L-istaġun
tal-festi jinsab riesaq lejn it-tmiem tiegħu.
Naħseb li kellna għadd sabiħ ta’ festi li tgawdew sew mill-poplu
tagħna. Jidher li niesna għadha tħobb u
tgħożż il-festi għax dawn jipprovdu okkażjoni biex il-familja tiltaqa’ madwar
mejda waħda, jiġu fostna ħutna l-emigranti, il-kummerċ jiġġenera xi ftit iktar
mis-soltu u l-ferħ jaħkem ma’ kullimkien.
Il-festi kkuluriti tagħna jinteressaw ukoll lill-barranin li jiġu
jżuruna matul is-sajf u jipprovdu divertiment ieħor barra l-baħar nadif u
ċar. It-treqat jilbsu l-libsa tal-festa
u fil-knisja ma jonqsux il-funzjonijiet sbieħ, mużika melodjuża, tiżjin u mixegħla
u priedki fuq il-patrun jew il-patruna.
F’xi nħawi jsiru wkoll xi wirjiet kif ukoll it-tlielaq tal-bhejjem. In-noti ferrieħa tal-qniepen ukoll jgħinu f’din
l-atmosfera sabiħa flimkien mal-logħob tan-nar tal-art u tal-ajru.
Intant waħda
mill-festi sbieħ li tfeġġ lejn tmiem il-Kalendarju tal-festi hija bla dubju ta’
xejn il-festa ħelwa tal-Bambina, it-twelid tal-Verġni Mbierka, magħrufa wkoll
fostna bħala l-festa tal-Vitorja. ‘Tal-aħħar
ibaħħar’, jgħid il-Malti u allura niesna tiffolla biex tgawdi din il-festa li
nistgħu ngħidu ġġib fi tmiemu l-istaġun tal-festi. Mhux darba u tnejn li t-temp ikun beda
jħawwad xi ftit, imma insomma xi ftit tas-sirda tagħmel tajjeb biex ittaffi
s-sħana tal-marċijiet u x-xorb li niesna tlegleg biex tiffessteġġja
lill-patrun. Il-festa tal-Bambina
titfakkar kemm fix-Xagħra Għawdex kif ukoll f’xi nħawi ta’ Malta u jien illum
beħsiebni nikteb xi ftit versi fl-okkażjoni tal-festa tal-Bambina fil-Mellieħa,
billi dan huwa l-lokal l-iktar qrib tagħna.
Nistqarr is-sewwa ma nistax ngħid li għandi xi partita ħbieb hawnhekk
imma bla dubju għamilt żmien ngħaddi minn hawnhekk kemm domt nistudja għall-għalliem
f’St Michael’s Training College f’Ta’ Ġiorni f’San Ġiljan u hawn għad għandi xi
żewġt iħbieb li konna għalliema flimkien.
Naf ukoll xi Għawdxin li jaħdmu fl-iskola primarja tar-raħal. Ma rridx inħalli barra lill-ħabib tiegħi,
Alla jagħtih mitt Ġenna, il-kantawtur Sammy Bartolo, li għolla kemm felaħ lill-
isem dan raħal twelidu. Insellem ukoll
lil dawk kollha li jsegwu minn hawnhekk ta’ kull nhar ta’ Erbgħa filgħaxija
l-programm li jien nippreżenta fuq Calypso Radio.
Taqblu miegħi li l-festa
tal-Bambina hija festa kbira u ferm popolari.
Sant Anna u San Gwakkin, li fil-bajja pittoreska tad-Dwejra, taħt ir-riħ
ir-raħal ta’ San Lawrenz, insibu
daqsxejn ta’ kappella ddedikata lil omm il-Madonna, naħseb li kienu l-iktar
ġenituri xxurtjati li taw lid-dinja lil dik il-kejatura li kellha ssir Omm
il-Feddej. Il-festa tal-Bambina tfakkarna wkoll fiż-żewġ Assedji li minnhom
għaddiet Malta u allura bid-dritt kollu din il-festa hija mlaqqma wkoll bħala
l-Festa tal-Vitorja għaliex kien fit-twelid tal-Bambina, fit-8 ta’ Settembru
1565 li l-Maltin flimkien mal-Kavallieri marru jroddu ħajr lil Ommna Marija
wara li raw jgħibu fuq l-orizzont l-aħħar ġfien tal-Mislem illi kieku seta’
kien ijassarna u jġibna fix-xejn. Kien
ukoll fit-8 ta’ Settembru li kien ġie ffirmat l-armistizju biex tintemm
it-tieni gwerrra (1939-45), wara li pajjiżna kien ġie bbumbardjat u mfarrak
mill-bombi tal-Alleati. U allura bi
dritt kollu din hija btala pubblika. Ħalli nħallu xi ftit mill-Muża tiegħi tagħmel
hawnhekk il-parti tagħha għax ibqgħu ċerti mhux wieħed u tnejn kitbu fuq
il-festa u dak kollu li nsibu marbut magħha kif fil-fatt se naraw ukoll iktar
‘il quddiem f’din il-kitba qasira tiegħi.
L-istaġun tal-festi tagħna
issa riesaq lejn it-tmiem;
festa ġejja u oħra sejra
kif itir malajr iż-żmien!
U wasalna f’tal-Mellieħa
fejn infakkru lill-Bambina --
Il-Madonna tal-Vittorji
li maż-żmien riedet tagħtina.
Kien fit-8 ta’ Settembru
li l-Mislem ħalla xtutna
wara l’għamel ħiltu kollha
sabiex jeqirdilna ‘l ruħna!
Maż-żmien tfaċċaw l-Alleati
li tefgħu bombi bi sħiħ;
ħasdu l-ħajja ta’ tant ħutna
u żergħu qerda qatigħ.
Tieħu ħsiebna kien hemm dejjem
dil-ħelwa ċkejkna Bambina
li mal-medda tas-snin kollha
mis-Smewwiet baqgħet tħarisna.
O Bambina lill-Mellieħa
la titlaqx minn taħt idejk;
lil uliedha seddaq, bierek,
żommhom taħt ħarset għajnejk. -- jma
Kif stqarrejt
iktar ‘l fuq, il-festa tal-Otto Settembre hija wisq kbira u għandha sinjifikat
ferm qawwi fin-nisġa tal-istorja ta’ pajjiżna u allura ma setgħetx tiżgiċċa
mill-attenzjoni tal-kittieba tagħna u sabet postha fil-Letteratura tagħna. Marbuta mal-Assedju l-Kbir, nsibu bosta
poeżiji sbieħ li jmorru lura u jiftħu tieqa fuq dak kollu li għadda minnhom
il-poplu Malti meta l-qawwa Torka riedet akkost ta’ kollox teħodna taħt idejha. Isimgħu lill-Poeta Nazzjonali tagħna,
Monsinjur Dun Karm Psaila f’waħda mill-poeżiji patrijottiċi li kiteb biex
ifakkar din il-ġrajja mbiegħda.
Il-poeżija jisimha Dehra tat-V111
ta’ Settembru 1565
Sidru ta’ ljun, ħarstu bin-nar mimlija,
bix-xabla f’idu li ma tafx mistrieħ,
hemm rajtu, fuq il-Prexxa, fl-ewwel dija
lill-qawwi La Vallette; ma’ dwaru sbieħ
fil-ħerba tagħhom siekta qalb id-dmija
rajt idaħħnu l-iswar; u smajt ferrieħ
leħen ta’ qniepen f’mota dewwemija
jagħti l-aħbar tar-rebħ mal-erba’ rjieħ;
imbagħ’d kotra ta’ nies hienja fil-ħsara
tħares mix-xtut, u qlugħ donnhom maħruba
jitbiegħdu fuq il-mewġ biex jieħdu l-bxara.
Oh dehra kbira ta’ Settembru! Ejja
ġdida kull sena fuq din l-art maħbuba ,
u feh’mha kif għar-rebħ għandha tithejja.
Dun Karm ma
kitebx biss fuq dan l-episodju mdemmi ta’ mijiet ta’ snin ilu imma jitkellem
ukoll dwar it-tieni Assedju, din id-darba dak li kellna nġarrbu kemm mill-baħar
kif ukoll mill-ajru bejn is-snin 1939 u 1945.
Kien fit-8 ta’ Settembru wkoll li dawn il-gżejjer raw ifeġġu fuqna jiem
ta’ paċi wara tant ħerba u mwiet. Imma
sakemm wasalna fil-port tas-sliem, kellna naraw tant fuq wiċċna. Wieħed mill-episodji tal-biża’ li kelhom
jaraw niesna u uliedhom kien l-attakk feroċi li sar fuq il-Port il-Kbir minn
għadd ta’ laneċ tal-għedewwa, imma ħalli mill-ġdid inħallu f’idejn il-Poeta
Nazzjonali biex ifissrilna x’ġara sew f’dawk il-ftit sigħat tal-biża’,
fil-poeżija tiegħu E-Boats.
Sbatax-il waħda ġew, minn art imgħaddba,
Ħfief fuq il-mewġa bħal għasafar fl-ajru,
Mgħammra b’għodda qerrieda biex l-imriekeb
Li ġiebu l-ħajja lill-Maltin itajru.
Ġew fil-qalba tal-lejl, biex ikun wenshom
Id-dlam li ma jarax; bid-deh’n tal-ħjiena
Resqu bla ħoss lejn fomm il-port u kiefra
Rażżnu ġo qalbhom kull tqanqil ta’ ħniena.
U x’naf xi
ħadd li mtamma kien imexxi
Il-miġfna ċkejkna għala rebħa kbira,
Kienx beda jfantas ta’ ġieħ kbir il-għelma
U ta’ hena bla tarf ġarrabx tferfira.
Iżd’għarriexa fid-dlam kien hemm moħbija
L-imħabba għajjura ta’ din l-art ħanina;
Hi rat u semgħet u tħejjiet imħeġġa
Għal taqbida bla nifs, tajba u ħażina.
Ingħata l-amar; minn kull borġ imwettaq
Infetħu ħluq tan-nar , u nebħu sewwa;
L-ajru mtela twerdin, damdim li jtarrax,
U xita tal-azzar ġiet fuq l-għedewwa.
Damet sejra t-taqbida, għax qalbiena
Kienu ż-żgħażagħ li ġew għall-qirda tagħna;
Iżda Malta ma nsietx id-drawwa tagħha;
Tiġġieled, tirbaħ u bil-ġieħ tistagħna.
Sbatax-il waħda ġew, sbatax-il waħda
Sabu qabarhom fuq ix-xtut tal-gżira;
Anqas waħda ma reġgħet lejn pajjiżha
Biex tgħid il-għajb ta’ din it-telfa kbira.
Minn dan
ix-xogħol bla dubju joħroġ il-kuraġġ u d-determinazzjoni tal-poplu tagħna matul
il-jiem imwiegħra tal-gwerra imma mill-banda l-oħra dan ma jistax ikun mod
ieħor la darba l-Bambina hija dejjem magħna.
Lejha l-poplu tagħna dejjem irrikorra u ittama biex teħilsu minn kull
mard, saram, niket, pesta, terremoti u gwaj ieħor. U allura ma nistgħux ma nħarsuhx dan il-Jum
tat-8 ta’ Settembru u nistennewh b’ħerqa kbira.
Din il-festa ma tistax ma tispikkax fost ħutha l-festi l-oħra għax ma
hix biss il-festa tax-Xagħrin, tan-Naxxarin, tas-Sengleani jew tal-Melliħin,
imma hija l-festa ta’ poplu sħiħ li mal-medda tas-snin għadda minn bosta gwerer
u tbatijiet, imma l-Bambina kienet dejjem hemm, sur qawwi u nvinċibbli. Lilha nbnewlha
tempji mill-isbaħ li fihom issaltan l-istatwa artistika tal-Bambina li toħroġ
ferħana fuq l-ispallejn f’jum il-festa fost l-isparar, iċ-ċapċip, id-daqq
tal-banda u l-logħob tan-nar.
Dan kollu sabiħ u
ta’ min jinkorraġġih; importanti wkoll
il-preżenza tagħna fil-knisja għal tant funzjonjiet sbieħ li jsiru ad unur
Ommna Marija fit-twelid tagħha. Nifirħu
għalenija fil-jiem tal-festa imma ħbieb nibqgħu qrib tagħha l-jiem kollha
tas-sena meta llum d-dinja tagħna qed tinħakem minn tant Materjaliżmu u Konsumiżmu. L-Ewropa bil-progress kollu tagħha donnha qed
taħseb li tgħaddi mingħajr Alla, iżda fejn Alla ngħata l-ġenb saltan il-kaos u
l-firda. Bosta drabi hija l-Omm tiegħu
li żżommlu driegħu biex ma jikkastiganiex, u allura ejjew ħbieb infittxu l-kenn
tal-Bambina biex tissokta tressaqna lejn l-Imgħallem Divin.
Jien se ntemm din
il-kitba tiegħi fl-okkażjoni tal-festa tat-Twelid tal-Verġni Mbierka għand
il-ġara taghna l-Mellieħa billi mill-ġdid nissellef il-versi tal-Poeta Dun Karm
Psaila li nsibu fis-sunett tiegħu Talba
lill-Bambina Marija:-
Issa l-waqt; la tinsiex, Ommna Marija,
Li dejjem Int ħarist lill-gżejjer tagħna;
Jekk ġradi u mard, jekk theżhiżiet qawwija,
Lilek sejjaħna u dejjem sibniek magħna.
U meta l-Mislem mgħaddab fil-ħruxija
Hejja miġfna bin-nar u n-nies setgħana,
U ħaxken lil din l-art fix-xogħ’l medhija,
U ħalef bil-Qoran li jrid jiblagħna,
Lilek sejjaħna – tixhdu l-isbaħ Storja –
U int weġibt hekk ħelu li għalina
It-twelid tiegħek sar igħid “Vittorja”.
Għalhekk dan issa l-waqt: tinsiex, Madonna;
Kif kont fl-imgħoddi kun illum ħanina,
Jekk trid li nibqgħu tiegħek bħalma konna.
No comments:
Post a Comment