1.
Trevor Żahra u
l-letteratura għat-tfal. Dan jimplika mill-inqas żewġ affarijiet: l-imħabba
għat-tfal u n-namra mal-kitba għat-tfal. Minn fejn joriġinaw dawn iż-żewġ
imħabbiet?
Forsi aktar minn imħabba għat-tfal, inħoss li għandi mħabba għat-tfulija. Kollox ma’ kollox
naħseb li kelli tfulija ferrieħa ħafna.
Kont inħossni maħbub mill-familja u mill-qraba tiegħi. Illum nirrealizza kemm kont ngħix f’ambjent ikkulurit: id-dar tan-nanna
u z-zija fejn kont inqatta’ jiem sħaħ, l-istejjer li kienu jirrakkontawli,
il-ġardina qisha l-ġnien tal-Eden u l-kamra tal-imbarazz. Imbagħad kien hemm id-dar t’ommi, il-ġnien
kbir li kellna, il-librerija vasta fl-istudju ta’ missieri, iz-zijiet u l-kuġini
ġejjin u sejrin għandna. Dawn kollha
għaġnuni, ispirawni u sabu ruħhom fil-kitba tiegħi.
2.
Matul
il-karriera twila tiegħek bħala kittieb inti ktibt novelli, rumanzi, poeżiji u
drammi.
X’inhu s-sabiħ ta’ dawn il-ġeneri ta’ kitba?
F’kull ġeneru nsib xi ħaġa li tiġbidni u proprju għalhekk
jiena naqbeż minn ġeneru għal ieħor.
Inħoss li meta, ngħidu aħna, min-novella ndur għall-poeżija, jew
mir-rumanz indur għad-dramm, ikun qed niċċarġja l-batteriji mill-ġdid. Inħobb inġib tixbiha mal-ikel: anki l-aktar
ikel favorit tiegħek, jekk tieklu kuljum ixebbgħek. U hekk inħares lejn
il-ġeneri letterarji: inkun nixtieq induq it-togħmiet differenti li joffruli. Iżda minkejja dan kollu, tul dawn l-aħħar snin inammrajt bil-kbir
man-novella. L-istil konċiż tagħha,
l-ekonomija ta-kelma, il-pinzellati ħfief iżda sodu jkunu jeħtieġu l-karattri,
inħosshom jaqblu mat-temperament tiegħi.
3.
Xi tgħid dwar
il-ġeneru tal-awtobijografija?
Inħoss li ħafna awtobijografiji jbatu mill-istil. Xi drabi jiġri li għalkemm il-persuna kkonċernata
jista’ jkollha ħajja mill-aktar interessanti u unika, ma tkunx imħarrġa fl-arti
tal-kitba u allura tipproduċi xogħol stilistikament medjokri. Ma jfissirx li għax inti arkitett mill-aqwa,
inti wkoll kittieb. Fi kliem ieħor, awtobijografija tajba, tkun verament tajba, mhux għax tkun miktuba minn
politiku magħruf, filmstar ċelebri jew footballer-stilla ... imma meta tkun
artistika u kreattiva. Barra minn Malta,
il-biċċa l-kbira tal-awtobijografiji jgħaddu għand editur jew shadow writer, sabiex dan jieħdu f’idejh
l-ewwel draft tal-awtobijografu u jittrasformaha f’kitba interessanti.
4.
Liema minn dawn
it-tip ta’ kotba jintlaqgħu l-aħjar mill-qarrejja?
B’mod ġenerali, l-aktar li jimxu huma r-rumanzi; iżda
minn ftit lil hawn osservajt li n-novella qed taqbad ritmu ġmielu. Fl-istil tal-ħajja tal-lum, x’aktarx wieħed
qed iħossu komdu jaqbad jaqra biċċa xogħol ta’ ftit paġni u jlestiha malajr.
5.
Minn fejn
jitwieldu l-karattri li niltaqgħu magħhom f’kitbietek? Liema huma l-iktar għal
qalbek?
Jiena nikteb ħafna fuq karattru li niltaqa’ magħhom ta’
kuljum, jew fuq oħrajn li fi tfulitu jkunu ħallew fuqi l-impronta tagħhom. B’danakolu jiena qatt ma nagħmel “copy &
paste” imma nieħu elementi partikolari minn diversi karattri u nagħġinhom f’karattru
ġdid. B’hekk inħoss li l-karattru jkun
aktar oriġinali, interessanti ... jew bizarr.
6.
X’jagħmel
karattru tajjeb?
