Wednesday, December 15, 2010

Kittieb Malti mogħti l-Premju għall-Ambjent fl-Italja.

Il-kittieb Malti Paul P. Borg għadu kif ngħata l-Premio Gianfranco Merli per l’Ambiente mill-Assoċjazzjoni nazzjonali Taljana għall-protezzjoni tal-ambjent, il-Movimento Azzurro. Il-premju jingħata kull sena lil għaqdiet jew individwi li jiddistingwu rwieħhom bix-xogħol tagħhom biex jipproteġu l-ambjent u l-wirt nazzjonali kemm naturali kif ukoll kulturali.


Borg ġie rikonoxxut għall-ħidma tiegħu b’risq il-konservazzjoni u d-difiża tal-ġmiel naturali tal-ambjent tal-gżejjer Maltin. L-awtur Malti ġie wkoll imfaħħar għax-xogħol etnografiku tiegħu biex ma jintilfux u ma jintesewx snajja’ qodma u tradizzjonijiet popolari li jagħtu identità lill-Maltin. Ġie wkoll individwat l-aħħar xogħol ta’ riċerka li wettaq Borg ippubblikat fil-ktieb Quest for Identity – the mellieħa experience maħruġ mill-Kunsill Lokali tal-Mellieħa f’Settembru li għadda.

Iċ-ċerimonja tal-għoti tal-premjijiet saret waqt ċerimonja fis-sala tal-konferenzi tal-Kamra tad-Deputati, f’Ruma nhar il-Ħamis 9 ta’ Diċembru waqt Convegno Internazionale Sulle Acque organizzat mill-Movimento Azzurro u mill-Ministeru tal-Ambjent tal-Art u tal-Baħar tal-Gvern Taljan.



RITRATTI:

Prof. Gianfranco Barbagallo kap tal-Ufficio Leislattivo e Legali tal-Movimento Azzurro, jagħti l-Premju lil Paul P. Borg.

Paul P. Borg mas-Senatrici Prof.ssa M. Moltisanti, Presidente Comitato dei Garanti u mal-Prof. Corrado Monaca President nazzjonali tal-Movimento Azzurro.

No comments: