Nhar il-Ġimgħa, 25 ta' Lulju, fis-7 p.m. l-Għaqda Poeti Maltin tellgħet Lejla ta' Poeżija fis-sala ewlenija tal-Ministeru għall-Edukazzjoni u Xogħol, fil-Furjana. Waqt din il-lejla nqraw poeżiji b'ilsna differenti minn membri tal-Għ.P.M. Iċ-ċentru tal-lejla kienet it-tnedija tal-ġabra ta' poeżiji CON GLI OCCHI DEL CUORE (2014) tal-poetessa Taljana minn Morbegno (Sondrio, Lombardia), Paola Mara De Maestri.
Din hija t-tieni darba li De Maestri pparteċipat f'lejla ta' poeżija mtellgħa mill-Għaqda Poeti Maltin. L-aħħar darba kien fl-2009 fir-Razzett tal-Markiż Tabone, fil-Mosta. Inqrat bijografija qasira tal-poetessa mill-membru u poeta Emmanuel Attard Cassar u aktar tard Patrick Sammut - li kiteb l-introduzzjoni kritika għal dan il-ktieb - intervistaha f'rabta mal-ġabra poetika ġdida tagħha. Preżenti kien hemm ukoll l-artist u għalliem tal-Arti u Storja tal-Arti, Hilary Spiteri, li ħa ħsieb it-tpinġijiet li jakkumpanjaw il-poeżiji ta' De Maestri. Sammut staqsa lil Spiteri dwar din l-esperjenza tiegħu li jittraduċi l-poeżija f'immaġni. Paola Mara De Maestri wieġbet għal numru ta' mistoqsijiet fosthom dwar il-pubblikazzjonijiet tagħha, it-temi li tikteb dwarhom u l-istili li tuża, u qrat ukoll għadd ta' poeżiji mill-ġabra ġdida tagħha.
Waqt il-lejla l-President tal-Għ.P.M., is-Sur Charles Magro, għamel id-diskorsi tal-ftuħ u tal-għeluq, Miriam Ellul, l-URP tal-Għaqda, mexxiet il-lejla, filwaqt li Ray Ellul ipprovda l-intervalli mużikali permezz tal-kitarra. Wara s-serata kien hemm ukoll bibita.
Nota bijografika:
Paola Mara De Maestri hija għalliema, ġurnalista u editriċi tal-folju kulturali u letterarju Bottega
Letteraria li joħroġ mar-rivista ’l Gazetin f’Sondrio, fl-Italja ta’
Fuq. Hija parti miċ-Circolo Culturale Filatelico Numismatico Morbegnese (So), u tikkollabora f’rabta mas-sit virtwali
Tellusfolio. Hija l-moħħ wara inizzjattivi bħal “Poeti, un premio dalle scuole” u ta’ Konkorsi Nazzjonali u Intenazzjonali
tal-Poeżija bħal “Montagna viva” , “Il silenzio della montagna e le voci
del mare” (proġett li sar flimkien mal-Għaqda Poeti Maltin), "Piccolo mondo…antico, presente e
futuro di Valtellina, Valchiavenna e del Canton Grigioni”, u "Ricordi, tradizioni e valori della
gente di montagna della Valtellina e della Valchiavenna". Hija l-editriċi ta’ antoloġiji poetiċi bħal “Poeti Lombardi” e "Donne in
poesia", f’kollaborazzjoni
mad-dar tal-pubblikazzjoni Giulio Perrone. Bħala kittieba ġiet mogħtija rikonoxximent mill-Konkors imniedi
mir-Rai "I
giovani incontrano l'Europa" (1992), mill-Konkors Nazzjonali "Marcello Landi" (2000) u mill-Konkors Letterarju u
Radjufoniku "E il naufragar m'è dolce in questa
radio" (2001). Kisbet it-tielet post fil-Konkors
Nazzjonali “Città di Imola 2004” u fil-Konkors "Il Natale" (2008). Paola Mara De Maestri kisbet merti
oħra f’għadd ta’ konkorsi oħra bejn l-2005 u l-2008.
L-ewwel
ġabra poetika tagħha ġġib l-isem ta’ "Dentro la vita" (2001). Is-sena 2004 ġabet magħha
l-pubblikazzjoni tat-tieni ġabra poetika tagħha "L'amore parla piano", b’disinni tal-pittriċi Spanjola Mari Carmen Mur. Fl-2008 ippubblikat it-tielet ġabra ta’
poeżiji bl-isem ta’ “Il pane del sorriso”, u fl-2010 ħarġet ġabra oħra bl-isem "Aquiloni
d'argento", maħruġ
miċ-Circolo Culturale F/N Morbegnese biex ifakkar il-25 sena ta’ kitba ta’
poeżija min-naħa ta’ De Maestri.
Paola
Mara De Maestri kienet diġà mistiedna speċjali tal-Għaqda Poeti Maltin
fl-2009 fir-Razzett tal-Markiż.
F’din
il-ġabra ġdida tagħha CON GLI OCCHI DEL
CUORE t-tema ewlenija hija l-imħabba. L-imħabba tinftiehem bħala ħolqa li
tgħaqqad lill-poetessa ma’ missierha u ma’ binha, iż-żewġ persuni li lilhom
tiddedika din il-ġabra ta’ poeżiji. Insibu għalhekk anki kuntrasti bħalma huma
l-mewt (ta’ missierha) u t-twelid (ta’ binha Goele), waqtiet ta’ swied il-qalb
u oħrajn ta’ hena u ferħ. CON GLI OCCHI
DEL CUORE tittratta wkoll ir-rabta u sens ta’ kontinwità li jeżistu bejn
l-imgħoddi, il-preżent u l-ġejjieni. Dan il-ktieb għandu daħla kritika minn
Patrick Sammut u tpinġijiet ta’ Hilary Spiteri.
Rapport tas-serata jidher bit-Taljan fil-ħolqa: http://www.tellusfolio.it/index.php?prec=%2Findex.php&cmd=v&id=17605
Din hi poeżija li nqrat mill-poeta Malti Emmanuel Attard Cassar waqt l-istess serata:
http://www.tellusfolio.it/index.php?prec=%2Findex.php&cmd=v&id=17607
Rapport tas-serata jidher bit-Taljan fil-ħolqa: http://www.tellusfolio.it/index.php?prec=%2Findex.php&cmd=v&id=17605
Din hi poeżija li nqrat mill-poeta Malti Emmanuel Attard Cassar waqt l-istess serata:
http://www.tellusfolio.it/index.php?prec=%2Findex.php&cmd=v&id=17607
Fi-ritratti: Il-President tal-Għ.P.M. jindirizza lil dawk preżenti għas-serata; il-qoxra tal-ktieb Con gli occhi del cuore; Patrick Sammut (fin-nofs) jintervista lil Paola Mara De Maestri u Hilary Spiteri.
No comments:
Post a Comment