Sunday, September 28, 2014

IL-ĦSIEB TAL-MATERNITA’ FIL-POEZIJA TA’ DUN KARM minn Alfred Massa

Ix-xahar ta' Ottubru jintrabat mal-Poeta Nazzjonali Dun Karm Psaila. Dan huwa artiklu li parti minnu jidher fuq ir-rivista letterarja IL-PONT ta' Ottubru 2014.

L-omm hija l-egħżeż persuna li jista’ jkollu l-bniedem.  Dan għax l-imħabba tagħha tiżboq kull imħabba oħra li teżisti fid-dinja.  Għalhekk, ir-rabta bejn l-omm u wliedha dejjem serviet bħala eżempju ta’ l-akbar għaqda.  Mhux ta’ b’xejn, mela, li l-maternita’ sabet post prominenti f’diversi fergħat artistiċi  -  inkluża, naturalment, il-Poeżija.

Dun Karm Psaila (1871-1961), il-Poeta Nazzjonali tagħna, dan fehmu tajjeb u tah prominenza liema bħalha fil-poeżiji li ħallielna.  Għalih kienu jeżistu tliet ommijiet:  l-omm naturali, l-omm patrijottika u l-omm tas-sema. Naturalment, dwar dan is-suġġett tista’ tinkiteb teżi sħiħa, iżda f’dan il-ħin (l-ispazju) limitat ser nipprova nagħti biss ħjiel ċkejken tiegħu.

Omm Naturali:

Dun Karm kellu rabta speċjali m’ ommu.  Wieħed ma jridx jinsa l-fatt li hu kien saċerdot.  Ma kellux mara ma’ min jaqsam ħajtu.  Għalhekk, lil ommu Lunzjat, kif jgħid wisq tajjeb il-Prof. Ġuże’ Aquilina, “il-poeta qatt ma nesa lanqas fi xjuħitu”. (“Antoloġija”: A.C. Aquilina, 1969).

L-imħabba li Dun Karm kellu lejn ommu ħarġet f’diversi poeżiji li kiteb.  Lil missieru Filippu qajla semmieh, ħlief fil-poeżija Żjara lil Ġesù.  Kitiblu wkoll sunett bit-Taljan A Mio Padre Morto.  Sunett sabiħ, iżda ma damx ma ntesa għall-importanza li tgawdi l-imħabba, li kellu lejn ommu.

Din l-imħabba materna kultant il-poeta wrieha b’mod ċar u espliċitu, u kultant għaġinha ma’ mħabba ġenerika li wieħed isib bejn l-omm u wliedha.  Insemmi b’eżempju poeżiji bħal Il-Wegħda, Is-Salib, Biki ta’ Omm, Univers Ieħor u oħrajn.  Imbagħad f’poeżiji oħra, Dun Karm kien aktar miftuħ u dirett bħalma nsibu f’ Il-Jien u lil Hinn Minnu, Waħdi, Żjara lil Ġesù, Int ma Tarġax u Il-Kelma t’ Ommi.

Iżda forsi l-aktar versi qawwija li jikxfu x’kienet tfisser ommu għalih, Dun Karm nisiġhom lejn tmiem it-tieni strofa tal-poeżija Żjara lil Ġesù.

                                    “                                  ftakart fik u donni
                                    ħassejt li ma kellix iżjed x’nambiha
                                    din il-ħajja li tajtni hekk għażiża,
                                    la darba ma kont nista’, ferħ jew niket,
                                    taqsamha miegħi; u taħt l-art ħanina
                                    fit-tgħanniqa tal-mewt xtaqt norqod miegħek.”

Omm Patrijottika

Il-poeti romantiċi kienu jħobbu jippersonifikaw; u Dun Karm ma kienx xi eċċezzjoni.  Mhux biss, imma f’diversi xogħlijiet huwa immaġina lil art twelidu “mara għaqlija” (Liema?).  Fuq kollox, immaġinaha diversi drabi “omm” bħalma sejħilha fl-Innu-Talba li ħallielna biex ikun parti mill-identita’ dejjiema tagħna: “L-Omm li tatna isimha”.

Dan kollu għax il-poeta kien jemmen bis-sħiħ li m’hemmx imħabba isħaħ u aqwa minn dik li tgħaqqad l-omm  ma’ wliedha.  U l-imħabba ta’ Dun Karm lejn Malta daqstant kienet kbira !  Ħabbha fi żmien meta bosta minn ħutu l-Maltin kienu “rieqda ġo sodda barranija” (R. Briffa: Jum ir-Rebħ).  Iżda hu ma staħax, ma baqax lura milli stqarr pubblikament imħabbtu lejn din l-omm patrijottika:

                                    “Iżda daqsek lil ħadd O Malta tiegħi
                                    għax int biss ommi, int tajtni l-isem
                                    u għadmek għadmi u demmek jiġri miegħi.”

Din l-istqarrija ta’ mħabba fis-sunett Lil Malta tirbombja f’poeżiji oħra; hekk kif jirbombjaw frażijiet bħal: “Malta tiegħi”, “Malta tagħna”, “maħbuba Malta tiegħi”, “art ħanina”, u oħrajn.  Min-naħa l-oħra, minħabba li l-poeta ħabbha tabilħaqq lil art twelidu, huwa ma naqasx li jwiddibha biex ma titbiegħedx mit-triq tas-sewwa kif għamel fil-poeżiji  Biki ta’ Omm u Lil Malta tal-lum u ta’ għada. 

Omm tas-Sema:

Naturalment, kemm bħala kattoliku u wisq aktar bħala qassis, Dun Karm ma setax jonqos li ma jħobbx b’imħabba speċjali lill-Madonna.  Għalih Marija kienet it-tieni ommu tiegħu, jekk mhux l-ewwel.

Il-poeżiji Marjani ta’ Dun Karm huma diversi.  Il-Prof. Ġuże’ Aquilina jgħid li, “Il-poeta tal-Madonna fil-letteratura Maltija jibqa’ Cuschieri, b’dawk il-versi tan-nar u mħabba, naturali ħafna mingħand Karmelitan, iżda bis-sunett Mater Purissima Dun Karm laħaq, u forsi għadda lil Cuschieri” (“Antoloġija”: A.C. Aquilina, 1969).  Dan is-sunett Aquilina jsejjaħlu “ġawhra tal-letteratura tagħna”.

Ma’ dan is-sunett jiena nżid tnejn oħra: Bjuda u Id-Duluri.  Wieħed jista’ bir-raġun kollu jistqarr li f’poeżiji bħal dawn il-poeta wera tabilħaqq il-kobor ta’ Marija, effett tal-Maternita’ divina tagħha.  Għax kollox hu frott tal-fatt li l-Madonna hija omm Alla.  Għalhekk hija daqstant sabiħa, setgħana, ħanina; għax hi omm il-Feddej.  Hawn jinħass jonfoħ ir-riħ tal-misteru ta’ l-Inkarnazzjoni, li jispikka b’mod tassew eċċellenti fl-aħħar terzina tas-sunett Bjuda:

                                    “U ħlomt ħolma tal-ġenna  -  dehra ġdida !
                                    Rajtek tkebbeb, bħal star tfajla Lhudija
                                    Li kienet xebba u kellha ’l binha f’idha.”

Iżda Dun Karm ried ipoġġi quddiemna lill-Madonna bħala omm tagħna wkoll.  Ommna li tħobbna.  Għalhekk isejħilha “Int, omm li taf tagħder” (Mater Purissima); “Int Omm minn tagħna” (Id-Duluri); “Xemx ħanina” (Angelus); “Int l-omm l-aktar sabiħa” (Il-Għanja ta’ Mejju).  Il-poeta għandu sejħat oħrajn lil Marija imxerrdin f’diversi poeżiji.

L-imħabba ta’ Dun Karm lejn il-Madonna twaħħdet miegħu sewwa.  Hu kellu fiduċja fiha daqskemm kellu f’Binha Ġesu’.  Għalhekk bħalma Anastasju Cuschieri O.C. fil-poeżija Fis-Santwarju tal-Madonna tal-Karmnu talab lil Marija tersaq lejn soddtu fis-siegħa ta’ mewtu, naraw li Dun Karm esprima l-istess ħsieb fil-poeżija Lil Ommi Marija:

 “Deh, meta tersaq l-aħħar
                                    Siegħa tal-ħajja tiegħi,
                                    Nixtieq ingħannqek miegħi
                                    Ngħajjatlek ‘Ommi’ u mmut.”

Din ix-xewqa takkompanja oħra bħalha li tinsab lejn tmiem il-poeżija Saffika Il-Vjatku.  Hawn il-poeta sejjaħ lil Ġesu’ biex imur ukoll iżuru fl-aħħar mumenti  ta’ ħajtu:

                                    “L-aħħar Ħabib, ejja ġo sidri, u qiegħed
                                    Qalbek fuq qalbi u minn kull dnub saffiha;
                                    Miegħek mgħannaq, Ġesu’ naqbad bla biża’
                                                                  it-triq ta’ dejjem.”

Għeluq:

~ertament li hemm ħafna aktar xi tgħid dwar il-ħsieb tal-maternita’ fil-poeżija dunkarmjana, iżda minħabba limitazzjoni ta’ spazju (tal-ħin), ma stajtx nelabora iżjed.  B’danakollu, inħoss li s-sustanza tinħass sewwa.  Dun Karm ħares dejjem lejn il-Madonna bħala omm. U jekk omm ma tgħallimx lil uliedha, x’omm tkun? Għalhekk, huwa qiesha wkoll bħala għalliema  -  OMM u GĦALLIEMA, kif isejħilha fil-poeżija Sedes Sapienziae:

                                    “Miġburin hawn madwarek, Madonna,
                                    Bħalma darba kien jagħmel Ġesu’,
                                    F’din l-iskola ta’ mħabbtek għidilna
                                    It-tagħlim ta’ dan Ibnek x’inhu.”

F’Kitba oħra, jien sejjaħt lil Ħal Tarxien Ir-Raħal ta’ Marija u l-Oratorjo li ktibt għammidtu bl-isem ta’ Ħal Tarxien, Iben Marija.  Dan għax nemmen bis-sħiħ fir-rabta li teżisti bejn dan ir-raħal u l-Madonna.  Araw kemm statwi, kemm artali, għandna fil-knisja tagħna li jfakkruna f’Ommna Marija!  Araw kemm għandna nisa u tfajliet li jġibu l-isem ħelu tagħha!  Araw kemm statwetti maġenb il-bibien ta’ djarna, kemm niċeċ jinsabu mxerrdsin mar-raħal li jikxfu l-għożża li għandna lejn din Ommna tas-Sema!  Il-Banda tagħna stess iġġib l-isem ħlejju ta’ Marija Annunzjata!

Kollox juri l-imħabba li ta’ qabilna kellhom lejn Marija; imħabba li żergħuha fi qlubna u jalla li aħna ngħadduha lil ta’ warajna.  Għax dejjem qisna lil din il-mara bħala omma ħanina, omm twajba, omm mitlufa wara wliedha.  Hekk għamel Dun Karm Psaila fil-versi tiegħu; hekk għandna nagħmlu aħna fil-ħajja tagħna ta’ kuljum.



Saturday, September 27, 2014

INTERVISTAT MANUEL CASHA DWAR IS-CD Maltese Traditional Melodies (2013)

Twieled il-Birgu . Trabba l-Kalkara u emigra lejn l-Awstralja meta kellu 18-il sena fl-1963. Attenda l-Kulleġġ De La Salle f’Malta u Taylors College u Swinburne College of Technology fl-Awstralja. Segwa korsijiet oħrajn fil-kitba kreattiva, il-kitba tal-iskripts u l-kitba għat-teatru. Ippubblika l-ewwel ktieb tal-poeżiji tiegħu flimkien ma’ Joe Axiaq u Philip Camilleri bl-isem ta’ Bejn Vjagg u Ieħor. Il-poeżiji tiegħu dehru wkoll f’Irjieħ u Frott Ieħor. Daqq f’diversi gruppi ta’ mużika popolari bejn is-snin sittin u tmenin. Ipproduċa għadd ta’ albums mużikali għal artisti Maltin f’Melbourne u kiteb bosta kanzunetti għal artisti Maltin lokali. L-album tiegħu NEON hu magħruf qatigħ fost il-Maltin li jgħixu barra minn Malta. L-album tiegħu TILA li ħareġ flimkien mal-għannej popolari Frans Baldacchino “il-Budaj” kien l-ewwel inizjattiva komuni bejn Malta u l-Awstralja , fejn Manuel ħoloq u rrekordja  l-arranġamenti u Frans kanta l-lirika tiegħu flimkien mal-mużika. Manuel għadda dawn l-aħħar tletin sena jirriċerka dwar il-mużika indiġena tal-Għana u l-Prejjem, u ħareġ l-aħħar CD tiegħu Maltese Traditional Melodies fl-2013. Manuel ilu impenjat fi programmi tal-ilsien Malti fuq bosta radjijiet fl-Awstralja  għal dawn l-aħħar erbgħin sena.

 1.  X’ispirak biex tagħmel din il-ġabra ta’ biċċiet mużikali tradizzjonali?

Ili ngħix fl-Awstralja mis-sena 1963. Matul dan iż-żmien  kont involut fix-xena popolari lokali Awstraljana. Meta waqaft, ikkonċentrajt fuq il-Mużika Tradizzjonali Maltija.

L-ispirazzjoni li niġbor u nesprimi dawn it-temi Maltin kien mezz kif nuri, kif inwassal il-messaġġ tal-mużika Maltija f’dan il-kontinent. Imma mhux speċifikament għall-Maltin biss, għax il-wirt kulturali Malti, partikolarment il-mużika tradizzjonali tal-Għana u l-Prejjem, huwa mezz kif aħna l-Maltin nuru li aħna għandna x'noffru kulturalment u mhux biss hekk, imma l-mużika tradizzjonali tagħna fformat parti mill-iżvilupp tal-ħajja ta’ dan il-pajjiż mindu nfetħet l-emigrazzjoni mill-Ewropa wara t-Tieni Gwerra Dinjija.  Aħna l-Maltin wasalna hawn bl-eluf wara li nfetħet l-emigrazzjoni għall-Awstralja u huwa importanti li nuru l-karattru kulturali tagħna flimkien ma’ nazzjonijiet oħra li ssetiljaw hawnhekk bħalna.

F'dak iż-żmien, it-taħlita multikulturali bdiet tħalli l-influwenzi tagħha għax bdew jidhru bosta tipi ta’ mużika minn kull naħa tal-Ewropa u aħna l-Maltin konna niffurmaw parti minn dan l-iżvilupp li llum biddel il-fibra tan-nazzjon Awstraljan. Imma għalkemm dawk id-dilettanti li kienu jħobbu l-kitarri Maltin flimkien mal-Għana Malti baqgħu jipprattikaw il-mużika li kienu jgħożżu fil-privazija tad-djar tagħhom, ma rnexxilniex noħorġu fil-beraħ u nuru l-wirt tagħna bħalma kienu qed jagħmlu nazzjonijiet oħra. Matul iż-żmien sar progress u llum anki għandna clubs fejn tista’ tmur tisma’ l-kitarri u l-għana imma nħoss li fix-xena mużikali popolari qatt ma rnexxielna nifirħu b'rixna, meta għanda tradizzjoni rikka u ta’ min jiftaħar biha.  

Kulma ppruvajt nagħmel fis-CD "Maltese Traditional Melodies"  huwa li nesprimi il-melodiji antiki li jeżistu fit-tradizzjoni Maltija tal-Għana u l-Prejjem u nippreżentahom f’dan il-kontinent b'mod li nispera li jappella mhux biss għalina l-Maltin imma għan-nazzjonijiet l-oħra li jħobbu l-mużika ġeneralment.

2.   Għal min hija mmirata din it-tip ta’ mużika fejn tlaqqa’ l-melodija u l-akustika? Kif tintlaqa’ mill-kbar u miż-żgħażagħ?

  Il-mużika fis-CD "Maltese Traditional Melodies" hija mmirata għal kull minn iħobb l-mużika u partikolarment il-ħoss xi ftit aktar universali u poplari tal-kitarri. Però ta’ min jgħid li dawk li jħobbu l-mużika tradizzjonali Maltija x'aktarx jindentifikaw mal-melodiji aktar, għax wara kollox apparti minn żewġ kompożizzjonijiet li għamilt bħala dedikazzjoni, il-kontenut huwa kollu ibbażat fuq melodiji fokloristiċi Maltin  partikolarment tal-Ghana u l-Prejjem. Numru ta’ Cd's jinsabu għand nies Awstraljani u nazzjonalitajiet oħra diversi għax wara kollox fit-temi tradizzjonali tagħna l-Maltin hemm influwenzi Ewropej u anki tal-Lvant Nofsani. Hawnhekk fl-Awstralja t-taħlita multikulturali hija qawwija għalhekk ma niskantax li l-appell huwa aktar universali.

Is-CD għaddejtha lill-kbar u liż-żgħażagħ. Nemmen li l-effett ta’ dawn il-melodiji fuq il-ġenerazzjojiet huwa differenti. Il-kbar japprezzaw ċerti kwalitajiet nostalġiċi li x’aktarx ifakkruhom fi żmienhom f’Malta;  allura hawn tidħol in-nostalġija, imma għaż-żagħżagħ din il-mużika toħodhom lejn l-għeruq tagħhom. Hawnhekk hawn numru ta’ kitarristi primi li twieldu f’dan il-kontinent u jħabbtuha mal-aħjar daqqaqa li kellna f’Malta. Bosta minn dawn huma wlied l-għannejja u l-kitarristi, imma dawn twieldu hawnhekk u l-influwenzi tagħhom huma tassew differenti minn dawk ta’ missirijiethom.

Lil dawn għaddejtilhom CD u għalkemm jien ikkonċentrajt li noħroġ il-qalba tal-melodiji tat-temi tal-prejjem Maltin, dawn iż-żgħażagħ kapaċi jimprovizzaw l-isbaħ prejjem li jinvolvu ċerti passaġġi tradizzjonali kumplessi. L-influwenzi ta’ dawn iż-żgħażagħ kienu influwenzati minn daqqaqa bħal Karmnu Kardona 'it-Tapp", Indri Brincat "il-Pupa", Lippu Gauci 'tal-Imqabba' u oħrajn.

Il-melodiji li użajt f’“Maltese Traditional Melodies” huma bbażati fuq id-daqq ta’ kitarristi leġġendarji li dejjem ammirajt, partikolarmet Indri Brincat "il-Pupa", imma kemm stajt ippruvajt noħroġ il-melodija għalkemm hemm ukoll xi improviżazzjoni ħafifa wkoll. Dawn m'humiex melodiji li kkomponejt jien, imma huma melodiji tradizzjonali Maltin li huma wirt kulturali tagħna. Naturalment l-arranġamenti li għamilt jesprimu d-daqq kif inħossu jien.

Rigward il-komunità Maltija ġenerali is-CD intlaqa’ tajjeb.

3.   Dik li għażilt hi mużika li tiġġenera sens qawwi ta’ nostalġija. Taħseb li hi apprezzata iktar l-Awstralja u barra minn Malta, jew Malta? Għaliex?

 Jista’ jkun li l-melodiji jiġġeneraw sens ta’ nostalġija għax jippreżentaw id-daqq nazzjonali tagħna. Nemmen li kull Malti, dilettant jew le tal-mużika tradizzjonali Maltija, iħoss ċertu tqanqil meta jisma’ l-melodija tar-"re minore", li fuqu jitkanta "l-Għana tal-Fatt". Ħafna Maltin jiftakru l-faxxikli li kienu jiġu ppubblikati fl-imgħoddi bir-rakkonti u l-fatti ta’ "L-Għarusa tal-Mosta", "Toni Bajjada" "L-Assedju l-Kbir", eċċ. Din kienet il-pop mużik ta’ dak iż-żmien. U hawn ta’ min ifakkar li l-ewwel diski li saru kienu diski tal-Ghana li kienu l-aktar mitluba f’dak iż-żmien.

Nemmen li d-daqq Malti huwa apprezzat ugwalmet, sewwa f’Malta kif ukoll barra minn Malta fejn jgħixu l-emigranti. Naturalment meta Malti jaghmel żmien ’il bogħod minn Art Twielidu t-tifsira ta’ affarijiet Maltin  issir aktar sinifikanti għalih/għaliha, imma nemmen li f’Malta l-imħabba lejn id-daqq Malti fost id-dilletanti u l-poplu ġenerali għadhom qawwija. Għalkemm għadha teżisiti ċerta stigma fis-soċjetà Maltija kontra l-Għana Malti, nemmen li l-melodiji tradizzjonali Maltin baqgħu l-aktar rappreżentattivi tal-poplu Malti. Eżempju ta’ dan kien ix-xogħol tal-maestru Charles Camilleri li ħa s-sugu tal-melodiji Maltin u pproduċihom b'temi klassiċi li sal-lum għadhom magħduda bħala kapolavur.

Ma ninsewx ukoll l-ewwel CD tal-Għana li sar f’Malta kien ta’ grupp ta’ għannejja u kitarristi Maltin, Frans Baldacchino 'il-budaj', Manwel Parnis, John Saliba 'ta’ Birżebbuġa', Karmnu Bonnici ‘il-baħri'. Dawn kienu taw numru ta’ preżentazzjonijiet f’Pariġi.

4.     Minn xiex inhu magħmul dan is-cd? Iddeskrivi fil-qosor il-biċċiet li għażilt.

Dan is-CD "Maltese Traditional Melodies" huwa ġabra ta’ bċejjeċ ta’ melodiji tradizzjonali Maltin, partikolarment meħuda mill-qasam tal-muzika tradizzjonali tal-Prejjem Maltin. Fl-espressjoni ta’ kif daqqejthom hemm numru ta’ elementi moderni, skont l-influwenzi tal-qasam ta’ minn fejn ġejt jien bħala mużiċista. Imma rigward il-melodiji Maltin, dawn huma dominanti fuq kull stil u jżommu id-dinjità tagħhom f’diversi esperessjoni u stil.

            1. FA TAN-NOFS TON: Din hija melodija li hija użata biex fuqha jitkantaw fatti u poeżiji. Anki dawk li m'humiex dilettanti tal-Għana Malti jagħrfu din il-melodija mal-ewwel noti tagħha.

            2.  RE MINORE "TAL-FATT": Din hija melodija li fuqha jitkantaw il-fatti bħal ngħidu aħna "L-Għarusa tal-Mosta". Wieħed mill-aħjar protagonisti ta’ dan l-għana kien Manwel Cilia li għad hawn records tiegħu fil-ħwienet tad-diski.

            3.  EJJA WENZU: Din hija dedika għall-għannej/kittieb/poeta/awtur Frans Baldacchino "Il-Budaj" li kien ġenju fil-qasam tal-mużika Maltija. Frans kien ħoloq karattru li kien jużah fuq il-programmi tiegħu fuq ir-radju li kien semmieh "Wenzu". Għal ċertu żmien Frans 'il-Budaj"tant kien jippreżentah b'sens realistiku li l-udjenza kienu jaħsbu li kien bniedem veru.

            Kif jaf kulħadd illum, Wenzu kien karattru fittizzju li kien ħoloq Frans 'il-Budaj". Matul iż-żmien ħloqt din il-biċċa mużika bi stil Bluegrass bħala tislima għal Wenzu. Frans il-Budaj kien ħabib u kollega. Il-memorja tiegħu tgħix miegħi għal tul ħajti.

            4.   "LANCA ĠEJJA U OĦRA SEJRA" hija melodija li llum tifforma parti mill-folkor Malti avolja    għandha influwenzi Ewropej.

            5.   PINTO LANE hija stil Country and Western u kienet it-triq li kien jgħix fiha l-kitarrist prim leggendarju Indri Brincat 'il-Pupa". Indri kien l-ispirazzjoni tiegħi għall-mużika tradizzjonali Maltija. L-ewwel darba li smajtu kelli biss seba’ snin. Wara numru ta’ snin kont iltqajt miegħu u intervistajtu għal bosta sigħat.  Indri kien l-idolu tiegħi fid-daqq tradizzjonali Malti. Kull meta kont inżur Malta kont immur bosta drabi Pinto lane fejn kien jgħix u jaħdem Indri Brincat 'il-Pupa".

            6.   LIL BAMBINU  take 1: Din hija dedika għal Mikiel Abela 'il-Bambinu" li tant ta kontribuzzjoni qawwija lill-Għana Malti permezz tal-Għana u l-Fatti tiegħu. "Il-Bambinu" kien ħare bosta diski li għadhom fl-idejn sal-lum.

            7.   L-GĦANJA TAS-SUFFARA  ħadet isimha minn għanja politika li kienet ħarġet kmieni fis-snin sittin fl-eqqel tal-battalja Politiko-Religjuża ta’ dak iż-żmien. Il-melodija kienet diġà dehret     fuq diska ta’ Manwel Mercieca 'is-Simmenza" li kien jisimha "Tifħir lil Malta" imma darba reġgħet ħarġet b’suġġett politiku fis-snin sittin, fejn l-għannej magħruf bħala "il-Papa" għanniha b'tema politika, l-għanja baqgħet magħrufa bħala "l-Għanja tas-suffara".

            8.   IL-ĦANUT TA' DWINU: Din il-għanja meħuda mit-tema prinċipali ta’  kummiedja mużikali li kont ktibt ghall-Maltese Performing Arts Association hawn f’Melbourne. Din ġiet ippreżentata fil-Lithaunean Theatre f’Melbourne għall-ewwel darba u kienet ta’ suċċess. Aktar tard kienet reġgħet saret fil-Maltese Cultural Centre , f’Albion, għal darb'oħra b’suċċess u attendenza massima.

            9.   IŻ-ŻEJTUN: Iż-Żejtun huwa magħruf bħala l-qalba tal-Għana Malti. Dan ir-raħal ipproduċa ħafna mill-aħjar għannejja u kitarristi leġġendarji. Din hija dedika speċjali għal dan ir-raħal.
            10.   GADANZI: Gadanzi hija interpretazzjoni ta’ varjazzjonijiet fuq il-kadenzi li jintużaw fl-Għana Malti. Dawn huma kollha bbażati fuq kadenzi li smajt jindaqqu fiż-żmien li ili nirriċerka l-Għana Malti.

            11.   GĦANA BLUES: Dan hu esperiment ieħor kif il-prejjem jistgħu jintużaw f’tempi oħra barranin. F’dan il-każ esperimentajt bil-mużika Blues li hija influwenza Amerikana.

            12.   IL-BAMBINU take 2: Din hija dedika għal Mikiel Abela 'il-Bambinu" li tant ta kuntribuzzjoni qawwija lill-Għana Malti permezz tal-Għana u l-Fatti tiegħu. "Il-Bambinu" kien ħareġ bosta diski li għadhom fl-idejn sal-lum. Il-melodija hija ibbażata fuq waħda mill-melodiji  li kien jgħanni bihom.

            13.   Din hija bħal overture li tiġbor afna mill-melodiji li jinstemgħu f’dan is-CD u tirriflettihom f’ġabra ta’ temi li jagħlqu x-xogħol.

            14.   Din hija melodija b'kitarra waħda, klassika, li hija tislima speċjali għal Indri Brincat "il-Pupa" li miet fl-2010 u  li kien l-ispirazzjoni sa minn tfuliti għall-ġibda tiegħi lejn il-kitarra. Indri kien għallimni ħafna fuq il-teknika tad-daqq tal-Prejjem u s-sistema tal-Għana Malti. Huwa kien bniedem li kien ilu jdoqq u jakkumpanja l-għannejja sa minn tfulitu. Indri kien ġeneruż sal-aħħar miegħi u kien għajnuna kbira fir-riċerka tiegħi fl-Għana Malti.

5.    Kif tlaqqa’ l-mużika u l-poeżija flimkien?

Il-muċika, il-lirika u l-vers huma bħal ħoloq ta' katina b’konnessjoni mal-emozzjoni u l-ispirazzjoni u kollha marbuta ma’ ċerta spiritwalità u riflessjoni. Jekk tagħfas il-korda tar-"re minore" fis-silenzju tal-lejl, diġà għandek mitt riflessjoni li jgħaddu minn moħħok li huma ispirati mill-ħoss tal-korda minura.

Niftakar meta kont nippreżenta l-programmi tar-radju mal-qatt minsi Dr Ġużè Abela, fil-bidu tax-xandir bil-Malti f'Melbourne, huwa kien talabni biex nagħmillu sfond bil-kitarra għall-poeżiji tiegħu. Kien irrikordjahomli fi studio u smajthom darba mingħajr ma ħdimt fuqhom. Meta ġejt biex nagħmillu sfond bil-kitarra, tfajthom dirett u daħħalt ċerti noti skont kif beda jolqotni l-vers tiegħu. Dan ir-rikording għadu jintuża sal-lum fuq stazzjonijiet varji bil-Malti hawnhekk. Kull nota ta’ sfond li daqqejt kienet ispirata mil-lirika li bdejt nisma’ ta' Ġużè Abela. Il-vers u l-mużika kienu katina fl-espessjoni tal-versi.

6.  Għadek tikteb poeżiji u f’liema okkażjonijiet?

 Iva, għadni nikteb poeżija imma ma tantx għadni naqra x-xoghol tiegħi fil-pubbliku. Kultant xi waħda jew tnejn mill-poeżiji tiegħi jiġu ppubblikati f’xi ġurnal f’Malta imma b’anqas frekwenza minħabba l-fatt li l-mużika ilha ftit tiddomina l-proġetti tiegħi dan l-aħħar.

Dan iż-żmien ftit anqas prolifiku u aktar insib ruħi nnizżżel ħsibijiet a la Stream of Conciouseness.

7. Proġetti għall-ġejjieni?

Il-proġetti tiegħi ma jiqfux. Waqt li għadni kif ħriġt is-CD “Maltese Traditional Melodies” li ħadli parti kbira mill-ħin tiegħi,  bħalissa qed naħdem fuq ktieb fuq Il-Muzika Tradizzjonali Maltija tal- Għana u l-Prejjem. Dan nispera li joħroġ is-sena d-dieħla.

Nixtieq li niġbor għażla ta’ poeżiji  tiegħi minn dawn l-aħħar erba’ diċennji u nippubblikahom. Għandi wkoll dramm ġdid bl-Ingliż li jittratta fuq il-ġenerzzjoni tieghi tas-sittinijiet hawnhekk fl-Awstralja, li konna affettwati bil-gwerra tal-Vietnam. Xi wħud minn sħabi għajtulhom bil-lieva u anki servew f’din il-Gwerra. Il-play ġdida tiegħi Hello Goodbye tittratta fuq dawk iż-żminijiet. Il-play l-oħra The Last Days li kont ktibt ġiet ippreżentata minn STAG Theatre xi tliet snin ilu. Din kienet tirrifletti l-ħajja tal-emigrant li wara diċennji jgħix’ il bogħod minn art twelidu, darba jitlef is-sieħba tiegħu jiddeċiedi li jerġa’ lura f’art twelidu u jerġa’ jipprova jkompli l-ħajja li ħalla warajh 50 sena ilu. Naturalment il-konflitti huma bosta.

Matul iż-żmien li ili involut fil-komunità Maltija ktibt u rrekordjajt bosta songs bil-Malti għal artisti differenti. Kelli proġett f’moħħi fejn dawn nikwalizzahom u noħroġhom fuq double CD. Insomma xogħol u ideat għal proġetti huma bosta imma l-ħin u ż-żmiem jikkmandaw.


Patrick Sammut (Lulju 2014)

Tuesday, September 02, 2014

JOĦROĠ IL-PONT TA' SETTEMBRU 2014, NUMRU 24


Għadu kemm ħareġ IL-PONT ta' Settembru 2014, ħarġa numru 24. F'din ir-rivista letterarja online wieħed isib poeżiji b'ilsna differenti, aħbarijiet marbutin mad-dinja tal-letteratura, tagħrif dwar pubblikazzjonijiet reċenti u oħrajn inqas reċenti, kontribuzzjonijiet minn kittieba differenti, l-editorjal u iktar. 


F'din il-ħarġa qed titħabbar għall-ewwel darba il-pubblikazzjoni tal-ktieb ġdid u postumu tal-mibki Frans Sammut, ĠRAJJET IT-TAGĦLIM F'MALTA. Dan permezz ta' intervista ma' iben l-awtur Mark Sammut, intervista li wieħed jista' jaqra sħiħa fuq din l-istess blog.

Kull min jixtieq jibda jirċievi din ir-rivista online jista' jikteb direttament lill-editur f'dan l-email: sammutpatrickj@gmail.com

Ara l-ħolqa: http://www.scribd.com/doc/238458750/Settembru-2014

KTIEB ĠDID TA' FRANS SAMMUT - ĠRAJJET IT-TAGĦLIM F'MALTA Vol. 1. Intervistat ibnu, Mark Sammut

     Din l-aħbar qed tixxandar għall-ewwel darba fuq ir-rivista elettronika IL-PONT ta' Settembru 2014, ħarġa nu. 24. Patrick Sammut, editur ta' IL-PONT jintervista lil Mark Sammut dwar din il-pubblikazzjoni ġdida u postuma li se tara d-dawl għall-Fiera-Festival tal-Ktieb 2014.

 1.      Intqal li dan il-manuskritt instab b’kumbinazzjoni f’kompjuter antik li missierek kien juża għal xi snin. Kien l-uniku dokument li rnexxielkom issalvaw minn hard disk sħiħa. X’ħassejt inti u taqra dan il-manuskritt għall-ewwel darba?

Iva, meta ġie nieqes il-papà naturalment bdejna naraw ftit x’kien hemm fost il-karti tiegħu. Hu proċess li għadna għaddejjin bih, għax hemm minjiera sħiħa ta’ aktar minn 40 sena ta’ riċerka u kitbiet. Fittixna fil-kompjuters ukoll. Il-papà kien għamel żmien twil jikteb fuq Macintosh, u mbagħad qaleb għal PC. Dan il-manuskritt (Ġrajjet it-Tagħlim) sibnieh appuntu fuq il-Macintosh. Bdejna naqrawh ħija u jien, u f’ħin bla waqt mietet il-hard disk. Tista’ timmaġina l-qatgħa! Il-kompjuter ħadnieh għand tekniku, u dan il-manuskritt biss irnexxielna nsalvaw minn hard disk sħiħa. Agħar minn hekk, ma konniex ilħaqna rajna x’kien hemm iktar fuqha dik il-hard disk. It-tekniku tana diversi faljs, imma kollha kienu korrotti wisq biex taqrahom. Dal-ktieb irnexxielna naqrawh minkejja li t-test tiegħu wkoll saritlu xi korruzzjoni fid-data tiegħu, għad li ma kinitx biżżejjed biex ma naqrawhx.
Ħija u jien konna nafu li l-papà jikteb iktar minn kemm jippubblika. Dwar dan ma konniex sorpriżi. Imma naturalment, l-emozzjoni kienet kbira, għax sibna dokument li ma konniex nafu bih. Qisek erġajt tkellimt miegħu, għax hu diskors ġdid, biex ingħid hekk.

Avolja, jien għandi memorja ċara tal-papà jgħidli xi ħaġa li mbagħad sibtha f’dan il-manuskritt. Kien qalli li f’Malta taħt l-Ingliżi kien hemm żmien meta suldat Ingliż kien ittrattat aħjar minn avukat Malti. Dal-kumment laqatni ħafna, tant li kkwotajtu f’saġġ dwar il-Kodiċi Kriminali Malti li ppubblikajt f’Id-Dritt, il-ġurnal tal-GħSL fi ħdan il-Fakultà tal-Liġi, l-Università, ftit wara mewt il-papà. Il-manuskritt qrajtu xi xhur wara ... Għedt, Ara, kien qalli biha hu u jirriċerka! U għaġinhieli fil-memorja!

Bla ma trid tibda tara t-twaħħid tal-awtur tal-ħsieb fuqan mal-bniedem tal-ħajja mundana, kif ir-riċerka taqbeż il-konfini tal-istudju u tidħol fid-diskors ta’ kuljum. Il-Professur Charles Briffa għamel analiżi dwar kif il-professjoni ta’ awtur tiskula f’kitbietu. Dan hu każ bil-kontra: meta kitbet l-awtur tiskula f’ħajtu ta’ kuljum.

In-niket hu li minn dik il-hard disk ma salvajnielu xejn aktar. Is-suspett tiegħi hu li t-Tieni Volum kien għadu qed jaħdem fuqu meta ħasditu l-mewt.

      2.      Meta nkiteb bejn wieħed u ieħor?

Inkiteb, fil-fehma tiegħi, bejn l-2003 u l-2004. Ngħid hekk, għax dik l-osservazzjoni li semmejt qabel qalhieli xi għaxra, ħdax-il sena ilu. Però naħseb li kien ilu jiġma’ l-materjal. Donnu dan kien il-metodu tal-papà. Bħalmeta kien dam snin twal jiġma’ l-materjal għal Il-Ħolma Maltija.  Jien naħseb li l-materjal beda jibnih ftit ftit wara li kiteb Bonaparti f’Malta, li ħareġ fl-1997. Imbagħad beda jaħdem fuq il-Lexicon u Għajdun il-Għaqal, ta’ Vassalli, u taf kif inhi r-riċerka ... waqt li qed taħdem fuq suġġett wieħed tibda ssib il-materjal għal ħafna suġġetti oħra. Ir-riċerka mxiet bil-mod għax sadattant ħareġ żewġ kollezzjonijiet ta’ novelli (Newbiet u Ħrejjef Żminijietna) u kiteb ktieb dwar San Ġorġ Preca, ieħor ta’ attwalità, u ieħor dwar San Filep, barra milli ttraduċa ktieb dwar l-Istorja ta’ Ħaż-Żebbuġ. U naħseb dan hu li ġara anki bit-Tieni Volum. Fis-sens li jekk għandi raġun jien u l-Ewwel Volum beda jiktbu fl-1998, ħadlu 6 snin u lestieh fl-2004 għax kien għaddej b’ħafna xogħol ieħor, allura t-Tieni Volum bdieh fl-2004 jew 2005 u kien għadu għaddej jaħdem fuqu fl-2011 meta miet. Il-kobba mħabbla li ma nistax inħoll hi: fejn qiegħed it-Tieni Volum? Fit-tieni nofs tas-snin 2000, il-Macintosh ma kienx għadu jużah, għax kien reġa’ qaleb għal PC. Imma fuq il-PC ma sibna xejn. Issa għandek tkun taf li hu mhux dejjem kien jaħdem fuq il-kompjuter. Ngħidu aħna, mentri Il-Ħolma Maltija kitbu fuq PC Amstrad 512, it-traduzzjoni ta’ Għajdun il-Għaqal ta’ Vassalli kitibha b’idejh, mhux fuq il-kompjuter. Meta ħarġu, fl-2006, kellha ssir dattilografija tal-manuskritt. Jiġifieri ma rrid neskludi xejn.

    3.      Kemm kienu importanti għal missierek il-kelmiet “Storja” u “Edukazzjoni”?

L-Edukazzjoni kienet ħajtu professjonali u ħajtu passjonali. Kellu passjoni għat-tagħlim. Ix-xogħol għalih kien pjaċir, għax kienet l-għaxqa tiegħu jgħallem. Il-kitbiet tiegħu li m’humiex fiction, huma kollha xogħlijiet ta’ divulgazzjoni, ta’ tagħlim. Hemm min anki fil-fiction tiegħu jara t-tendenza lejn it-tagħlim. Ma naqbilx ma’ dan – minħabba f’dak li kienu jgħidli. Jien naħseb li x-xogħlijiet fiction kien jiktibhom b’filosofija ċara: id-divertiment, kemm tiegħu kemm tal-qarrej. Ma naħsibx li kien jipprova jkun pedagoġiku. Issa, jekk il-Professur Briffa għandu raġun f'dak li semmejna qabel, u l-professjoni tiddi tagħmel x’tagħmel, allura dik storja oħra.

L-Istorja. Minn dejjem ħabbha, u r-raġuni naħseb hi għax f’żgħoritu kien joqgħod jisma’ lin-nanna materna tiegħu, Generosa imma jgħidulha Ġanna, tirrakkonta dwar żminijiet imbegħdin. Kien jgħidli li n-“Nanna Ġanna” (li għexet aktar minn 90 sena) kienet tirrakkuntalu dwar żewġha Rafel (li kien miet qabilha) u dwar l-antenati tiegħu Martin u Ċelestin u x’ġara fi żmienhom. Darba qalli, “Jiġifieri n-Nanna Ġanna kienet taf il-ġrajjiet ta’ Żmien il-Franċiżi!"

L-impressjoni li għandi tal-bużnanna tiegħi Ġanna hi ta’ mara li kienet taf issensel ġrajja b’mod estetikament pjaċevoli filwaqt li tirrakkonta dwar dawk is-sentejn imqallbin meta ġiet fi tmiemha ħakmet il-Kavallieri u bdiet ħakmet l-Ingliżi.

      4.      Għaliex qarrej għandu jixtri dan il-ktieb bla jaħsibha darbtejn?

Għax il-ktieb jitfa’ dawl mhux biss fuq it-tagħlim per se, fuq l-Edukazzjoni, imma hu interpretazzjoni interessanti ta’ ġrajjet pajjiżna. Ma setax kien mod ieħor, għax hu u jitkellem dwar l-Edukazzjoni bilfors kellu jirrakkonta x’kien għaddej minnu pajjiżna. Mela għandek dan l-element interprettattiv. U dan hu siewi wkoll għal min mhux għalliem.

Naturalment għal min hu għalliem, il-ktieb jgħin lil dak li jkun japprezza kif kien jgħix u jaħdem għalliem Malti f’ċirkostanzi storiċi differenti u kif kienet is-sistema edukattiva f’pajjiżna fi żminijiet oħrajn. Li tkun konxju dwar l-imgħoddi hu dejjem għodda utli għall-preżent u l-ġejjieni.

      5.      Għal min hu intiż xogħol bħal dan?

L-ewwel nett għall-għalliema Maltin u Għawdxin.
Però hu intiż ukoll għal min jinteressa ruħu fl-istorja kulturali u politika ta’ Malta.

      6.      X’għandu ktieb bħal dan li kotba tal-istess xejra tematika m’għandhomx?

Il-papà kellu stil inimitabbli, naħseb jien. Kellu s-sengħa tal-għalliem-awtur li jaf jikteb b’mod li jżommok taqra waqt li qed tifhem u ssegwi dak li qed taqra. Nemmen li l-personalità tal-awtur hi fundamentali, anki għall-istess tema. Ejja nieħdu eżempju mill-mużika. Mussorgski kkompona Kwadri minn Wirja (Картинки с выставки) għall-pjanu; Ravel ittraspona dak ix-xogħol għall-orkestra; Charles Camilleri għall-orgni; u Emerson, Lake & Palmer għar-rock band. Huma kollha l-istess biċċa mużika imma fl-istess waqt huma erba’ biċċiet differenti, għax kull biċċa hi arranġament differenti. Issa għidli inti, x’għandu kull arranġament li m’għandhomx l-oħrajn, meta kollha huma dwar l-istess tema? Hekk ukoll hu x-xogħol tal-papà. Bid-differenza, m’għandniex xi ngħidu, li l-kompożizzjoni tal-mużika hi artikolazzjoni sempliċi tad-diskors aktar vast u kumpless li hu d-diskors tal-interpretazzjoni storika.

      7.      Din hi pubblikazzjoni oħra fejn missierek wera li kien riċerkatur u studjuż prim. Xi tgħid dwar dan?

Inħalli f’idejn ħaddieħor li jiġġudika. Kulma nixtieq ngħid hu li l-mibki Peter Serracino Inglott kien għamel stedina indiretta fis-Sunday Times, meta kiteb dwar il-papà ftit jiem wara mewtu. Naħseb li tkun ħaġa sabiħa għall-kultura Maltija jekk ikun hemm xi ħadd tajjeb fl-Ingliż jitħajjar jibda jittraduċi x-xogħlijiet tal-papà.

      8.      F’ċertu sens ktieb li qed jerġa’ jagħti l-ħajja lil missierek, anki permezz tal-ilsien, l-idjoma u t-teknika partikolari li kien iħobb iħaddem. Xi tgħid dwar dan?

Iva, u dan billi għall-pubbliku hu xogħol ġdid. Bħal bosta mix-xogħlijiet l-oħrajn tal-papà li ma humiex fiction, il-Malti li juża hu anqas letterarju, għax aktar jixbaħ lill-Malti ta’ kuljum. Hu għal dir-raġuni li jien nemmen li r-rumanzi u n-novelli tiegħu ma kitibhomx b’filosofija pedagoġika. B’danakollu imma, ħalli ma niftihemx ħażin, jidhirli li l-Malti ta’ Ġrajjet it-Tagħlim, avolja mhux Malti letterarju xorta hu Malti mħaddem tajjeb. Jiġifieri, għad li r-reġistru hu differenti, it-teknika xorta hi ta’ “mgħallem tas-sengħa”. Jien naħseb li l-papà kellu teknika stilistika għar-rumanzi u n-novelli (it-teknika tal-awtur) u teknika oħra għax-xogħlijiet storiċi (it-teknika tal-għalliem).

      9.      Meta se jkunu disponibbli għall-pubbliku l-ewwel u t-tieni volum ta’ Ġrajjiet it-Tagħlim f’Malta?

L-ewwel volum, jekk il-Bambin irid, joħroġ għall-Fiera tal-Ktieb, f’Novembru li ġej.
It-tieni volum, forsi jitħajjar xi ħadd ikompli fejn ħalla l-papà.


Sunday, August 31, 2014

A poem by Teresinka Pereira

ALWAYS THE SAME 


From my window I can see
very little. However,
this is my platform from which
I watch the world.
More than anything else
I see the trees covering
the buildings across the street.
I have never met my neighbors
but I know their time
to go and return from work
in colorful brand new cars.
My life is always the same
because that is how I enjoy
security and simplicity.
I see the future as a mystification
of the road we have to pass
in order to go on living.

          Teresinka Pereira


Thursday, August 21, 2014

Serata Muziko Letterarja fil-Ministeru għal Għawdex

Nhar il-Gimgħa 29 ta’ Awwissu 2014 fis-7.30pm f’ waħda mis-swali tal-Ministeru għal Għawdex ser issir Serata letterarja li fiha għadd ta’ kittieba Għawdxin, fosthom Joe Camilleri, Dun Gorg Mercieca, Charles Bezzina, l-Avukat Alfred Grech, Ganninu Cremona, Joe W Psaila, Patri Remiġ Galea Kapuċċin  (nawgurawlu minn qalbna għax dawn il-jiem qed jagħlaq 50 sena saċerdot), Anton F Attard, ser jaqraw siltiet mix-xogħlijiet tagħhom.  Se jinqara wkoll feature letterarju tal-Kav Joe M Attard, li qed jieħu din l-inizjattiva, dwar il-‘Bajjiet Għawdxin fil-Poeżija’.  Jieħdu sehem Antoinette Grech, M’Louise Attard u Maria Schembri.  Iżewqu s-serata l-pjanista u kantanta Mariella Cefai Spiteri, u s-sopran Rosebelle Pavia. Wara l-kittieba Għawdxin jkollhom il-ħin jitkellmu ma’ dawk li jattendu waqt li jieħdu ‘drink’ flimkien (grazzi lill-Ministeru għal Għawdex).

Jippresiedi l-Onor Ministru għal Għawdex l-Avukat Anton Refalo. Dawk kollha li għandhom għal qalbhom il-Letteratura Maltija huma mistiedna jattendu.


Kav Joe M Attard
emarjos@hotmail.com

Tuesday, August 19, 2014

MALTA F’FESTIVAL EWLIENI TAL-POEŻIJA FIL-MAĊEDONJA



Malta se tkun rappreżentata f’wieħed mill-festivals l-aktar popolari tal-poeżija dinjija. Bejn l-20 u s-26 ta’ Awwissu, Charles Flores se jkun qed jieħu sehem fil-festival “Struga Poetry Evenings” li jsir ta’ kull sena fil-belt qadima ta’ Struga u nħawi oħra tal-Maċedonja.

“Struga Poetry Evenings” huwa esperjenza poetika li tlaqqa’ fost l-aqwa ilħna minn ħafna pajjiżi madwar id-dinja f’inħawi differenti tal-belt, mill-ġonna, l-palazzi u l-wesgħat sax-xtut u l-attrazzjonijiet naturali u arkitettoniċi madwar l-għadira sabiħa ta’ Oħrid.
Charles Flores se jkun qed jieħu sehem b’għażla personali ta’ poeżiji bil-Malti waqt li l-verżjoni bil-Franċiż tagħhom tinqara minn qarrejja professjonali li se jkunu qed jieħdu sehem fil-festival. Għall-festival, li għalih jattendu diversi personalitajiet nazzjonali u reġjonali, se jkun hemm bħala mistednin tal-unur il-poeti magħrufin internazzjonalment George Ferenczi, Byungsoon Yun, Geoffrey E. Taylor and Tziona Shamay.
L-organizzaturi tal-festival jieħdu ħsieb ukoll jippubblikaw antoloġija bix-xogħlijiet - fl-ilsien oriġinali u fil-Franċiż u fl-Ingliż - tal-poeti kollha mistiedna.
Is-sehem ta’ Malta f’dan il-festival rinomat huwa parzjalment appoġġjat mill-Malta Arts Fund.