Meta l-kittieb ikun qed jimmudella l-karattri tiegħu, jeħtieġ
ikun jiskopri x’tip ta’ vuċi jkollhom, kif jimxi, kif iċaqelqu jdejhom; jiskopri
l-passat tagħhom, x’tip ta’ familja għexu fiha, f’liema post ..eċċ; anki jekk
dan kollu ma jkunx se jidħol fl-istorja. Xorta waħda l-kittieb jeħtieġ ikollu
komoxxenza ta’ dan. B’hekk, meta
l-qarrej jiltaqa’ ma’ dawn il-karattri, iħoss li huma tridimensjonali ...
ħajjin. Jiena nemmen li rakkont jimxi ’l
quddiem aktar bis-saħħa tal-karattri milli tal-plott.
7.
Spiss il-kittieb
isostni li jasal żmien meta ċerti karattri bħal jieħdu rajhom f’idejhom u jsiru
indipendenti mill-istess awtur. Qatt ġara lilek dan?
Iva, dan x’aktarx ikun kollu frott tal-preparazzjoni
sfiqa li jkun għamel il-kittieb; ta’ kemm ikun daħal fil-fond tal-karattri
tiegħu. Kemm-il darba ġrali li f’ħalq
il-karattri nibda nqiegħed kliem li ma nkunx
fassaltu qabel. Nibda nħoss li
dak il-karattru partikolali hekk ikun jeħtieġ jgħid; jew karattru li suppost
kellu jkun sekondarju, bil-mod il-mod tant nibda tant insibu interessanti li
nibda nżattu wisq aktar milli nkun ippjanajt; donnu ħa r-riedni f’idejh u qed
jiddettali hu xi jridni nagħmel bih.
8.
Kemm hija importanti
r-rabta bejn il-karattri u l-ambjent li fih jitqiegħdu fil-kitbiet tiegħek?
Meta aktar ’il
fuq semmejt li waqt l-ippjanar tal-karattri tajjeb li nistudaw ukoll il-post
fejh għexu, kont qed nirreferi wkoll għar-rabta tagħhom mal-ambjent fejn
trabbew. Tifel li għex u trabba mal-port
x’aktarx ikollu viżjoni tal-ħajja differenti minn wieħed li trabba fi flett
il-Gżira; u min, ngħidu aħna għex tfuliti kollha l-Awstralja se jkollu viżjoni
differeti minn dak li għex Malta u missieru kien mekkanik, jew għalliem jew
bennej. Barra minn hekk, l-ambjent li
nitrabbew fih mhuwiex biss dak fiżiku imma jinkludi wkoll il-karattri li
niltaqgħu magħhom. Min trabba mal-port s
e jiltaqa’ ma’ karattri differenti minn dawk li jiltaqa’ magħhom min jitrabba
s-Swieqi.
9.
Kemm huma
importanti l-aspetti morali, didattiku u soċjali f’kitbietek? Kieku kellek
tqiegħed dawn it-tliet aspetti f’ġerarkija kif tikklassifikahom fil-kitbiet
tiegħek?
L-aspett didattiku nħoss li m’għandux postu fil-letteratura. Din mhix qiegħda hemm biex tiddetta jew
timponi, imma biss biex tipprovoka l-ħsieb.
L-aspett morali nħoss li għandu jkun aktar issuġġerit bl-aktar mod
sottili, milli mistqarr.
Issa hawnehkk irrid niddistingwi bejn kitba għat-tfal u kitba
għall-adulti. Dik għat-tfal inħoss li
għandu jkollha valuri morali f’posthom. Jiġifieri jiena qatt ma jgħaddili minn
moħħi li nikteb xogħol għat-tfal li fih jiena nigglorifika l-moħqrija jew fejn
il-ħażin jiġi ppremjat. Iżda meta nikteb
għall-kbar nista’ nuża dawn l-istrateġiji biex nasal fejn inkun nixtieq. L-adulti għandhom l-għodod biex janalaizzaw
dak li ngħid, ma jaqblux miegħi u jikkonfrontawni. Iżda t-tfal x’aktarx jieħdu bħala vanġelu dak
kollu li jaqraw.
L-aspett soċjali huwa għal qalbi ħafna, iżda ma rridx aġendi
premeditati. Nippreferi li dan jidħol
ħelu ħelu bis-saħħa tal-plott u tal-kartattri.
10.
X’differenzi
jeżistu bejn il-kitba għat-tfal, dik għall-adolexxenti u dik għall-adulti?
Semmi xi eżempji mill-kotba tiegħek.
Bosta drabi,
id-differenza tkun aktar waħda teknika u stilistika milli tematika. Nemmen li għat-tfal tista’ titkellem fuq
kollox: fuq is-sess, ir-reliġjon,
ir-razziżmu, il-mewt, l-inġustizzja soċjali ... kollox. Il-ktiieb irid isib il-mod u l-istrateġiji
adattati kif jitkellem dwar dawn
it-temi. Naħseb li l-kitba
għall-adolexxenti hija l-aktar diffiċli.
Il-kittieb jeħtieġ li mhux biss jifhem id-dinja tagħhom, iżda wkoll
jitgħallem il-vokabularju tagħhom; vokabularju li jinbidel malajr. Din toffri sfida oħra lill-ktiieb, għax
vokabularju li llum ikun mill-aktar attwali u moda, wara ftit taż-żmien jista’
jibda jinħass qadim u antikwat u l-effett fuq il-qarrej ikun proprju l-maqlub
ta’ dak li jkun ħadem għalih il-kittieb.
Iż-żewġ kotba tiegħi Sfidi u Sħab, l-uniċi rakkonti li ktibthom
apposta għall-adolexxenti, kienu tnejn mill-aktar li sibt diffiċli,
11.
Xi tgħid dwar
il-ġeneru tal-poeżija? Naf li int għamilt mill-aħjar biex tqarribha aktar lejn
il-ġenerazzjonijiet iż-żgħar. Kif għamilt dan?
L-imħabba tiegħi
lejn il-letteratura bdiet proprju mill-poeżja; mill-kitbiet ta’ Ġananton
Vassallo u Dwardu Cachia li nannti kienet taf bl-amment. L-ewwel tentattivi tiegħi fil-kitba kienu
taqbiliet. Fi tfuliti niftakarni naqra
l-poeżiji ta’ Dun Karm, Pisani u Buttigieg u nieħu gost bihom bla ma nifhimhom;
nissaħħar wara l-ħoss tal-kelma, tar-ritmu u r-rima. Meta bdejt ngħallem il-Malti kont ninkedd
meta narani kostrett nagħti lit-tfal poeżija li ma nkitbitx għalihom; li mhumiex
mid-dinja tagħhom u li ħtija t’hekk x’aktar it-tfal se jitilgħu jobogħdu
l-poeżija. Meta mbagħad bdejt naqra dak
li kien qed jinkiteb lil hinn minn xtutna minn kittieb bħal Roger Mc Gough,
Michael Rose, Carol Ann Duffy, Colin Mc
Naughton u John Foster, bdejt ninduna kemm il-poeżija għat-tfal tista’ tkun
għajn ta’ divertiment. Bdejt nipprova
nikteb poeżiji ferrieħa u umoristiċi u nara dawn kif se jintlaqgħu mit-tfal. U l-feedback
li rċevejt kien veramnet inkoraġġanti.
It-tfal iriduha l-ooeżija u jħobbuha ... kemm-il darba jħossuha
tabilħaqq tagħhom.
12. X’inhu r-rwol tiegħek fi ħdan Il-Kunsill Nazzjonali
tal-Ktieb?
Jiena membru bħall-oħrajn kollha, u minkejja li jiena
viċi-president b’għandix xi xogħol aktar jew ogħla minn sħabi. Ħdimna kif stajtna fil-limitazzjonijiet kbar
li kellna. Ta’ min wieħed jagħmilha ċara
li l-Kunsill m’għandux vot speċifikament għalih; għandu biss vot apposta għall-Premju
Nazzjonali tal-Ktieb u vot ieħor għall-Fiera. L-inizjattivi l-oħra kollha li
mbarka fuqhom il-Kunsill (bħall-kampanja “Ħu ktieb miegħek ħdejn il-baħar” u
l-oħra “Aqra ktieb qabel torqod” irnexxielu jagħmilhom bis-saħħa tal-sponsors
li sab. Hekk ukoll nistgħu ngħidu għas-seminars
li orgaizzai u l-pubbikazzjonijiet li ħriġna.
Naf li hemm ħafna aktar x’jista’
jsir u ċertament qatt ma konna perfetti f’dak li għamilna; imma aħna grupp ta’
nies li naħdmu bil-qalb u b’ħafna entużjażmu.
13.
Kemm hu
importanti li awtur ikollu l-websajt tiegħu?
Illum ikollok timxi maż-żminijiet.
Ngħid għalija, is-sit elettroniku tiegħi nsibu komdu ħafna meta nircievi
talbiet mit-tfal għal għajnuna fil-proġetti li jkollhom. Mis-sit elettroniku tiegħi jkunu jistgħu
jsibu u jniżżlu l-informazzjoni kollha li jkunu jeħtieġu. Illum hemm ukoll il-facebook, it-twitter u
mezzi oħra simili li permezz tagħhom l-awtur ikun jista’ jsemma’ leħnu u
jippubbliċizza kitbietu. Dawn huma
kollha għodod li nagħmlu tajjeb nużawhom, għax il-poplu jeħtieġ jisma’ l-vuċi u
l-opinjoni tal-awtur, vuċi li bosta drabi tintradam fost l-għagħa tal-politiċi
u tal-midja.
No comments:
Post a Comment