1 Salv Sammut u s-safar. Din kienet għażla volontarja jew seħħet minħabba raġunijiet ta’ xogħol? Żgur li ma kinitx għażla volontarja tiegħi fis-sens li mhux jien li tlabt minn jeddi biex insiefer iżda minħabba li kont nokkupa kariga ta’ Presidenti ridt bilfors nirrappreżenta lill-GWU l-aktar f’dawk li huma Kungressi ta’ Trade Unions barranin. Minbarra dan, minħabba wkoll li jien kont inkarigat u membru fil-Bord ta’ l-Awtorita` ta’ Malta fil-qasam tas-Saħħa u s-Sigurta` fuq il-Post tax-Xogħol bilfors ridt li nattendi Seminars, Konferenzi u attivitajiet oħra Ewropej. Ġara li l-fatt li kont ili nattendi dawn il-laqgħat u għalhekk rabbejt ħbiberija ma’ kollegi Ewropej oħra kif ukoll ma’ l-Organizzaturi stess sibt ruħi wkoll f’Kumitati oħra li jiltaqgħu ta’ sikwit f’diversi bliet ta’ l-Ewropa.
2 Salv Sammut, is-safar u l-poeżija. Liema ġie l-ewwel, is-safar jew il-poeżija?
Ovvjament – il-Poeżija. Ili nikteb sa mis-sena 1964 waqt li s-safar beda lejn il-bidu tas-sena 2000 meta kienu qed isiru t-tħejjijiet biex Malta tissieħeb fl-Unjoni Ewropea.
3 Min jaqra l-ġabra tiegħek jara wkoll bniedem li jħobb jitħallat ma’ folol, kulturi u popolazzjonijiet differenti imma fl-istess ħin ifittex il-ġenb (“il-pellegrin li jterraq waħdu”) biex ikollu wkoll ħin biex jirrifletti u jikteb. Xi tgħid dwar dan?
Huwa kollu minnu li għalkemm inkun mal-kotra u xi drabi wkoll ma’ ħbieb jew kollegi kemm f’laqgħat u kemm f’xi riċeviment, xorta waħda jiġi ħin fejn jien inħossni “barrani”, waħdi, mitluf qalb dik il-ħamba kollha. Dan nemmen li huwa riżultat li minħabba li jien kont l-iżgħar wieħed fost sitt aħwa li erbgħa minnhom mietu ta’ eta` ċkejkna u minħabba li jien minn eta` bikrija ħafna kont dejjem niftakar lil missieru barra mid-dar minħabba mard fit-tul u l-qagħda ekonomika ftit jew wisq ma setgħetx tkun dik mixtieqa bħal ta’ tfal oħra u kelli bilfors nagħraf li mhux kollox seta’ jinxtara jew jingħata lili, bħal donnu nissel fija realta` tas-sitwazzjoni ħin qabel il-waqt u ħarba ġewwenija individwalista jew psikologika li minn wara d-dinja protettiva tiegħi jien inħares u nosserva dak kollu li jkun qed iseħħ madwari. Kont nirrealizza li minn kmieni fit-tfulija tiegħi kien jinħtieġli li nkun raġel qabel biss qatt kont żagħżugħ. Tgħallimt nifli dak kollu li jseħħ madwari u nweġġa’ meta nara l-inġustizzja soċjali għalkemm xi drabi jkun jinħtieġ li twebbes xi ftit qalbek għax ma tkunx taf fis-sewwa jekk dik l-inġustizzja hijiex reali jew hix imposta għal ta’ l-apposta biex tqajjem il-ħniena mingħand dak li jkun għaddej u b’hekk tkun qed tfisser aktar bħala dħul finanzjarju bħalma ngħidu aħna dawk it-tallaba fil-kantunieri li lili daqshekk iqanqluni. Tassew li kollha huma daqshekk fqar?
4 Il-versi tiegħek għandhom kemm mill-poeżija kif ukoll mir-riflessjoni! Liema minn dawn iż-żewġ aspetti tpoġġi fl-ewwel post?
Ix-xewqa tiegħi minn dejjem kienet li l-poeżija għandha tieħu l-ewwel post fil-ħsieb u l-għan aħħari għax jekk ma jkunx hemm poeżija, il-ħsieb jew it-tqanqila jkunu biss prożajċi. Madankollu, bilfors li qabel nibda nħażżeż il-vrus tal-poeżija rrid nirrifletti fuq dak li se nikteb u l-mod li bih se nikteb. Jiġifieri nipprova nikteb b’lingwaġġ poetiku u li jinftiehem minn kulħadd iżda differenti mil-lingwaġġ ta’ kuljum. Għalhekk inħoss li ż-żewġ aspetti huma t-tnejn indaqs għalija għax waħda mingħajr l-oħra mhuma xejn.
5 Inti wkoll il-poeta li titfa’ dawl fuq l-imċerċer, l-inġustizzja, il-problemi soċjali, l-adultera, il-ħaddiem, it-tfajjel jittallab il-karita`. U dan f’kuntrast ma’ aspetti oħra li tirrekordja fil-versi tiegħek bħall-Ewropa kożmopolitana tal-boulevards, tal-Cruise Liners, tad-Dolce Gabbana, tal-Palazzi, tal-Moulen Rouge, l-iSkycrapers u l-bqija. Liema Ewropa hija l-iktar awtentika għal Salv Sammut u liema waħda minnhom tħalli l-ikbar marka fuqek.
Jiena tabilħaqq nemmen li l-Ewropa hija l-iktar u l-ikbar ċivilta` fid-dinja politika, kulturali, artistika u intellettwalista. Kieku ma kinitx l-Ewropa, ma kienx ikun hemm it-tixrid ta’ kulturi oħra f’pajjiżi barra mill-Ewropa li ġew influwenzati mill-kolonjalisti Ewropej fis-sekli mgħoddija. Minħabba l-Imperi u l-Monarkiji li nbnew u nħolqu matul is-sekli, bilfors li l-Bliet Ewropej fil-bini ta’ Palazzi, boulevards iwarrdu u toroq u pjazez kbar u wesgħin bdew igawdu minn arkitettura u mod ta’ ħajja li jgħolluhom ’il fuq fil-valur u l-istima minn Bliet oħra li mhumiex Ewropej.
B’danakollu, bħalma jiġri dejjem fil-ħajja, dak li huwa b’saħħtu xi drabi jinsa lil dak inqas b’saħħtu. Min huwa komdu ftit jirrifletti f’dak li huwa nieqes mill-ħtiġiet bażiċi. Dak li huwa medhi bil-bosta bil-ħidma individwali tiegħu ma jirrealizzax li hemm min m’għandux fejn isib jaqla’ l-għixien tiegħu ta’ kuljum jew saqaf fuq rasu u għaldaqstant, dan ta’ l-aħħar jisfa mwarrab, emarġinat u minsi u jkollu jintasab fil-kantunieri jew fid-daħliet ta’ l-istabbilimenti jittallab il-ħniena ta’ ħaddieħor u jgħaddi l-lejl sajfi jew xitwi imgeddes fil-kutri tal-gazzetti jew tal-kartun.
Meta nkun f’dawn il-Bliet, filwaqt li nara d-differenza fil-mod ta’ ħajja taċ-ċittadini ma nistax ma narax u ma nħosx l-inġustizzja fit-tixrid u fit-twettiq tal-ġid soċjali fejn is-solidarjeta` donnha li mhix għal kulħadd l-istess iżda bħal fil-ġungla m’hemmx lok għal min huwa dgħajjef. Għalija personali bħall-mistoqsija ta’ qabel din, iż-żewġ realtajiet huma l-istess u t-tnejn huma awtentiċi. Il-qasma tremenda ta’ min hu kbir u ta’ min huwa żgħir; ta’ min hu b’saħħtu u ta’ min huwa dgħajjef.
6 Il-versi tiegħek huma wkoll speċi ta’ album tar-ritratti. Jissemmew postijiet bħal Frankfurt, Kosovo, Varsavja, Budapest, Vienna, Polynesia, Pariġi. Xi tgħid dwar dan?
Eżattament dak kien il-ħsieb tiegħi li noħloq ritratt ta’ awtentiċita` li fl-istess ħin nuri d-differenza li tgħaddi bejn Belt u oħra. Ridt ukoll infisser kif lili personali laqtuni emozzjonalment u kif setgħu nikktuni jew ferrħuni. Ridt noħroġ ukoll l-aspett fid-differenza soċjali u politika ta’ bliet li għal snin twal isseddqu fid-demokrazija waqt li oħrajn għadhom isibu posthom fil-ħelsien politiku ġdid tagħhom. Bliet għonja fil-ġid materjali m’oħrajn ifqar. Bliet li jiddominaw kummerċjalment u politikament m’oħrajn sottili.
7 Il-poeżija hija vjaġġ filwaqt li fil-vjaġġ hemm il-poeżija. Kif tirreaġixxi għal frażi bħal din?
Il-poeżija hija vjaġġ intelletwali fejn il-poeta jimraħ fis-sbuħija tal-ħsieb u fis-sbuħija tal-kelma miktuba kif imfissra mill-qalb li ħabtet kif tnisslet fiha t-tqanqila jew il-leħma tagħha f’mument partikolari li ma jiġix meta wieħed irid iżda meta l-moħħ, il-qalb u r-ruħ jingħaqdu flimkien biex ifissru tqanqila ta’ emozzjoni ewlenija. Filwaqt li l-vjaġġ tal-poeżija huwa espressjoni elevata fejn id-distanza u d-destinazzjoni tal-wasla tagħha huma sublimi aktar minn espressjoni ordinarja li tingħad kuljum mingħajr tferfir tal-qalb u tar-ruħ. It-tifsira espressa hija mirquma u mogħnija bi frażijiet li ma jintesewx kif jingħaddu.
8 Salv Sammut u l-parteċipazzjoni tiegħu f’Lejliet ta’ Poeżija organizzati mill-Għaqda Poeti Maltin. X’jista’ jiggwadanja l-poeta u l-ħabib tal-poeżija minn serati u għaqdiet bħal dawn?
Nitkellem għalija individwalment, jisgħobbini li ma ħadtx sehem fihom aktar qabel. L-ewwel ħaġa f’dawn is-serati m’hemmx min jistħajlu aħjar minn ħaddieħor u ħadd ma jogħla fuq ħaddieħor. Kull min irid jiġi u jaqra xogħlu huwa mistieden li jagħmel dan mingħajr irbit ta’ tema jew kundizzjoni oħra. Issir midħla u tagħmel ħbieb ġodda u ssir taf b’esperjenzi u xi drabi titgħallem ukoll minn fejn għandek tgħaddi biex ix-xogħol tiegħek tmexxih ’il quddiem. F’dawn il-Lejliet li huwa interessanti huwa biss il-POEŻIJA u mhux x’int, min int u xi twemmin tħaddan. Kulħadd l-istess u kulħadd bl-istess ħsieb aħħari li jsemma’ xogħlu u jgħolli l-poeżija fuq il-pedestal li jixirqilha.
Patrick Sammut (Ottubru 2008)
Poezija:
JIEN RAJT WAQT LI KONT G}ADDEJ
(Mejju 27, 2008)
- Salv Sammut -
Jien u g]addej minn fost il-kotra m[enna
ta]bat f’xulxin b]an-nemel ]awtiel
ti[ri wara l-]in-eternità
bla sabar f’destinazzjonijiet differenti;
in]ares u nifli b’]arsa ta’ skrutinju
lejn dil-folla mitlufa
fis-subkonxju individwali.
Rajt mara adultera tibki dmug] il-madalena
fl-istazzjon u fit-tara[ ta’ l-underground
tistenna lil bniedem-klijent
tiela’ bl-escalator g]al kirja mla]]ma tal-midinba
ma’ dmug]ha mxerred ja]sel l-g]elt l-umanità.
Rajt direttur-e\ekuttiv bil-mobajl ma’ widnejh
jag]ti struzzjonijiet biex bi sforz kollettiv
ilkoll ifasslu l-mod manipolattiv
ta’ kif b’diplomazija u strate[ija fina
jg]elbu l-avversarju kompetittiv.
Rajt tallab im`er`er jifrex il-mitra] tal-kartun,
u qabel jag]laq g]ajnejh im\ell[a mit-trakomja
jisma’ f’widnejh il-]oss itarrax tat-tren fuq il-linji
u jist]ajlu damdim fil-profondità ta’ ru]u;
i]ares imqit lejn l-indifferenza tal-kotra
g]addejja bla kompassjoni minn ]dejh.
Rajt mera [ewwa vetrina ta’ Spi\erija
u fir-riflessjoni tag]ha dehret il-mara adultera
tibki dmug] l-intolleranza tas-so`jetà;
g]adda d-direttur-e\ekuttiv f’manipolazzjoni
jikkompeti mal-]a\en tal-kompetitur;
xiref it-tallab jimtedd fuq il-mitra] tal-kartun
jis]et l-ingratitudni tal-bnedmin.
I\da fuq kollox, fihom kollha lma]t lili nnifsi
fl-isfond tal-mera li tikxef kull verità;
bniedem solitarju b’apatija kbira
iterraq fit-toroq tal-belt kosmopolitana
fis-skiet tas-solitudni
g]addej fost il-kotra li qed tg]ix
f’dinja ta’ egoi\mu sfrenat.
Salv Sammut ghadu kemm ippubblika antologija poetika bl-isem ta' TIZWIQA (2008)
No comments:
Post a Comment