħar jew taħt sema jiddi bil-qamar u l-kwiekeb jew f’xi bini sagru. Il-poeżiji ta’ riflessjoni dwar is-soċjetà, kif ukoll il-poeżiji ta’ protesta, għadd ta’ drabi huma mnebbħa mill-problemi individwali u soċjali ta’ madwarna. Inebbħuni l-esperjenzi personali u l-esperjenzi li jġarrab ħaddieħor.

2.     Liema huma l-pubblikazzjonijiet poetiċi tiegħek u fiex jikkunsistu fil-qosor?

L-ewwel ktieb tal-poeżiji tiegħi kien bl-Ingliż bit-titlu ta’ Time-Faring u ġie ppubblikat fl-1994 u t-tieni edizzjoni fl-2001. Dan jinkludi esperjenzi personali, versi dwar is-soċjetà, dwar it-tkasbir tal-jeddijiet umani u tal-ambjent naturali, u poeżiji dwar ir-rabta mistika individwali u kollettiva tagħna mad-dinja u mal-kożmos.

It-tieni ktieb poetiku tieghi, Xbihat tal-Antenati / Ancestral Visions, hu bilingwi (bil-Malti u bl-Ingliż) u ġie mitbugħ fl-2011. Il-poeżiji tiegħi jirriflettu dwar il-valur intrinsiku taż-Żmien Neolitiku għalina llum. Huma mnebbħa kemm minn nies paċifiċi li bnew l-imqades Neolitiċi Maltin kif ukoll minn nies ta’ madwarna fis-seklu wieħed u għoxrin. Il-poeżiji jħarsu lejn u jispekulaw dwar bosta ħwejjeġ, ċirkostanzi u esperjenzi sekulari u sagri li kellhom in-Neolitiċi li donnhom baqgħu xi ftit jew wisq simili għalina fil-ġurnata tal-lum, u dawk li jidhru li nbidlu, bħal per- eżempju, is-safa tal-ambjent naturali u r-rabta spiritwali li kellhom dawn l-antenati   man-natura. Il-ktieb jistieden lill-qarrejja jeżaminaw kemm dak li rbaħna tul dawn l-aħħar eluf ta’ snin, kemm dak li tlifna, kif ukoll dak li għad nistgħu nerġgħu niksbu.

F’din il-pubblikazzjoni inkludejt xbihat bil-kulur ta’ xogħlijiet ta’ artisti mis-seklu tmintax sal-lum imnebbħa mill-kultura Neolitika ta’ Malta u Għawdex kif ukoll ritratti tal-imqades tagħna u ta’ fdalijiet li nstabu fihom. Il-biċċa l-kbira ta’ dawn ir-ritratti tal-wirt Neolitiku huma ta’ Daniel Cilia.

3.     Xi tgħid dwar l-għażla tal-forom metriċi u prosodiċi li tħaddem?

Jien inħaddem l-aktar il-vers ħieles għax inħoss li b’dan il-mod poetiku nista’ nesprimi aħjar it-temi, l-ideat u s-sentimenti tiegħi. Il- forma, il-metrika u r-ritmu  għalhekk x’aktarx jiġu u jinbnew waqt li qiegħda nikteb il-poeżija mingħajr ma nippjanahom qabel. Xi kultant nara l-bżonn ta’, pereżempju,  xi tip ta’ rima interna u esterna jew xi intonazzjoni partikulari u dawn ukoll bħal jiġu waħedhom. Is-sintassi li nuża hi ġeneralment ċara u xi waqtiet inħoss il-melodija tal-poeżija waqt li nibda niktibha u għandi għadd ta’ poeżiji li ktibtilhom il-mużika u għalkekk tista’ ssejjħilhom ukoll kanzunetti. 

4.     Għal min taħseb jappellaw il-versi tiegħek?

Kelli ħafna feedback pożittiv speċjalment minn dawk li għandhom għal qalbhom il-jeddijiet umani, l-ambjent naturali, l-esperjenzi spiritwali u l-perjodu Neolitiku tal-Gżejjer Maltin. U anki minn dawk li f’sitwazzjonijiet diffiċli, bħal, ngħidu aħna, meta ġarbu l-mewt ta’ qraba jew ħbieb, sabu wens f’ċerti poeżiji tiegħi li jittrattaw esperjenzi personali varji.  Naħseb li l-versi tiegħi jistgħu jappellaw lil nies ta’ età,  edukazzjoni u kulturi differenti.
  
