Tuesday, December 14, 2010

L-Għaqda Poeti Maltin waqt LEJLA TA’ POEŻIJA u MUŻIKA f'Ħal Tarxien

Bħalma jsir kull sena fix-xahar ta’ Diċembru nhar it-13 ta' Diċembru 2010 l-Għaqda Poeti Maltin ġiet mistiedna mill-Għaqda Mużikali "Marija Annunzjata" ta' Ħal Tarxien biex flimkien itellgħu Lejla ta' Poeżija u Mużika dwar il-Milied.


Membri tal-Għaqda qraw numru ta' poeżiji bit-tema Il-Milied jew Ix-Xitwa filwaqt li l-allievi tal-Banda "Marija Annunzjata" daqqew għadd sabiħ ta’ innijiet marbutin mal-Milied. It-taqsima mużikali tmexxiet mis-surmast direttur tal-banda, Mro Victor Vella; Charles Magro, Segretarju tal-Għ.P.M., ħa ħsieb il-koordinament tal-parti poetika.

F'kelmtejn fil-bidu tas-Serata, il-President tal-Għ.P.M., Alfred Massa, spjega kemm l-Għaqda tieħu gost tipparteċipa f'Lejliet simili għax dawn barra milli jagħtu opporunita' lill-membri jaqraw xogħlijiethom iwasslu s-sbuħija tal-poeżija lill-pubbliku inġenerali. Massa qal li l-Għaqda Poeti Maltin qiegħda tagħmel mill-aħjar biex tressaq aktar nies lejn il-poeżija, imma hemm bżonn li għaqdiet oħra joffru opporunitajiet billi jistiednu poeti jitkellmu dwar is-siwi ta' din l-arti sublimi. Il-President ilmenta min-nuqqas ta' attivitajiet li jsiru f'pajjiżna b'riżq il-poeżija u ttama li mis-sena l-ġdida dawn jiżdiedu. Il-viċi-President tal-Għ.P.M., Patrick Sammut, għamel taħdita qasira dwar it-tema “Il-Milied fil-Poeżija Maltija” (ara ritratt).

L-aħħar diskors sar mill-President tal-Għaqda Mużikali "Marija Annunzjata", Victor Seguna, li rringrazzja lill-Għ.P.M. għas-sehem li tat u lil dawk li attendew għas-Serata. Qal ukoll li kienet opportunmita' fejn wieħed seta' jara kemm il-mużika u l-poeżija jmorru tajjeb flimkien. Wara stieden lil dawn preżenti għal bibita.

No comments: