Sa mill-bidu taċ-ċiviltà miktuba l-Poeżija ilha tidher bħala kategorija
tal-ispirtu tal-bniedem. Il-Poeżija hi parti min-natura umana qabel ma hi
sempliċi forma ta’ espressjoni tiegħu. Kemm bil-fomm u kemm bil-kitba dan
il-ġeneru sar fenomenu ewlieni f’oqsma reliġjużi u kulturali ta’ kull xeħta.
Il-kontenuti ftit jew wisq baqgħu l-istess; huma sewwasew dawk it-temi, mudelli
arketipiċi li jitilgħu fil-wiċċ mill-qiegħ fejn jinħażnu minn ġenerazzjoni għal
oħra, bħala maħżen tal-memorja kollettiva, biex jagħtu forma
lill-inesprimibbli. Kull epoka għandha x-xejriet partikolari biex jitfisser
bil-kelma poetika kulma hu kostanti, residenti għal dejjem fir-ruħ tal-bniedem.
L-isfida tal-bniedem minn żmien għal ieħor hi, mela, li jsib mezzi differenti
kif jisħaq bil-modi moderni tiegħu kulma hu ’l fuq mil-liġijiet tat-tibdil
storiku.
F’dan l-isfond tista’ tiftiehem is-sħubija
bejn it-tliet poeti ta’ din il-ġabra, Mario Attard, Patrick Sammut u Frank
Zammit, it-tlieta wlied tipiċi tal-kultura ta’ pajjiżhom, u t-tlieta
interpreti tar-realtà bejn tmiem is-seklu għoxrin u s-seklu l-ġdid. F’dan
id-dawl jista’ jingħaraf il-karattru distintiv ta’ kull wieħed waqt li tidher ukoll
ir-rabta sostanzjali li sseħibhom flimkien, fi trio li għandu minn kor daqskemm
għandu minn solisti.
(Mid-Daħla Kritika tal-Prof. Oliver Friggieri)
No comments:
Post a Comment