(Kumment ta’ Patrick Sammut)
Il-21 ta’ Settembru jġib miegħu l-istaġun tal-Ħarifa. Huwa żmien ta’ transizzjoni, bejn l-istaġun jaħraq u niexef tas-Sajf u l-istaġun kiesaħ u li jġib ix-xita miegħu tax-Xitwa. Il-Ħarifa ġġib magħha l-ftuħ tas-sena akkademika u l-ewwel xita (Settembru) u anki x-xhur tar-Rużarju (Ottubru) u tal-Mejtin (Novembru). Bosta poeti għandhom għal qalbhom dan l-istaġun li bħal staġuni oħra jakkwista wkoll tifsiriet simboliċi, u lil xi wħud ifakkarhom f’waqtiet jew ħsus partikolari. Hawnhekk issibu erba' poeżiji ta’ erba' poeti differenti, kollha membri tal-Għaqda Poeti Maltin.
Lil Amanda Busuttil il-Ħarifa tfakkarha fi ħlejjaq ċkejknin bħalma huma l-bebbux li joħroġ jirgħa wara kull ħalba xita. Xi drabi aħna l-bnedmin ngħaddu minn fuqu bla ma nindunaw jew bla ma nagħtu kas li nkunu qridna ħlejqa ċkejkna. Anki l-bebbuxu jħalli marka warajh bla ma nindunaw. Il-poetessa tqabblu ma’ pittur ċkejken.
Għal Carmel G. Cauchi l-Ħarifa tintrabat ma’ dak iż-żmien fil-ħajja tal-bniedem meta dan tal-aħħar ma jibqax żagħżugħ u mimli enerġija. Fih jibqgħu biss it-tifkiriet tar-rebbiegħa/żgħożija. Il-Ħarifa għalhekk hija l-istaġun li jfakkar lill-poeta li t-tmiem tal-ħajja qed joqrob dejjem iktar. Imma, ma ninsewx li anki dan huwa parti mill-ħajja!
Fuq in-naħa l-oħra, għal Charles Mifsud il-Ħarifa ġġib magħha dik iż-żiffa li ilu tant jistenna u tnissel ċertu ferħ fih mal-wasla tagħha. Il-Ħarifa jorbotha ma’ żewġ siġar tipiċi fil-gżejjer tagħna: id-dielja, li tintrabat mas-sajf li għadda (mela ħarsa lura fiż-żmien); u l-punzjetta, li bħal tfakkar li l-istaġun tal-Milied qed joqrob (mela ħarsa ’l quddiem fiż-żmien).
Anki Raymond Grech jiftakar fi ħlejqa ċkejkna li tpassi fuq il-gżejjer tagħna mal-miġja tal-Ħarifa. Dan huwa l-pitirross li jfakkru wkoll fit-tfulija tiegħu. Il-poeta jidentifika ruħu mal-pitirross għax it-tnejn iwasslu t-tama lil min tilef il-ħelsien.
L-EWWEL XITA TAL-BEBBUX
Art xotta, mitluqa
titgħewweb bil-għatx
tas-sajf tas-sulfarini
bil-foga u sħanat.
Wasal Settembru.
Kulħadd jistenna.
Min bil-biza’
li ser negħrqu.
Fi triqtu bebbuxu
ltaqa’ mal-baħar
u dan kien proprju
qtar tax-xita li nġabar!
Mar jgħid lil sħabu
biex jagħmlu festa
jiżfnu bil-weraq
bil-mappa lesta.
Bdew triqithom
lejn dinja ta’ ħdura
li fil-bitħa tagħna
jpinġulna pittura!
Kull fejn jgħaddi bebbuxu
jibqa’ marka,
il-bniedem jibqa’ għaddej
bla jħares u jġibu farka...
U ara taħseb li saret traġedja
ħlief li jgħid li ħammeġ
qiegħ iż-żarbun.
Bebbuxu ċkejken
ibża’ min-nies
agħdirhom ftit,
dawna nies bla qies!
Amanda Busuttil
11.09.2011
STAĠUNI
Ilbieraħ,
f’jum bnazzi tar-rebbiegħa,
imxejt tul in-nixxiegħa
fuq twapet tal-ħaxix
iħaddru mal-pjanura.
Illum
it-twapet tilfu l-ħdura,
mhumiex ħlief tiben niexef
itir ma’ kull buffura.
Xtaqt kieku lejn ilbieraħ
illum interraq lura…
‘Mma nixfet in-nixxiegħa
u dabet ir-rebbiegħa
u s-sajf ġa fl-aħħar siegħa.
U triqti lejn ilbieraħ
ma sibtha xejn ħafifa
… għax qorbot il-ħarifa.
Carmel G. Cauchi
RIESQA Ż-ŻIFFA TAL-ĦARIFA
Tinħass riesqa ħafifa
iż-żiffa tal-Ħarifa!
Qed titliegħeb mal-weraq tal-punzjetta,
li issa għoliet ġmielha
u qiegħda tissindika
fil-btieħi tal-ġirien.
Qiegħda tnaqqar il-weraq mid-dielja,
li issa mingħajr l-għenba,
kważi tilfet sbuħitha,
għax qiegħda titgħarwen.
Qed inħossha mit-tieqa ta’ kamarti,
riesqa lejja,
titbewwes ma’ ħaddejja,
tixtieq tkebbibni fiha,
toftomni mill-ħedla
li mtaqqal biha.
Sa fl-aħħar,
għax kien ili nistenniha,
tinħass riesqa ħafifa,
iż-żiffa tal-Ħarifa,
u jien ninsab kuntent,
nithenna biha.
Charles Mifsud
IL-PITIRROSS
Ħabt' Ottubru fil-ħarifa
lejn Novembru f’San Martin;
wara wkoll ix-xita traxxax
fuq il-ħdura w l-peprin.
Wisq għasafar Malta jpassu
kenn mill-hemm u għall-irdoss.
Psiepes, Bċieċeq u ta’ l-Għana,
magħhom jigi l-Pitirross.
Sidru aħmar, wieqaf, wieqaf,
jgħanni jtektek kullimkien,
jikkapparra post fl-imsaġar,
fuq l-għoljiet u fil-widien.
Postu jieħu qalb ħarruba
jew xi siġra tar-rummien,
ħadd ma jersaq lejn għamajru
għax jiġġieled daqs qalbien.
Tfajjel ċkejken kont nonsoblu
sabiex naqbdu bit-trabokk,
ġieli qbadtu ġieli ħarab
minn ġox-xibka għal fuq zokk.
Kelli tapp tal-luminata
b’musmar iebes ta’ l-azzar,
kont norbothom b’lastku safra
intektiklu qalb iż-żahar.
Kelli wkoll żewġ soldi lesti
inrikkibhom fuq xulxin,
b’subgħa wieħed w imbagħad bl-ieħor
inċekċiklu fl-istess hin.
Kien jismagħni w jweġibni
jiġi ħdejja jaqbeż tnejn,
jagħmel mixja jerġa’ jaqbeż
jara l-ħsejjes ġejjin mnejn.
Jekk jintebaħ dlonk bill-mansab
jerġa’ jitlaq lejn fejn kien,
jibqa’ jgħasses, jibqa’ jżebbeġ,
waqt li jgħanni ġewwa l-ġnien.
Hekk irridu jibqa’ jgħanni
jimla ’l artna bis-serħan.
Kemm fl-għelieqi w fil-kampanja
ħieles jiġri jtir ferħan.
Jiena bħalu nibqa' ngħanni
kemm bil-maħżeż u l-ilsien.
Flimkien ngħannu nwasslu t-tama
lil min tilef il-ħelsien.
Raymond Grech
No comments:
Post a Comment