5.     Temmen li inti bħala poeta mara tittratta xejriet mill-ħajja tal-bniedem b’sensittività jew minn perspettiva differenti milli kieku kont poeta raġel? Kif tirreaġixxi għal dan?

Naħseb li l-grad ta’ sensittività tal-persuna ma tiddependix fuq jekk din hix mara jew raġel. Jidhirli li individwi differenti huma sensittivi għal ħwejjeġ u ċirkostanzi differenti. Dan jiddependi minn għadd ta’ fatturi, fosthom l-esperjenzi tal-ħajja li jgħaddu minnhom personalment.

Nemmen li l-esperjenzi li għaddejt minnhom bħala tifla u mara poġġewni f’pożizzjoni fejn nista’ nittratta xi xejriet mill-ħajja minn perspettiva femminili u poeta raġel ukoll jista’ jittratta xi xejriet mill-ħajja minn perspettiva maskili. Għalkemm wieħed ma għandux ikun kategoriku u riġidu żżejjed, ta’ min isemmi li hemm aspetti bijoloġiċi tal-mara u tar-raġel li jpoġġuna f’sitwazzjonijiet u f’esperjenzi differenti. Aħna n-nisa u l-irġiel ugwali iżda m’aħniex l-istess. Fatt ieħor hu li għalkemm il-liġi miktuba f’pajjiżna ssemmi l-ugwaljanza sesswali, għad hemm ħafna liġijiet soċjali mhux miktuba ta’ sterjotipar sesswali, kondizzjonar u ta’ atteġġament li wkoll ipoġġu r-raġel u l-mara f’sitwazzjonijiet u f’tiġrib differenti. U ta’ spiss dawn il-fatturi jissarrfu f’ċerti pożizzjonijiet  u perspettivi differenti. 

6.     Naf li inti waħda minn dawk li fhimt bl-importanza li vrusek jiġu tradotti għal ilsna barranin. X’vantaġġi hemm wara dan?

Jiena nikteb poeżiji oriġinali bil-Malti u bl-Ingliż. It-tnejn huma ilsna li nħossni komda nikkellem bihom. U meta nikteb poeżija bil-Malti nħoss li għandi naqlibha għall-Inliż u viċeversa. Għandi poeżiji maqluba minn ħaddieħor għall-Franċiż, għat-Taljan u għall-Ġermaniż. Il-vantaġġ wara dan hu li taqsam l-esperjenzi u l-ħsibijiet ma’ aktar nies u minn din il-komunikazzjoni tifhem iżjed kemm aħna l-bnedmin ta’ ilsna u anki kulturi diversi aħna simili fl-emozzjonijiet u fix-xewqat tagħna u kemm nistgħu nkunu ta’ wens u ta’ għajnuna għal xulxin. 

7.     Hemm min jgħid li huwa apprezzat bħala poeta aktar barra minn Malta milli f’pajjiżu? X’inhi l-esperjenza tiegħek f’dan ir-rigward?


Diversi drabi ġejt mistiedna f’pajjiżi barra minn Malta biex naqra l-poeżiji tiegħi f’avvenimenti letterarji u artistiċi u nħossni apprezzata bħala poeta. F’Malta wkoll inħoss li hawn dawk li japprezzaw il-poeżiji tiegħi. Jien l-aktar li nixtieq hu li dak li ngħid iqanqal il-moħħ u/jew il-qalb tal-qarrejja u s-semmiegħa  jew ta’ wħud minnhom u li l-poeżiji tiegħi joffru u jagħtu l-qatra żgħira tagħhom biex nibnu dinja aħjar.  

    8.     X’jista’ jsir biex  il-poeta u l-poeżija jingħataw spinta ’l quddiem f’pajjiżna?

Naħseb li jista’ jsir ħafna. L-ewwel nett fl-iskejjel l-espressjoni poetika tal-istudenti tista’ tiġi mħarrġa u żviluppata aktar. Il-linġwaġġ poetiku ħafna drabi jorbot b’mod ħolistiku l-qalb u l-moħħ u anki jgħin l-istudenti biex jesprimu u jaqsmu l-ħsibijiet u l-emozzjonijiet tagħhom b’mod sinċier.

