Tuesday, November 20, 2012

ZEWG PUBBLIKAZZJONIJIET GODDA TA' PATRICK SAMMUT


All’attacco! ta’ Patrick Sammut (Faraxa Publishing, 2012, ISBN: 978-99957-0-335-6) huwa ktieb immirat għall-istudenti li qed jippreparaw għall-eżami tat-Taljan tal-Matrikola. L-għan huwa li jimmaturaw lingwistikament billi jaslu biex jifhmu u jiddekodifikaw it-test jew silta li tiġi ppreżentata lilhom. All’attacco! Jinqasam f’20 taqsima differenti; kull taqsima mbagħad tinqasam f’diversi partijiet: hemm is-silta introduttiva li tintrabat ma’ suġġett partikulari, l-eżerċizzji grammatikali, dawk basiċi u dawk aktar impenjativi, taqsimiet iddedikati għal-lessiku mela biex jgħinu lill-istudent jibni u jsaħħaħ il-vokabularju tiegħu, taqsima oħra ddedikata lit-Taljan idjomatiku, parti li tiddiskuti aspetti differenti tal-kultura Taljana (ġografija, politika, ċinema, gastronomija, problemi soċjali, mużika, letteratura)  u dan anki permezz ta’ numru mdaqqas ta’ stampi marbutin mas-suġetti msemmija -, taħriġ il-fehem, u fl-aħħar taqsima mmirata biex l-istudent jesprimi ruħu liberament dwar suġġetti differenti.

Strutturalment All’attacco! huwa organizzat b’tali mod li jqarreb lill-istudent tat-Taljan lejn il-karta tal-eżami tas-SEC. Huwa wkoll stedina biex dak li jkun ikompli jarrikkixxi l-għarfien tiegħu fis-suġġett permezz ta’ għajnuniet kemm minn kotba ta’ referenza partikolari, kif ukoll permezz ta’ siti internet.

All’attacco! huwa għodda siewja biex l-istudent tat-Taljan jaffaċċja b’suċċess l-eżami tat-Taljan fil-livell Ordinarju, Intermedju, u għaliex le, anki f’livell Avvanzat.



Tommy u s-sabiħ tal-qari u rakkonti oħra għat-tfal ta’ Patrick Sammut (Publikazzjoni Faraxa, 2012, ISBN: 978-99957-0-343-1), b’illustrazzjonijiet bil-kulur ta’ Salvina Louise Aquilina jiġbor fih 20 rakkont għat-tfal ta’ età bejn 9 u 11-il sena. Ir-rakkonti huma miktubin b’Malti sempliċi imma bi stil fejn jitħaddem ukoll u spiss il-Malti idjomatiku. Ir-rakkonti jispiraw ruħhom minn esperjenzi li t-tfal tal-lum jgħaddu minnhom, mill-ħolm tagħhom, anki minn programmi televiżivi jew cartoons partikolari. Bosta drabi niltaqgħu ma’ ħlejjaq mhux umani li jingħataw karatteristiċi umani, saħansitra l-kelma. F’ċerti waqtiet il-qarrej ta’ Tommy u s-sabiħ tal-qari jista’ jidħaq imma jista’ wkoll jibki. Dan huwa ktieb ideali li jista’ jingħata bħala rigal għall-Milied.

No comments: