Friday, December 28, 2012

IL-PITIRROSS


Għasfur mill-bejta ttajjar
jimraħ baxx baxx mirżuħ
ifittex loqma ikel
għaż-żgħar l'għandu bil-ġuħ.

Waqt li kien qed jittajjar
fuq l-għolja tal-kalvarju
l-għasfur straħ fuq il-għuda
maħsud ra x-xenarju.

Qalbu sewda nikkieta
ra nies iebsa madwaru
raġel mitluq għal mejjet
qegħdin jiġbduh minn xagħru.

Salbuh ma’ salib aħrax
imsiemer kbar f’idejh
mara tibki u tolfoq
mixħuta taħt riġlejh.

Mislub rasu baxxuta
mitluqa fuq spallejh
qalbu l-għasfur ingħafset
imbikkem resaq lejh.

Staqsieh kif jista’ jgħinu
għalxiex bi swat battewk
naħlef li qabel nitlaq
niġbidlek ftit mix-xewk.

Ma’ xewka twila ssielet
minfuda kienet hemm
ġibidha bit-tbatija
sidru ċappas bid-demm.

Ġesu` dawwar ftit wiċċu
sabiex irroddlu ħajr
u b’leħen miksur qallu
maltemp ġej, mur malajr.

Sider l-għasfur imxarrab
tad-demm kellu xi qtar
sellimlu qabel telaq
dlonk lejn il-bejta tar.

Lura wasal fil-bejta
iż-żgħar sabhom miblula
sidirhom kollu aħmar
bid-demm qaddis maħsula.

Iż-żgħar qallhom x’kien ġara
tassew ġrajja tal-waħx
għajnejh bid-dmugħ mimlija
ifisser ma jiflaħx.

Għat-tlieta beda jberraq
ta' ragħad qawwi l-ħoss
maħnuq 'l missier għajjat
żejjen lill-pitirross.

Mis-sema waqgħet dalma
lill-għasfur bgħatt tislija
ħniena wettaqt ma’ ibni
tebgħa nagħtik middija.       

Ramon Psaila


No comments: