Wednesday, February 13, 2013

ŻEWĠ POEŻIJI MILL- KAV. JOE M. ATTARD Victoria-Għawdex


 F’dan iż-żmien għażiż tas-sena

Żmien sabiħ qed jerġa’ magħna –
jiem għeżież tal-Ġimgħa l-Kbira
illi fihom aħna nagħmlu
tal-mewt il-Mulej tifkira!

’Il fuq minn elfejn sena ilu
Kristu ssallab għall-bnedmin,
ċarċar demmu, ħalla ħajtu,
biex le nibqgħu midinbin.

It-tbatija illi sofra
ma tfissirha bl-ebda kliem;
għuda tqila ġarr fuq spalltu
li wasslitu lejn it-tmiem.

Fuq salib safa mdendel
qisu l-aqwa kriminal;
lil Missieru minn hemm talab
biex jaħfrilhom dan l-iżball.

Għaddew, tgerbu das-snin kollha –
lill-Mulej għadna nwarrbuh,
u lil qalbu nfieru, inweġġgħu,
dispjaċir wisq kbir nagħtuh!

Tafu xejn li bl-aġir tagħna
mill-ġdid qegħdin insallbuh
u fuq l-għolja tal-Qorriegħa
qegħdin nerġgħu nwassluh!

Ejjew nidħlu fina nfusna
u naraw li jisgħobbina;
nibdlu r-rotta, lilu nwiegħdu,
li naħarbu t-triq ħażina.

Ħalli wkoll nitfgħu ħarsitna
fuq Marija Addolorata
li mxiet it-triq ma’ Binha
b’rieda soda daqs ta’ blata.

Iżda min jista’ ifisser
it-tbatija li batiet!
L-ebda pinna mhi ser tfisser
il-mumenti li sofriet.

F’dan iż-żmien qaddis tas-sena
inwegħduk, Mulej Divin,
illi lilek qatt ma nonqsu –
ma nħallukx bi dnubna tnin!

Aħfrilna, Mulej, ħtijietna
u fis-siegħa ta’ l-hemm tagħna,
Ħalli nħaddnu lil salibek
biex henjin dlonk int tarana!


L-Irtirata

Aħbar li ħasdet lid-dinja
Kienet dik ta’ nhar it-Tnejn *
Meta l-Papa Benedittu
Deher ħosbien u bejn ħaltejn
 
Iżda sod u ċar fi kliemu
Qara l-messaġġ bil-Latin –
Illi l-Katedra ta’ Pietru
Kien se jħalli fi ftit ħin!

Fit-tmienja ta’ fil-għaxija
Fl-aħħar jum tax-xahar ta’ Frar
Kien se jabdika mit-tron tiegħu
Li tant ġablu ferħ u mrar!

Ir-raġuni waħda w vera
Li wasslitu għal dal-pass
Kienet in-nuqqas ta’ saħħa
Li dan l-aħħar huwa ħass.

Għal madwar tmien snin hu mexxa
Saltnet Alla fuq din l-art;
U żar popli, bliet w irħula
F’maltemp, bnazzi, ksieħ u bard.

Bniedem twajjeb, umli, mistħi,
Żamm bogħod mix-‘show’ u ċ-ċapċip,
Iżda l-pinna ħaddem bosta,
Le ma ntilef fit-tpaċpiċ!

Għaddew, tgerbu bosta sekli
Mindu ġrat storja bħal din,
Iżda kollox jista’ jiġri
F’din id-dinja tal-bnedmin.

Il-Papa kien riesaq sewwa
Lejn is-sitta u tmenin,
U l-moħħ u l-ġisem tiegħu
Bdew iħossu l-piż tas-snin.

Hu kien jaf li t-Tron ta’ Pietru
Jeħtieġ ħafna enerġija,
W għalhekk naħseb li stqarr waħdu:
‘Dal-post m’għadux jgħodd għalija!’

W għalhekk wara illi ħaseb
U bla dubju talab sħiħ,
Iddeċieda li t-tmun jgħaddi
Lil xi ħadd żgur inqas xiħ.

Issa huwa d-dmir tagħna
Li nitolbu lill-Mulej
Biex lil Knisja Huwa jagħti
Ragħaj għal qalbu għal li ġej!

*11 ta’ Frar 2013




No comments: