Ġanninu Cremona twieled fir-Rabat Għawdex fl-1926. Għallem f’diversi skejjel primarji ta’ Malta u Għawdex u kien ukoll surmast tal-Malti u tal-Istorja fil-Liċeo tar-Rabat Għawdex. Ħadem għal bosta snin fl-Oratorju Dun Bosco, fl-Azzjoni Kattolika, u anki fi ħdan is-Soċjetà Leone. Kiteb numru mdaqqas ta’ xogħlijiet għall-palk li bosta minnhom dehru fit-Teatru Aurora, fl-Oratorju Don Bosco u fl-Azzjoni Kattolika. Hu wkoll kittieb ta’ poeżiji u awtur tal-ġabriet poetiċi Warda Sbejħa tar-Rebbiegħa (1998) u Weraq tar-Rand (2006). Illum hu membru onorarju tal-Għaqda Poeti Maltin.
1.
Meta u
fejn twelidt? X’tifkiriet għandek tal-jiem bikrija ta’ ħajtek?
Jiena twelidt
fit-28 ta’ Diċembru 1926, fir-Rabat Għawdex. Fil-jiem bikrin ta’ ħajti niftakar
fis-snin tat-Tieni Gwerra Dinjija 1939-1945. Għalkemm Għawdex ma kienx milqut
bħal Malta mill-bombi, kien milqut ukoll mill-ġuh u mill-biża’. Eluf ta’
refuġjati Maltin ġew Għawdex u l-Għawdxin laqgħuhom ġo djarhom. Dak iż-żmien
kont immur l-iskola sekondarja u nofs l-għalliema u nofs it-tfal fil-klassijiet
kienu Maltin.
Tifkiriet sbieħ
għandi wkoll, speċjalment bħala tifel tal-Oratorju Dun Bosco. Kont dilettant
tal-palk bħala attur u ktibt bosta xogħlijiet għall-palk. Kont ukoll player
tal-futbol mat-tim tal-Oratorju. Barra minn hekk kelli u għad għandi d-delizzju
tas-sajd u tal-kaċċa.
2. Illum
inti irtirat. F’liema postijiet ħdimt fl-imgħoddi u
liema xogħol kien
l-aktar għal
qalbek?
Fl-1948 dħalt
għal sena f’St. Michael’s Training College u bdejt ngħallem bħala għalliem
fl-iskola primarja tal-Ħamrun. Wara ħames snin għamilt transfer għal Għawdex.
Għallimt fl-iskejjel tan-Nadur, Ta’ Sannat u tar-Rabat u għamilt l-aħħar seba’
snin fl-iskola sekondarja tas-subien ngħallem il-Malti u l-istorja. It-tagħlim
kien dejjem għal qalbi imma żgur li l-aħħar seba’ snin li kont ngħallem
il-Malti u l-istorja ta’ Malta u tal-Ewropa kienu l-aktar impenjattivi u li
tawni l-aktar sodisfazzjon.
3
X’jagħmel Ganninu
Cremona illum fil-ħin ħieles
tiegħu,
apparti l-kitba?
Illum fl-età
avvanzata tiegħi ma tantx nista’ nagħmel xogħol. Minn barra li ngħaddi ħafna
ħin fil-qari, qiegħed ukoll nikteb sensiela ta’ radio-plays qosra biex
jixxandru fuq ir-radju tal-komunità, li kull parroċċa f’Għawdex għandha wieħed. Jiena ilni
għal bosta snin, wara li rtirajt mix-xogħol, membru u viċi-president
tad-Direttorju tal-Azzjoni Kattolika. Sa ftit snin ilu kont nieħu ħsieb
l-attivitajiet tal-palk billi nikteb u nipproduċi drammi u plays rikreattivi u
kulturali. Jiena nieħu ħsieb il-kċina tad-dar tiegħi billi nixtri dak kollu li
jkun hemm bżonn u nsajjar.
- Għalik il-kitba tal-poeżija ssir biss f’waqtiet ta’ kriżi u ta’ wġiegħ? Liema huma l-waqtiet li fihom tikteb l-aktar il-poeżija?
Le. Il-poeżia
tiegħi ma niktibhiex f’waqtiet ta’ kriżi u ta’ wġiegħ. Jekk fit-tieni ktieb
tiegħi għandi xi poeżiji li ktibt f’mumenti ta’ wġiegħ, bħall-mewt ta’ xi
membru tal-familja, dan għamiltu bħala sinjal ta’ rispett u mħabba.
Il-poeżija tiegħi
hija poeżija tal-burdati. Imma nistqarr li l-ewwel ispirazzjoni li ġagħlitni
nikteb u nkompli fit-triq tal-għana, kienet il-Madonna. Il-parroċċa tiegħi,
il-Katidral ta’ Għawdex, hija ddedikata lil Santa Marija u kien fl-entużjażmu
li ħassejt fil-festa tagħha fil-15
t’Awwissu tal-1947 li jiena ppubblikajt l-ewwel poeżija tiegħi. Minn dakinhar
sal-lum ktibt madwar 50 poeżija b’tifħir
lill-Madonna. Waqtiet oħra li l-aktar nebbħuni biex nikteb il-poeżija huma
l-ġmiel tan-natura u s-skiet. Jiena ngħix f’nostalġija kontinwa għall-ħajja
oriġinali ta’ tfuliti. M’inix kontra l-progress, imma jinkwetani ħafna meta dak
li ħolqot in-natura jiġi mbiċċer u sfigurat minn id il-bniedem. Ħares lejn
ix-Xlendi ta’ dari u x-Xlendi tal-lum. Isem biss għad fadallu.
