L-Għaqda Poeti Maltin nhar il-Ġimgħa 15 ta’ Novembru 2013 fis-7pm tellgħet
Lejla ta’ Poeżija, din id-darba f’Dar il-Mediterran waqt il-Festival tal-Ktieb
ta’ din is-sena. Waqt l-istess serata
ġie mniedi l-ewwel ktieb ta’ poeżiji ta’ Jonathan Balzan, maratoneta magħruf u
membru tal-istess Għ.P.M. Din l-ewwel ġabra tiegħu jisimha IRDIEDEN u tiġbor
fiha mal-mitt poeżija. It-tematika hija varjata u l-għażla tal-istil hija fuq
kollox moderna. Il-lejla bdiet billi xi membri tal-Gh.P.M. u nies interessati
oħra qraw versi minn tagħhom b’ilsna differenti. Inqrat ukoll poeżija bl-Għarbi
minn persuna li għoġobha tingħaqad magħna. It-tieni parti tal-lejla kkonċentrat
fuq Jonathan Balzan u IRDIEDEN. Patrick Sammut, viċi president tal-Għ.P.M.,
mexxa l-lejla u intervista lill-poeta dwar numru ta’ aspetti differenti
marbutin ma’ ħajtu u l-kitba tiegħu. Balzan ingħata l-opportunità li jaqra numru sabiħ ta’ poeżiji
mill-antoloġija ġdida tiegħu. Wara kien hemm ħin għal dawk preżenti biex jixtru
kopja ta’ IRDIEDEN iffirmata mill-poeta stess. Kienet ħaġa apprezzata tassew li
waqt il-lejla kien hemm preżenti anki membri tal-Għaqda tal-Malti (Università). Ta’ min jgħid li waqt il-Festival
tal-Ktieb l-Għaqda Poeti Maltin kellha wkoll stand b’ritratti u
pubblikazzjonijiet tagħha u tal-membri tagħha. Kull min jixtieq jikkuntattjana
jista’ juża l-email ghaqdapoetimaltin@hotmail.com Is-sit tagħna hu www.ghpm.blogspot.com. Issibna wkoll fuq Facebook.
Patrick Sammut jintervista lill-mistieden speċjali, Jonathan Balzan.
Uħud minn dawk li għoġobhom jattendu għal-Lejla ta' Poeżija.
Parti mill-pubbliku li attenda għas-serata.
Jonathan Balzan jitkellem dwar il-ġabra ta' poeżiji ġdida tiegħu, IRDIEDEN.
No comments:
Post a Comment