Tajjeb li fil-klassi jkompli jsir diskors analitiku u deskrittiv u li jkun hemm diskussjoni dwar il-poeżiji magħżula fil-kotba tal-iskola. Hu importanti li fil-klassi niddedikaw ħin biżżejjed ukoll għall-esperjenza nfisha tal-kitba poetika u tar-reċitar tal-poeżiji, anki ta’ wħud magħżula mill-għalliema u mill-istudenti. Naħseb li fil-fond tiegħu kull individwu hu artistiku u li dawn l-eżerċizzji fil-klassi jagħtu lill-istudenti sens ta’ parteċipazzjoni u anki sens ta’ gost u apprezzament estetiku u jservu għall-iżvilupp mentali, emozzjonali u għal aktar komunikazzjoni. Jafu jġibu djalogu profond u interattiv fil-klassi li jħalli effett pożittiv ukoll wara fil-lezzjonijiet ta’ suġġetti oħrajn.

Naħseb li jservi ta’ għajnuna wkoll jekk fuq it-TV u fuq ir-radju jkun hemm aktar programmi letterarji u ta’ varjetà li jagħtu spazju lill-poeti u l-kitba poetika, jekk aktar poeżiji ta’ stili differenti jidhru fil-ġurnali u jinqraw f’serati live fil-bliet u l-irħula tagħna u aktar poeti jiġu mistidnin biex jieħdu posthom mal-kantanti u l-mużiċisti. Il-poeżija  tista’  tistimula l-ħsibijiet u s-sentimenti mhux biss ta’ dawk il-ftit li jmorru xi serata letterarja u li jaqraw il-kotba tal-poeżiji, iżda tal-poplu inġenerali. Bħala soċjetà jixraq napprezzaw aktar il-valuri estetiiċi kif ukoll il-benefiċċji prattiċi tal-poeżija. 

9.     U l-poeta mara fiex tinsab?

Meta wieħed iħares lejn il-kitba tal-ewwel snin tas-seklu għoxrin isib biss poeti rġiel li kienu jippubblikaw antoloġiji bil-Malti. Imbagħad, fil-ħamsinijiet, naraw il-poetessa Mary Meylaq titfaċċa fost bosta poeti rġiel u jirnexxilha toħroġ għadd ta’ kotba ta’ poeżija fost xogħlijiet oħra ta’ kitba! Aktar tard, fis-sittinijiet u s-sebgħinijiet, bdew jagħmlu isem il-poetessi nisa Doreen Micallef, Lillian Sciberras u Rena Balzan, u fid-disgħinijiet, Maria Grech Ganado. Illum insibu aktar poetessi li wkoll jippubblikaw bil-Malti poeżiji ta’ valur letterarju.

Biex ikollna poeti nisa kontemporanji daqs kemm hawn poeti rġiel irridu nħeġġu aktar lin-nisa biex jiktbu, u nippromovu l-kitbiet li hawn tal-poetessi Maltin. U aktar minn hekk, fl-iskejjel, meta l-istudenti jkunu qegħdin irawmu u jiżviluppaw it-talenti u l-aspirazzjonijiet tagħhom, ngħallmuhom il-kitba kreattiva. Fuq kollox fl-iskejjel nesponuhom mhux biss għall-poeti rġiel iżda wkoll għall-poeti nisa. B’hekk l-istudenti jassoċjaw il-kitba poetika anki mal-mara u dan jgħin il-bniet psikoloġikament u jinkuraġġihom biex jitħajru jiktbu huma.  Dan jgħin lis-subien ukoll biex ikunu aktar reċettivi għall-leħen u l-perspettiv femminili mhux biss fil-letteratura iżda wkoll fil-ħajja ta’ kuljum.

Għas-sillabu biex jinkiseb iċ-Ċertifikat għall-Edukazzjoni Sekondarja (Ċes) tal-Malti tal-2012 u tal-2013, fis-sezzjoni tal-letteratura nsibu 39 test ta’ poeżija u proza magħżula mill-antoloġija Qawsalla. Dawn id-39 test huma kollha miktubin minn irġiel. Jiddispjaċini ngħid li ma nsibu l-ebda vuċi femminili. Għas- sillabu biex jinkiseb l-istess ċertifikat fis-sena 2014 insibu l-ktieb ġdid Bejn Ħaltejn. Fis-sezzjoni tal-poeżija dan il-ktieb jinkludi 14-il poeta. Tnejn minnhom huma poeti nisa. Il-poeżiji taż-żewġ nisa huma qsar u bejniethom jokkupaw 2 paġni. Bejn Ħaltejn għandu 26-il paġna ddedikati għall-poeżiji għax xi wħud mill-poeżiji magħżula tal-irġiel huma twal. Għalhekk 2 paġni biss minn 26 paġna poetika huma ddedikati lill-leħen femminili. Aħjar minn xejn ... Imma taħseb li dan hu biżżejjed?
  