5. Għaliex tikteb
il-poeżija?
Temmen li tista’ tbiddel xi ħaġa
fid-dinja tal-lum?
Id-Dinja tal-lum
hija dinja ardita. Ma naħsibx li l-poeżija tista’ tbiddel xi ħaġa, imma tista’
tibqa’ tfakkarna f’dawk il-valuri sbieħ li tant kienu jgħożżu missirijietna u
llum intilfu.
6. X’qed isir u x’jista’ jsir
biex leħen
il-poeti Għawdxin
jissemma iktar?
Il-leħen
tal-Għawdxin minn dejjem kien u għadu leħen dgħajjef. Dgħajjef mhux fis-sens
ta’ kwalità jew livell ta’ kitba, għaliex il-poeżija ta’ Ġorġ
Pisani, ta’ Mary Meylak u oħrajn tal-lum m'huma xejn anqas minn ta’ poeti
Maltin. Ir-raġuni hi li Għawdex hu żghir u l-poeżija tal-poeti tagħna aktarx li
tibqa’ ddur biss mall-gżira tagħna. F’Għawdex m’għandniex dawk
l-opportunitajiet ta’ pubbliċità u mezzi ta’ xandir li hemm f’Malta. L-Għaqda Poeti
Maltin qed tgħin ħafna biex il-poezija tagħna jkollha aktar pubbliċità.
7. Temmen
li hemm rabta qawwija bejn il-ħajja tal-poeta u l-kontenut tal-versi tiegħu?
Jien hekk għandi
naħseb. Jekk nevalwa l-versi ta’ Ġorġ
Pisani u ta’ Mary Meylak, m’għandix dubju li hemm rabta qawwija bejn il-ħajja
tagħhom u l-versi li kitbu. Dan nista’ ngħidu wkoll, skont il-biografija
tagħhom, għal Rużar Briffa, u Dun Karm Psaila. Jiena, fid-daħla tal-ktieb
tiegħi ‘Weraq tar-Rand’ dan li ktibt, li l-poeżija tiegħi hija ritratt tiegħi,
espressjoni tal-ħajja bl-emozzjonijiet, twemmin u karattru tiegħi.
8. Kemm huma importanti Għawdex fil-poeżija tiegħek? Għall-artist
u poeta tħoss li
dan hu spazju li jillimita lil dak li jkun jew le?
Għawdex dejjem
kien u għadu l-gżira li tispirani għall-poeżija. Din se ddum hekk sakemm xi
ħadd ifettillu jgħaqqad b’xi mod lil Għawdex ma’ Malta. Imbagħad isem biss
jibqagħlu. Fil-poeżija tiegħi lil Għawdex ktibt dan ;
‘Tbiddilx
qoxortok biex tingħad b’modern
Jew ilsien ġensek
biex jinħass sabih
Ibqa’ dak Għawdex
ta’ dari kif kont,
gżira magħrufa
għas-sliem u l-mistrieħ’.
L-ispazju żgħir
ta’ Għawdex mhux biss ma jillimitax lill-artist jew lill-poeta, imma jixgħel
l-immaġinazzjoni tagħhom. Għawdex huwa kartolina li b’daqqa t’għajn tara
s-sbuħija kollha tiegħu. Ħafna poeti u artisti ħarsu lejn Għawdex bħala l-gżira
ideali biex jesprimu l-immaġinazzjoni tagħhom. Anke l-istorja ta’ Għawdex minn
żmien il-ħaġar sal-ġurnata tal-lum kienet l-ispirazzjoni għall-poeti u
l-artisti. Ġorġ Pisani kiteb dwar il-Ġgantija ta’ Għawdex, u jien ktibt il-Ballata tal-Assedju ta’ Għawdex 1551.
Din il-ballata hi l-isbaħ biċċa xogħol letterarja tiegħi. Jiena tajt stampa ċara
ta’ dik il-ġrajja storika u doloruża li Għawdex sofra taht il-qilla tan-nofs
qamar. Tajt stampa ċara tac-Cittadella fejn seħħet il-ġrajja. Illum
ic-Cittadella hija attrazzjoni ewlenija li joffri Għawdex lil kull min iżuru.
Hi monument dejjiemi li jolqot l-immaġinazzjoni tal-istoriċi, tal-poeti,
tal-artisti u tal-arkeologi ta’ kull nazzjon.
10. Xi
rwol għandhom
fit-tixrid tal-poeżija l-Għaqdiet u
l-mezzi tax-xandir? Qed jaqdu dmirhom sewwa?
L-għaqdiet u
l-mezzi tax-xandir għandhom rwol importanti ħafna. L-Għaqda Poeti Maltin qed
tagħmel kull ma tista’ biex tkabbar l-interess fil-poeżija f’Malta u Għawdex.
Din il-ħidma qed tkun suċċess mhux biss għall-poeti biex aktar jitħajru jiktbu,
imma anki għal dawk li jħobbu jaqraw jew jisimgħu l-poeżiji. Dan jidher
mill-attendenza li jkun hemm għal kull attività. Imma ma
nistax ngħid li l-mezzi tax-xandir qed jaqdu dmirhom sewwa. Sew ix-xandir u sew
il-gazzetti jagħtu ħafna spazju u ħafna importanza lill-programmi ta’
divertiment, imma ftit jew xejn lill-poeżija u l-letteratura. Il-qawl Malti
jgħid li ‘L-għajta nofs il-biegħ’ u għalhekk tajjeb li jsir studju kif
il-poeżija jista’ jkollha aktar leħen fil-mass-media.
No comments:
Post a Comment