Sunday, June 09, 2013

Poeżija għal Jum il-Missier

F’Jum il-Missier

F’dan il-Jum fix-xahar ta’ Gunju
Missier aħna nduru lejk
Biex nuruk l-istima tagħna
Xi ftit iktar niġu ħdejk.

Jixraq li matul is-sena
Lil Missier irroddu ġieħ
Huwa t-tmun minn tal-familja
Kull għajnuna nsibu fih.

Sa minn kmieni huwa jbakkar
Jaqla’ l-ħobża ta’ kuljum
Għall-imħabba ta’ uliedu
Jagħmel dan kemm ħaj idum.

Xieraq illi f’dil-ġurnata
Rigal ċkejken aħna ntuk
Mill-qalb ħiereġ f’din il-għodwa
Imħabbitna b’hekk nuruk.

Dil-ġurnata ukoll tiġi
Biex insellmu lill-Missier
Illi llum telaq, ħalliena,
Seta’ kien f’saħħtu daqs plier!

Għax il-Mewt ma għandhiex ħniena
Tagħha l-minġell jaqta’ sew –
Fqar u għonja ġew u marru
Dan is-snin dejjem urew.

Jekk l-omm hija l-kolonna
Illi tirfed il-familja
Fil-missier żgur l-ulied kollha
Ta’ kull qawwa jsibu l-milja.

Nirringrazzjawk , għażiż Missier
Ilqa’ tagħna l-ħajr sinċier.

Kav Joe M Attard
11-V1-2000


No comments: