Sunday, January 03, 2010

Intervistat Alfred Palma

Memories of Recurrent Echoes (Alte Vestiga ta’ Anton Sammut) u Alfred Palma traduttur.

1. Inti ttraduċejt xogħlijiet ta’ kittieba llum mejtin u li għexu ’l bogħod minna temporalment. Għandi f’moħħi lil Dante, Shakespeare u Oscar Wilde. Huma wkoll kittieba barranin li kitbu f’ilsna oħra, mhux il-Malti. Issa għandna xogħol ta’ awtur Malti li għadu ħaj, miktub illum u bil-Malti, li inti qlibt għall-Ingliż. Xi tgħid dwar dan kollu?


L-awturi li semmejt, kollha kbar u ta’ fama mondjali, jien qlibt xogħolhom minn Ilsienhom g]all-Malti. Fil-każ ta’ Alte Vestiga, ippubblikat oriġinarjament bil-Malti, ħdimt mill-Malti għall-Ingliż. Dan għal raġuni sempliċi: meta qarjt din in-novella sabiħa u kolossali, innamrajt minnha. U kif, għidtlek drabi oħra, meta xi xogħol letterarju jogħġobni, insir inħobbu sinċerament.

2. Kif beda l-kuntatt tiegħek ma’ Anton Sammut jew viċi-versa?


Jum minnhom, Anton ċempilli u għarrafni li kien ippubblika novella massiċċa bil-Malti, li kien semma Alte Vestiga (kliem Grieg ghal “Fittex fil-Fond” ). Iżda sa dakinhar ma kontx għadni nafu. Qbadna taħdita twila, li minnha ntbaħt li għad Ii Anton kien żagħżugħ u, bħali, qatt ma kien rifes ebda universita’, iżda kellu fih baħar impressjonanti ta’ għerf u kultura, li għaġġibni. U meta qalli li xtaq jaqleb ix-xogħol tiegħu bl-Ingliż, għall-ewwel sinċerament, ma kontx se naċċetta minħabba impenji oħra. Il-ktieb kien voluminuż, fuq l-erba’ mitt faċċata…Iżda meta ftit jiem wara ltqajna u għaddieli kopja, u bdejt naqra, tant ix-xogħol għoġobni u saħħarni, li qtajtha li naċċetta li naqlibhulu.

3. Għaliex it-titlu Memories of Recurrent Echoes fil-verżjoni bl-Ingliż? Ladarba toħroġ traduzzjoni ta’ xogħol oriġinali, it-traduzzjoni tibqa’ tal-awtur innifsu jew issir xogħol ġdid mill-pinna tat-traduttur? Xi tgħid dwar dan?


It-titlu Memories of Recurrent Echoes kien ghażla ta’ l-awtur, mhux tiegħi. Dwar it-titlu għamilt is-suġġerimenti tiegħi u ħallejt f’idejn Anton. Ħaġa loġika li kull traduzzjoni ta’ kwalunkwe xogħol issir xogħol ġdid, li naturalment, ifakkar f’dak oriġinal u jippermetti l-konfront bejn l-oriġinal u t-traduzzjoni, l-aktar fejn tidħol sengħa letterarja u fedelta`.

4. Huwa ironiku li fl-Università ta’ Malta l-kors fit-traduzzjoni ilu għaddej għal xi snin issa, imma Alfred Palma għadu qatt ma ġie mistieden jipparteċipa fih? Huwa minnu dan u kif tirreaġixxi għal dan?


U jien ngħidlek li Alfred Palma QATT ma se jiġi mistieden biex jipparteżipa fil-kors tat-traduzzjoni mniedi mill-Università ta’ Malta . Ma tarax! Palma m’għandux it-timbru akkademiku ta’ traduttur, u l-arti tat-traduzzjoni jgħallmuhielek (!) fl-Università BISS u mhux titwieled miegħek (!). Madankollu nassigurak li ma qed ninkedd xejn ghal dan l-aġir. Issa l-Università drat tinjorani u jien ninjora lilha, u naħseb li hekk sejrin tajjeb!

5. Inti tiddeskrivi lilek innifsek bħala awtodidatta. M’għandekx kwalifiki universitarji u lanqas titli akkademiċi wara ismek. Minkejja dan urejt sa fejn tasal il-ħakma tiegħek fuq ilsna bħall-Malti, it-Taljan, l-Ingliż u l-Franċiż. Kif tirreaġixxi għal dan? X’hemm wara dan kollu, anki f’termini ta’ sagrifiċċji, enerġija, dedikazzjoni u l-bqija?


Iva, jien awtodidatta; u nemmen li kwalunkwe forma ta’ arti titwieled miegħek. Minnu, bit-tagħlim, ukoll Universitarju, it-talent li jkollok jista’ jibbenefika teknikament, iżda xorta waħda jibqa’ l-fatt li ċerta oriġinalità inerenti f’kull artist tiddgħajjef u titlef mill-oriġinalità meta tiġi soġġetta għal ideat ta’ oħrajn, li dawn ikunu wirtu wkoll minn għand ta’ qabilhom. Nerġa’ ngħidlek, l-ebda Univesità ma tagħmel artist. In-natura tagħmlu oriġinal; it-tagħlim iġagħlu jibni fuq ħaddieħor. Għaldaqstant ma nħossni inferjuri xejn minħabba l-fatt li jien awtodittata. Għallinqas inħoss li jien oriġinali! Wara dan hemm is-sagrifiċċji, sagrifiċċji kbar u tbatija fiżika u mentali; hemm il-fatt li ghax ma jkollokx ittri wara ismek titwarrab u titqies biss dilettant, u tiġi diskriminat vilment, kif ġejt (u għadni) diskriminat jien.

6. X’ifissru għalik rikonoxximenti bħalma huma l-Lauro Dantesco li ngħatajt f’Ravenna fl-2008, u issa l-Medalja għall-Qadi tar-Repubblika (2009)?


Il-Lauro Dantesco għalija kien l-ewwel katarsi kbira li taffietli l-morr li doqt hawn Malta; meta f’Ravenna, fl-Italja, is-sena l-oħra (2008), ġie rikonoxxut dak li għamilt kemm g]all-Ilsien Taljan u kemm għal dak Malti, meta qlibt f’Ilsienna id-Divina Commedia ta’ Dante. F’Malta, minħabba r-raġunijiet li semmejtlek hawn fuq, u ħajr għal doża qawwija ta’ għira, dan ix-xogħol baqa’ jingħata l-ġenb u ftit li xejn importanza. Qisu ma sar xejn. Il-Lauro Dantesco wera mod ieħor. Il-Medalja għall-Qadi ghar-Repubblika, li ngħatajt ftit ilu, wara snin twal li kont ili li ġejt rikmandat minn Kunsilli, Għaqdiet u nies serji u ta’ l-affari tagħhom, kienet ukoll katarsi għalija għax, saflaħħar, xi forma ta’ rikonoxximent minn pajjiżi waslet ukoll!

7. Kif jgħaddi l-jum tiegħu Alfred Palma?


Il-jiem tiegħi ivarjaw skond xi jkolli nagħmel. Kif inqum kolazzjon ħafif u nara x’neħtie[ id-dar, barra jew ġewwa. Imbagħad sagħtejn kitba, xi kritika letterarja u x’naf jien. Pranzu ħafif u aktar xogħol ta’ kitba jew qari. Imbagħad sagħtejn pjanu, mixja twila, ikla oħra ħafifa u aktar kitba. Xi nofs il-lejl naqbad ktieb u malajr insib ruħi fi ħdan Morfew. Xi drabi nvarja b’xogħol fil-ġnien, jew xogħol ta’ handyman f’dari stess…tibjid, żebgħa eċċ. u daqqiet nintefa’ npinġi Naturalment ikun hemm dik l-attività soċjail li tinqala’ minn żmien għal żmien, kif ukoll parteċipazzjoni bħala membru f’diversi kumitati jew għaqdiet, kif ukoll f’Radju Hompesch, ir-radju tal-komunità Żabbarija.

8. Xi tgħid dwar kwistjonijiet bħalma huma ċ-ċensura fuq naħa, u dik li xi wħud iqisu bħala psewdo-letteratura li qed tfaqqas dan l-aħħar fil-qasam lokali? Fuq naħa l-bniedem huwa liberu li jesprimi dak kollu li jixtieq, imma fuq l-oħra huwa żbaljat li tingħata l-etiketta ta’ letteratura anki lil kitbiet li ma joqorbu lanqas ftit lejha, u saħansitra jiġu ppremjati bl-ogħla rikonoxximenti lokali. Kif tirreaġixxi għal dan?


Dwar iċ-ċensura kemm-il darba esprimejt ruħi. Jien kontra ċ-ċensura fil-prinċipju, għax nemmen li bniedem adult u matur għandu d-dritt sagrosant għall-għażla ta’ x’jagħmel, x’jara u x’jaqra. Iżda hawn jidħol punt delikat. Min hu tabilħaqq matur? X’juri li bniedem hu matur? L-ammont ta’ snin ma jindikax kemm int adult! B’hekk, l-aħjar li wieħed jista’ jagħmel hu li javża lil dak li jkun dwar dak kollu li jista’ jagħmillu ħsara, fiżika, mentali, morali u spiritwali; imbagħad iħalli f’idejh dwar awto-ċensura. Għax l-impożizzjoni fuq il-libertà hija kontro-produttiva, u taf tkun distruttiva! Dwar il-psewdo-letteratura li qiegħda toħoġ daż-żmien, inħoss sinċerament li qed tiżżeffen fin-nofs iċ-ċensura biex is-sensazzjonaliżmu (li għandu l-benefiċċji finanzjarji tiegħu) jagħmel impatt akbar. Letteratura li toffendi għandha tiġi pubblikata b’riservi kbar, b’rispett lejn id-dinjità, lejn is-sentimenti tal-qarrej. Imbagħad sta għal dan li jwarrab jew jeżalta dan it-tip ta’ letteratura li, kif ġa għidt, fl-aħħar mill-aħħar għandha biss għan wieħed: sensazzjonaliżmu rħis li bih wieħed jikseb notorjetà u jdawwar lira tajba!


9. Kif tirreaġixxi jekk ngħidlek li mhux veru hawn Malta jaħkmu fuq kollox iċ-ċrieki tal-ħbieb, anki fejn jidħlu “kritiċi”, ġurija ta’ konkorsi, ġurnalisti, pubblikaturi, u l-bqija?

Jekk tgħidli li hawn Malta ma jeżistux klikek jew ċrieki tal-ħbieb naħseb li tkun trid tiċċajta. Kemm jien u kemm int nafu, bħal ma jaf kulħadd, li hawn Malta bosta nies, f’kull fergħa u f’kull qasam tal-ħajja u ta’ l-arti, isibu xortihom ħajr għal ħbieb influwenti li jdaħħluhom fiċ-ċirku tagħhom biex minn ġo fih igawdu isem, fama u flus. Min, għal xi raġuni jew oħra, ikun barra minn dawn iċ-ċrieki ikollu jibqa’ jċejjaq u jaqta’ bi snienu, u jikkonsla bil-frak li jaqa’ minn fuq il-mejda. U dan hu partikolarment flagranti fejn jidħlu kritika,ħatriet, konkorsi, pubblikazzjonijiet u l-bqija.


Patrick Sammut

No comments: