 |
Il-poeti, kantanti u mużiċisti li pparteċipaw waqt is-serata |
 |
Il-President tal-GħPM, Charles Magro |
Nhar is-Sibt, 31 ta’ Awwissu, l-Għaqda Poeti Maltin tellgħet Lejla ta’ Poeżija u Mużika fil-Ministeru għal Għawdex, fir-Rabat. Is-serata kienet preseduta mill-Ministru għal Għawdex, l-Onor. Anton Refalo. Waqt id-diskors tiegħu l-president tal-Għ.P.M., Charles Magro, qal ukoll li attendenza sabiħa bħal dik tagħmel kuraġġ lill-kumitat bies jerġgħu jittellgħu serati simili fil-ġżira ta’ Għawdex. L-attendenza kienet tajba ħafna u dan seħħ anki bis-saħħa tal-għajnuna tal-kittieb, poeta u rappreżentant għal Għawdex tal-Għaqda Poeti Maltin, Charles Bezzina. Inqraw poeżiji bil-Malti u bl-Ingliż, minn poeti ta’ ġenerazzjonijiet differenti, fosthom ta’ membri onorarji tal-Għ.P.M. bħall-Kelinu Vella Haber, il-Kan. Joe Mejlak, Ġanninu Cremona u l-mibki Marċell Mizzi. Ħadu sehem ukoll il-kantanti Josephine Marie Grima u Rosabel Pavia, il-kitarrist Joe Engerer, u l-flawtista, Charlene Portelli. Waqt is-serata ngħataw ukoll mill-president tal-GħPM plakek ta' tifkira lill-Ministru, lil Charles Bezzina u lill-kantanti u mużicisti li pparteċipaw. Il-kittieb u poeta Għawdxi Charles Bezzina ta lill-Ministru għal Għawdex għadd ta’ kotba minn tiegħu bħala tifkira tal-okkażjoni. Mexxiet il-Lejla, Miriam Ellul. Wara kien hemm ukoll riċeviment żgħir.
 |
Il-pubbliku li attenda għas-serata, inkluż l-Onor. Ministru għal Għawdex, Anton Refalo |
No comments:
Post a Comment