   10.   Waħda mit-temi favuriti tiegħek hija r-rabta tal-bniedem ma’ elementi jew
           entitajiet u spazji li jmorru lil hinn minn dak li hu tad-dinja. Xi tgħid dwar
           dan?

X’hinu tad-dinja?  Naħseb li kemm l-esperjenzi fiżiċi kif ukoll dawk mentali u spiritwali jistgħu jissejħu tad-dinja ġaladarba nħossuhom f’did-dinja. Il-bnedmin, it-tkasbir tad-drittijiet tagħhom, l-ambjent naturali tal-ħxejjex, il-bhejjem, il-blat, il-baħar ... dawn naħseb li huma tad-dinja u fil-poeżiji tiegħi ta’ spiss nitkellem dwarhom. Biex wieħed ikun realistiku u jżomm perspettiva bbilanċjata jidhirli li ma għandux jinjora l-kuntess tagħna l-bnedmin ġewwa d-dinja li tinsab fl-univers immens u misterjuż. Dan hu l-veru kuntest li aħna ngħixu fih kemm imqajmin u kemm reqdin u tajjeb li nikkonsidrawh u nfakkruh meta nirriflettu u nispekulaw dwar l-eżistenza tagħna. U għalhekk jien nitkellem ħafna anki fuq il-kwiekeb, is-sema u l-kożmos mil-lenti umana. Għandi bosta poeżiji li fihom insemmi esperjenżi spiritwali u reliġjużi ġewwa din id-dinja u anki l-ħajja jew it-tama u l-ħjiel ta’ ħajja wara l-mewt. Dawn lt-tipi ta’ esperjenzi umani jinfluwenzaw l-aġir tagħna u l-istil ta’ ħajja li ngħixu f’din id-dinja. 

11.  Inti fost dawk il-poeti moderni li għażlu jiktbu versi mirqumin u  neqsin minn  
       lingwaġġ oxxen, sensazzjonalist u li jdarras bla ebda skop ulterjuri. Xi tgħid  
       dwar din l-għażla tiegħek?

Jidhirli li l-lingwaġġ li nuża jien mingħajr kliem oxxen u mingħajr frażijiet sensazzjonalisti u li jdarrsu hu lingwaġġ addattat għat-temi u l-istil tal-poeżiji li nikteb jien.  Naħseb li dawk li jiktbu versi li jinkludu lingwaġġ oxxen, sensazzjonalist u li jdarras ikollhom l-għan jew l-għanijiet tagħhom.
  
12.   X’tagħmel Marlene Saliba meta ma tkunx okkupata bil-poeżija u l-kitba?   
        Proġetti għall-ġejjieni?

Sa ftit ilu kont ngħallem il-letteratura u l-lingwa Ingliża. Issa ħadt il-pensjoni u għandi aktar ħin għall-kitba u għal affarijiet oħra. Tinteressani ħafna s-saħħa ħolistika u fejn nista’ ngħin volontarjament f’din il-linja. Bħala delizzji nieħu pjaċir immur xi passiġġata mal-ħbieb jew noqgħod waħdi għall-kwiet ħdejn il-baħar jew fil-kampanja. Inħobb insajjar xi ikla tajba u nisma’ stili diversi ta’ mużika u ndoqq xi ftit il-kitarra.
Proġett għal din is-sena hu l-pubblikazzjoni tal-antoloġija Nimirħu maż-Żmien, il-verżjoni bil-Malti tal-ktieb tal-poeżiji tiegħi Time-Faring. Il-verżjoni bil-Malti  ktibtha jien ukoll u xi wħud minn dawn il-poeżiji jinsabu f’antoloġiji Maltin.  Aktar tard din is-sena għandi mnejn nilqa’ stedina biex immur l-Ingilterra ħalli nippromwovi l-ktieb Xbihat tal-Antenati / Ancestral Visions.

(April 2013)                                                                                                                            


No comments: