Kemm domt għalliem u anke meta kont librar kien ikun hemm ħafna tgergir mill-istudenti tas-Sekondarja li ftit kien hemm kotba bil-Malti għalihom. U kellhom raġun. Għalhekk meta 12-il sena ilu spiċċajt minn għalliem u ħriġt bil-pensjoni ddeċidejt li nibda nikteb speċifikament għaż-żgħażagħ. Mill-kuntatti li jkolli meta nkun mistieden biex nitkellem fl-iskejjel nara li l-kotba tiegħi qed jinqraw minn numru mhux kbir ta’ studenti. Għad hemm nuqqas ta’ interess u mpenn fil-qari tal-kotba bil-Malti mill-istudenti kbar. Min jieħu ħsieb il-kurrikulu tal-iskola għandu jisħaqq bil-kbir biex iħajjarhom jaqraw kemm bl-Ingliż kif ukoll bil-Malti.
2. Semmi xi xogħlijiet tiegħek li huma l-aktar għal qalbek. Għaliex?
L-iktar ktieb li ħareġ minn qalbi u li kien hemm bżonnu kien Il-Misteru tar-Rotunda (2003) li jittratta dwar l-esperjenzi tal-aħħar gwerra. Dan huwa l-ewwel ktieb dwar dan is-suġġett li qatt inkiteb għat-tfal u ż-żgħażagħ. Iltqajt ma’ kbar li qaluli kemm ħadu gost jaqrawh għax ftit li xejn kienu jafu dwar minn xiex għaddejna fl-aħħar gwerra. Kollu Tort tan-Nannu (2001) jista’ jissejjaħ awtobijografiku għax fih espriment il-beżgħat tiegħi. Il-Misteru tar-Razzett ta’ Xindi (2002) għal qalbi wkoll għax fih l-istorja tal-qlubija tal-Maltin fi żmien il-Franċiżi. L-aħħar ktieb tiegħi, Aħwa bla ma Jafu (2009), naħseb li fih l-aħjar storja li qatt ktibt s’issa.
3. Taqbel li l-kitba kreattiva għandha wkoll tkun impenjattiva, fis-sens li tistiednek tirrifletti dwar bosta ħwejjeġ importanti, mhux biss divertenti? Kif tirrikonċilja dan mal-kitba għaż-żgħażagħ?
Il-kitba tiegħi hija dejjem impenjattiva għax kważi dejjem mibnija fuq l-istorja, speċjalment ta’ Malta. U biex tikteb fuq l-istorja trid tagħmel ir-riċerka meħtieġa. B’hekk jien inkun qed ngħallem liż-żgħażagħ b’mod indirett dwar perjodi tal-istorja ta’ Malta għax nemmen fis-sħiħ dak li jgħid l-istoriku Grieg Thucydides li l-istorja hija filosofija mgħallma fuq l-eżempji.
4. X’taħseb dwar l-importanza tal-Istorja f’rabta mal-kuntest attwali ta’ Malta fl-Ewropa, imma anki f’rabta mad-dħul f’pajjiżna tal-immigranti irregolari mill-Afrika ta’ Fuq? Qatt ktibt dwar dan fix-xogħlijiet tiegħek?
Biex nerġa’ nikkwota, u din id-darba b’mod iktar adatt u opportun, darba l-poeta Ingliż Stephen Spender qal li l-istorja hija vapur li jġorr memorji ħajjin lejn il-ġejjieni. Aħwa bla ma Jafu huwa mibni fuq is-suġġett tal-miżerja tal-iskjavi Afrikani fi żmien l-Ordni ta’ San Ġwann. L-istorja reġgħet qed tirrepeti ruħha llum bi ftit differenzi. Lest għall-pubblikazzjoni għandi manuskritt jismu Il-Lewn tal-Ġilda li jitkellem eżatt dwar dan il-fenominu u dwar ir-razziżmu modern. Nispera li nsib min jippubblikahuli.
5. Kemm huma importanti l-kuntatti ma’ kittieba barranin għal min jikteb? Kif u kemm għenuk l-esperjenzi li kellek barra minn Malta fil-kitbiet u fix-xogħol kreattiv tiegħek?
L-ikbar kuntatti li għandi ma’ kittieba barranin huma permezz tal-qari tal-kotba tagħhom. L-esperjenzi li kelli f’ħajti matul il-ħafna snin li qattajt barra swewli biex ħloqt ambjenti differenti fil-kotba tiegħi. Ħafna mill-avventuri f’dawn il-kotba ġraw fil-verità. Naturalment ma jistax jonqos li l-immaġinazzjoni jkollha fejn timraħ biex tkompli żżejjen l-istorja.
6. Il-kuntatt tiegħek mal-iskejjel. Xi tgħid dwar dan? X’jista’ jinbidel għall-aħjar f’dan il-qasam?
Jiena spiss inkun mistieden biex nitkellem dwar il-kotba tiegħi u dwar l-imħabba tal-Malti mal-istudenti fi skejjel differenti. Dawn huma okkażjonijiet ta’ fejda li jtejbu u jkabbru l-esperjenzi tal-istudenti. Mill-mistoqsijiet li jsaqsu tara kemm hemm min hu ħerqan li jitgħallem u anke li jibda jikteb. Nisħaq li dawn il-kuntatti mal-awturi m’għandhomx ikunu biss ta’ darba fis-sena. Jiena għadni niftakar tajjeb il-laqgħat li fl-iskola kien ikollna ma’ nies bħal Erin Serracino Inglott, Dun Frans Camilleri u Ġużè Aquilina.
7. Aħwa bla ma jafu huwa l-50 ktieb tiegħek. X’sodisfazzjon jagħtik dan kollu u xi proġetti għandek għall-futur qrib?
L-ikbar sodisfazzjon tiegħi hu li niltaqa’ ma’ tfal u anke ma’ kbar li jgħiduli li ħadu pjaċir jaqraw xi kotba minn tiegħi. Sodisfazzjon ieħor hu li nsib pubblikaturi lesti li joħorġu l-kotba tiegħi, anke jekk kultant jaqlugħlek qalbek sakemm il-ktieb jitfaċċa fuq l-ixkafef. Fil-preżent għandi tliet kotba għand pubblikaturi differenti u fil-kompjuter hemm jistennew erba’ kotba oħra. U bħalissa qed naħdem fuq storja oħra mibnija fuq perjodu traġiku fl-istorja ta’ Malta.
8. L-esperjenza tiegħek fil-qasam tar-radju u tat-televiżjoni. Xi tgħid dwar dan? F’liema qasam kellek l-akbar soddisfazzjon: tagħlim, kitba, televiżjoni jew radju? Għaliex?
Kien żmien sabiħ u interessanti li 35 sena ilu wassalni biex nibda nikteb. Għall-ewwel xogħli kien li nipprepara skripts għall-programmi tal-iskejjel fuq it-TV u r-radju, imbagħad bdejt nikteb u nippreżenta r-radjudrammi tiegħi stess u anke kelli għadd ta’ programmi tiegħi. F’kull qasam sibt sodisfazzjon kbir għax għalija l-erbgħa li huma huma marbutin flimkien. L-għalliem jibqa’ dejjem għalliem, għalkemm fil-kitba nipprova nkun iktar sottili ħalli ma ndejjaqx lill-qarrej.
9. Il-kittieb jixtieq ir-rispett min-naħa tal-poplu. Imma qabelxejn dar-rispett għandu jiġi mill-istess kittieba kollegi tiegħu. Kif tirreaġixxi għal dan?
Inħoss li aħna l-kittieba għandna rispett kbir lejn xulxin għax nafu minn xiex irridu ngħaddu biex jirnexxielna naslu li niktbu u noħorġu ktieb. Jiena nixtieq nara iktar rispett u stima minn ċerti pubblikaturi li mhux dejjem jifhmuna jew jgħinuna biżżejjed f’dan l-mestier. Irridu għajnuna wkoll mill-awtoritajiet kompetenti li jxerrdu l-kitba tagħna kull fejn hemm il-Maltin, b’mod speċjali f’artijiet imbiegħda bħall-Awstralja fejn hemm għatx kbir għal dak kollu li huwa Malti.
No comments:
Post a Comment