Jekk l-Imgħallem Divin kellu jara
Passjoni sħiħa sakemm ruħu nfirdet minn ġismu wara tliet sigħat ta’ agunija fuq
għuda ta’ salib imsammar u mgħolli bejn żewġ
ħallelin, xejn inqas ma batiet Ommu Marija tishar u tara lil Binha bla
ma tista’ tagħmillu xejn.
Anzi forsi nistgħu ngħidu li jekk
it-tbatija ta’ Ġesù bdiet mat-tlett snin tal-ħajja pubblika tiegħu
fuq din l-art u laħqet il-quċċata
tagħha mal-kelmiet “Consumatum Est” – Kollox Mitmum – dik ta’ Marija kellha
l-bidu tagħha ferm u ferm qabel. Għalhekk ma niskantawx li din l-Omm tagħna ngħatawlha
daqstant ismijiet għad-duluri li kellha tara .
Forsi għalina tas-Seklu Wieħed u
Għoxrin, l-isbaħ isem li nistgħu nagħtu
lil Marija huwa “Salus Infirmorum” – Saħħa tal-Morda” – u dan bir-raġun, għaliex il-bniedem ta’ żmienna huwa marid sewwa. Iżda għalkemm ninsabu mdawrin b’tant tobba, ħadd
minnhom għadu ma sab tarf din il-marda li ma hix waħda ekonomika bħalma jaħsbu ħafna.
Lanqas ma hi waħda soċjali inkella politika, bħalma jemmnu xi wħud. Il-bniedem modern huwa marid b’marda ferm
iktar fonda u serja milli juru dawn is-sintomi li għadna kemm semmejna.
Għalkemm jidher li l-bniedem ma
jonqsu xejn, u sab tarf ta’ kollox, għal kuntrarju huwa jonqsu l-aqwa ħaġa. Il-bniedem
fil-fond ta’ qalbu, jixtieq isib is-sigriet tal-vera paċi u tal-veru ferħ. Il-bniedem jixtieq jaf il-verita’ u għandu għatx
kbir għal dak kollu li hu sabiħ.
Il-bniedem ta’ żmienna jixtieq isib lil Alla li huwa l-għajn ta’ kull
grazzja u ġid.
Jekk aħna ma ninżgħux il-bniedem
il-qadim u nilbsu l-bnidem il-ġdid, m’aħniex sa naslu biex niltaqgħu mal-Feddej
tagħna. Il-mediċina tal-vera paċi tahielna darba dak li llum huwa
msejjaħ Missier ir-Relattivita’; il-bniedem li ħoloq il-bomba atomika. Il-Professur Albert Einstein qal li
l-problema li qed iħabbat wiċċu magħha l-bniedem modern ma hix dik tax-xjenza,
iżda kif sa jirnexxilu dan il-bniedem ibiddel moħħu u qalbu. Dak li ġie biex
jagħmel il-Battista; dak li ġie biex jagħmel
Kristu nnifsu; dak hu li rnexxielu jagħmel
l-ewwel Papa, San Pietru, meta mibdul kif kien, wara li niżel l-Ispirtu s-Santu
fuq l-Appostli, ħareġ minn ġewwa ċ-Ċenaklu u għamel l-ewwel priedka tiegħu u
kkonverta eluf ta’ nies.
L-Omm tagħna Marija mhux forsi
l-istess qed titlob minna! Hija tixtieq
tarana ninbidlu kompletament biex inkunu nistgħu nogħġbu lil Binha. Fid-dehriet tagħha ġewwa Pariġi fi Franza
fl-l830 lil Katerina Laboure’; ġewwa La Salette lil dawk it-tfal; ġewwa
l-grotta ta’ Massabielle f’Lourdes fis-sena l858; f’Pontmain l2-il sena wara u
issa wkoll fis-seklu li għadu kemm ħalliena ġewwa l-Portugal – mhux l-istess ħwejjeġ
dejjem talbet il-Verġni Mbierka!
Din l-istess Mara kellha wkoll iġġarrab
duluri l-iktar kbar u profondi meta kienet għadha tgħix bejn l-erba’ ħitan ta’
darha flimkien ma’ Ġesù u l-mastrudaxxa Gużeppi, l-għarus kastissimu tagħha u
l-Missier Putativ ta’ Ġesù. Sebgħa
duluri kellha ġġarrab li fnewha sa l-aħħar.
Dawn id-duluri kienu ta’ tliet xorta;
Marija sofriet fil-ħsieb tagħha għaliex kienet dejjem tistenna l-agħar li għandu jiġi.
Li tgħix f’tensjoni kontinwa hi
xi ħaġa li tista’ twassal għal ġenn, li therri n-nervi, li tkisser u ġġib
fix-xejn il-qlub anke ta’ l-iprem azzar. Marija, imbagħad, sofriet fil-qalb tagħha
għax kellha mħabba perfetta lejn binha Ġesù. It-tama tagħha kienet kollha fih; għaliha dan binha, kien l-alfa u l-omega,
il-bidu u t-tmiem ta’ kollox. Marija
sofriet ukoll fir-ruħ u r-rieda tagħha, għaliex hija kienet marbuta ħaġa waħda
mal-volonta ta’ Alla. Il-fiduċja tagħha
kienet biss fih u ma setgħet issib l-ebda faraġ fil-bnedmin, huma min huma.
Jeħtieġ li aħna naħsbu ta’ spiss
fuq it-tbatijiet tagħha ħalli jkollna s-sabar u nsibu l-faraġ u l-hena
fit-tbatijiet tagħna. Induru lejha
fis-siegħa tat-tiġrib u tad-dwejjaq tagħna għaliex żgur li ħadd daqsha ma
jista’ jifhimna u jagħdirna, hi li għaddiet
“O Madonna tad-Duluri
Mhux il-ward
Jien fittixt ħa nsebbaħ darek
U nfewwaħlek lil altarek,
Imma x-xewk minn qalb ix-xagħri
U l-għollieq marrad, musfari,
O Madonna tad-Duluri,
Dana biss.
O Madonna tad-Duluri
L-oħrajn ġew
U bid-deheb għammru lil darek,
U bil-ħaġar sawwru altarek –
Jiena biss kont il-barrani,
Mingħajr ward u deheb il-għani,
Jiena biss!
O Madonna tad-Duluri
Ma stmerrejtx
Int l-imnikket ġewwa darek,
“Mma tbissimt minn fuq altarek,
Kollok ħlewwa, kollok ħniena,
Serraħt int lill-qalb għajjiena,
Inti biss!”
Bir-raġun immela, fi tmiem il-purċissjoni
tal-Gimgħa l-Kbira, insibu tiddomina l-istatwa simpatika tad-Duluri, għaliex
hija din l-Omm Imnikkta li torbot kollox; hija din l-Omm li ġarrbet waħidha
t-tbatijiet ħorox ta’ Binha, seba’ duluri li raw il-bidu tagħhom ma’ għeluq
l-erbgħin jum mit-twelid taċ-ċkejken Ġesù sal-mewt u d-difna ta’ Kristu f’qabar
li mank biss kien tiegħu.
Fil-ġżira Għawdxija, matul il-ġimgħa
tad-Duluri, jsiru iktar minn purċissjoni waħda bl-istatwa ta’ l-Addolorata,
xhieda sħiħa f’din l-Omm Imnikkta. Fil-belt
Victoria toħroġ waħda mill-knisja
qadima ta’ San Gakbu fejn insibu statwa tassew devota tagħha. F’din il-purċissjoni
jieħu sehem l-Isqof Djoċesan u l-Fratellanza antika tad-Duluri flimkien ma’ għadd
kbir ta’ nsara, ħafna minnhom mexjin ħafjin, sinjal ta’penitenza inkella b’riżultat
ta’ grazzji maqlugħa. Fix-Xewkija mbagħad,
din il-Purċissjoni tieħu s-sura ta’ Pageant, bid-daqq tal-banda, u tiġbed nies minn kull rokna tal-gżira
tagħna.
Il-Ġiżwita Raoul Plus, fil-ktieb tiegħu “Mary,
our Soul Life”, jirrakkonta leġġenda dwar it-Tmien Dulur tal-Madonna. Huwa jgħid li kien hemm raġel żagħżugħ li
kellu drawwa li jżur id-Duluri kuljum.
Darba fost l-oħrajn, disgrazzjatament, kien jinsab fid-dnub
il-mejjet. Meta bħas-soltu mar iżur
lill-Addolorata, ħa l-qatgħa ta’ ħajtu – lemaħ stallett ieħor f’sider Marija
biswit is-sebgħa l-oħra. Bilġri mar
jistqarr ħtijietu fi ħdan il-konfessur.
Kbir kien il-ferħ tiegħu meta reġa’ lura f’riġlejn il-Madonna u sab li
dak it-Tmien Dulur kien għeb.
Din hija biss storja iżda kemm għandha
messaġġ qawwi għalina l-insara tas-Seklu 21!
Għandna nagħmlu minn kollox biex lil din l-Omm tagħna mhux biss ma nżidulhiex
mad-duluri tagħha, iżda nagħmlu ħilitna biex dawk li għandha nnaqsuhomlha jew ta’ linqas intaffuhomlha
mill-aħjar li nistgħu.
Nixtieq għalhekk nagħlaq din
il-kitba billi nissellef xi ftit mill-vrus tal-poeta Rużar Briffa li huwa kiteb
fl-l957 fil-poeżija tiegħu “Mater Dolorosa”, biċċa xogħol li tiddeskrivi t-triq
imwiegħra li kellha tterraq Marija wara Binha sakemm ratu arbulat fuq salib ta’
l-għuda f’agunija l-aktar ħarxa:
“Fil-ħemda ta’ ġnejna mudlama
Taħt kenna ta’ xwejħa żebbuġa
Qed togħtor, bil-għaja miksura
Il-qalb minn ta’ bniedem mifluġa.
Kemm bogħod qiegħed jidher
is-Sema
Fejn qiegħed isaltan Missieru
Fuq l-art qed tinfena Qalb Ommu
Dik l-Omm li għażillu Missieru.
U l-bniedem, li twieled bħal
Bniedem,
Fil-ġuf minn tal-Mara magħżula
Xtaq jerġa’ ġol-kenna ta’ ġufha
Imbiegħed mis-slaleb u l-ħbula.
‘Mma l-bniedem sab mewtu bħal
bniedem
Imqaċċat mill-Omm li ħabbitu
}a jifdi lid-dinja qarrieqa
Li f’ġenn ta’ mibegħda sallbitu.
U l-Omm li minn dejjem magħżula
Biex twelled il-Bniedem bla dnub,
Għad-dnub ta’ ħaddieħor tilfitu
Imżeblaħ, għarwien u Mislub.”
Kav. Joe M. Attard
Victoria Għawdex
No comments:
Post a Comment