Hekk jikteb Charles Mifsud
fil-Kelmtejn li bihom jiftaħ din il-ġabra poetika ġdida:
“Il-blata tiegħi: Forsi
xi ħadd jaħsel tiġih il-kurżità jistaqsi: Għaliex dan l-isem?... Imma fuq
kollox fil-kuntest kollu u sħiħ ta’ dawn il-poeżiji li qiegħed nippreżenta,
ngħid bla tlaqliq li l-vera Blata
Tiegħi huma Ġesù u Marija, li dejjem kienu għalija għotja ta’ mħabba, kenn fit-tiġrib,
għajnuna waqt kull ħtieġa u t-triq tas-salvazzjoni.”
Mill-Kelmtejn
Qabel miktuba minn Alfred Massa:
“L-istil
tal-versi mħaddma minn Charles Mifsud huma varji: anki jekk jidher ċar li
l-aktar għal qalbu huwa dak tal-vers maħlul. Wara kollox dan jgħidu hu nnifsu
fil-Kelmtejn tal-Awtur. B’danakollu, wieħed jinnota wkoll li l-poeta studja
tajjeb il-prosodija u beda bl-insiġ tal-poeżija klassika tradizzjonali.
Għalhekk, f’dawn il-versi tinħass ċerta mużikalità li toħroġ mit-tħaddim
elaborat tal-kelma Maltija, kelma magħżula, addattata u flokha.”
1.
Din mhix l-ewwel ġabra ta’ poeżiji tiegħek. X’ġie qabel u
x’hemm ġdid f’Il-Blata Tiegħi?
L-ewwel kitba li ppubblikajt kienet proprju l-kanzunetta
“Marija l-Maltija” fis-sena 1970, li kif jaf kulħadd kienet l-ewwel kanzunetta
Maltija li pparteċipat fil-“Eurovision Song Contest” fl-1971. Minn hemm ’il
quddiem bdejt inkun avviċinat minn diversi kompożituri biex nikteb il-lirika
għall-mużika tagħhom. Fil-qasir, fis-sena 1975 kelli l-kanzunetta “Singing This
Song” li kienet ukoll l-ewwel kanzunetta (Maltija) b'verżjoni Inżgliża
fil-“Eurovision”. Sadanitant, bdejt niskopri li nista' wkoll nibda nikteb xi
poeżija, kemm bl-Ingliż kif ukoll
bil-Malti. Fl-1973 bl-insistenza tal-għarusa (illum marti) bdejt nibgħat
xi poeżiji fuq il-mezzi tax-xandir li ġew imxandra, u dawn komplew inkoraġġewni
biex nissokta nikteb. Ktibt għadd ġmielu ta' innijiet sagri li jitkantaw
waqt funzjonijiet liturġiċi, l-aktar mill-kor “Notre Dame” tal-parroċċa ta'
Ħaż-Żabbar, fejn ili membru attiv mill-1992. Fis-sena 2001, ġejt mitlub
nikteb Oratorju Marjan għall-okkażżjoni tal-ħamsin sena mill-inkoronazzjoni
tal-Madonna tal-Grazzja, meqjuma fil-parroċċa Żabbarija,
biċċa xogħol li kienet ta' suċċess. Fis-sena 2010, mill-ġdid intlabt
nikteb oratorju ieħor Marjan, “Omm Ħelwa u Ħanina”, din id-darba għall-okkażjoni
taċ-ċentinarju mill-inkoronazzjoni tal-kwadru tal-Madonna tal-Ħerba, meqjum
f'Birkirkara. Dan barra diversi kitbiet oħrajn, bħall-Eloġju lil Santa Liena,
Mulej Ħniena u bċejjeċ oħra li kollha kienu mmużikati u esegwiti
fil-pubbliku.
Fis-sena 2003, tħajjart u ppublikajt l-ewwel ktieb tiegħi
bl-isem “Tnejn Flimkien” , li kien jinkludi sitta u disgħajn
poeżija bil-Malti b'temi varji. L-aktar poeżija importanti, fil-fehma tiegħi,
kienet il-poeżija epika “Ġrajjiet l-Assedju 1565” (x'aktarx l-unika poeżija
epika fil-letteratura Maltija) b'disa' mija u tlieta u tmenin vers mifruxin fuq
ħamsa u tletin faċċata tal-ktieb. Fis-sena 2006, ħriġt it-tieni ktieb
bl-isem “In-Nisġa
tal-Għanja” li barra sittin poeżija Marjana, inkludejt fih ukoll il-versi
tal-oratorju Żabbari.
Fis-sena 2007 kelli it-tielet pubblikazzjoni tiegħi bl-isem, “Mid-Djarju ta' Ġensna” li f'forom poetiċi differenti
jirrakonta l-ġrajjiet ewlenin li sawru l-istorja ta' Malta sa minn żmien il-Feniċi sal-1979.
Ir-raba' ktieb, “U Ġejt
Terġa' Tħabbatli” b'mija
u sittin poeżija b'tema religjuża, ippubblikajtu fis-sena 2009, filwaqt li fis-sena
2011, ippreżentajt il-ktieb “Il-Blata
Tiegħi”
F'dan l-aħħar ktieb, nifhem li fih inkun qed nesprimi aktar il-bidla
li nħoss meta niġi biex nimmedita u ngħarbel lili nnifsi fil-konverżjoni
kontinwa li nittama li qed titwettaq internament. Dan narah fil-profondita li
hemm moħbija bejn il-versi, kemm fit-talbiet kif ukoll fl-invokazzjonijiet
tiegħi waqt li nkun qed nikteb.
2.
Kemm huma importanti l-metrika u l-prosodija
tradizzjonali fi vrusek? Hemm ukoll elementi li jorbtuhom mal-poeżija moderna.
Xi tgħid dwar dan il-kompromess?
Nifhem li ma jistax ikollok poeżija miktuba tajjeb jekk ma
jkollokx metrika tajba. L-istess ħaġa nista' ngħid għall-importanza
tal-prosodija, dawn iż-żewġ elementi flimkien huma dak li jagħtu sens ta'
mużikalità lil-versi, biex il-poeżija tkun tista’ tinqara b'ritmu sħiħ u
kontinwu, mingħajr daqqiet jew skossi li jtellfu ħafna mill-ħoss melodiku
tal-kitba. Fil-kitba tal-poeżija, imqar jekk illum tbegħidna
mill-karatteristika tradizzjonali u qed niktbu u nesprimu lilna nfusna bl-hekk
imsejjaħ vers ħieles, hemm ċerti regoli li jridu jkunu miżmuma bir-reqqa, u
ewlenin fost dawn hemm kemm ir-rima, ir-ritmu, kif ukoll it-tonalità tal-kelma,
aktar u aktar tal-vers ħieles.
3.
Kif tiddeskrivi l-aktar dawn il-poeżiji tiegħek,
reliġjużi jew spiritwali? X’differenza teżisti bejn dawn it-tnejn għalik?
Fl-opinjoni tiegħi, teżisti differenza bejn dak li hu religjuż
u dak li hu spiritwali. Ir-reliġjożità hija l-att ta' qima u t-twettiq
tad-dmirijiet u sa ċertu punt obbligi li kull nisrani veru għandu jaqdi u
josserva. Min-naħa l-oħra, għalija l-ispiritwalità hija xi ħaġa aktar profona; kif
nifhima jien, hija dik l-intimità jew rabta li wieħed iħoss waqt li qed
jimmedita fil-profond dwar it-telqien tiegħu innifsu f'idejn Alla, meta
l-bniedem qed jagħraf ix-xejn tiegħu quddiem il-kobor infinit ta' Alla. Ir-reliġjożità
hija l-qoxra ta' barra,
l-ispiritwalita teżisti fil-ġewwiewni, fil-qalb u fir-ruħ.
4.
Spiss il-versi tiegħek huma sempliċi, imma għandhom ukoll
mill-profondità ta’ ċertu talb. Xi tgħid
dwar dan?
Naqbel perfettament miegħek li l-versi tiegħi huma sempliċi
fl-istruttra tal-kelma, għalkemm, għax inħobb l-ilsien Malti fl-oriġinalità
tiegħu, ninqeda wkoll bi kliem li llum ftit li xejn għadu jintuża. Fil-fatt
fil-kotba li ħriġt qabel dan, dejjem għamilt speċi ta' vokabolarju żgħir bit-tifsiriet
tal-kelmiet użati. Imma meta wieħed jidħol fir-ruħ tal-poeżija jsib, li hemm
wisq aktar x'togħmod bejn il-versi milli fil-qafas tal-poeżija nnifisha. Meta
nkun qed nikteb dawn it-tipi ta' poeżija, inħossni miftum minn kollox u minn
kulħadd u nħossni faċilment nista' nitkellem, b'mod reverenzjali, u nidħol
f'konverżazjoni m'Alla. Dejjem bil-ħsieb ta' dak li nkun qed nikteb dwaru u
mingħajr pretenzjonijiet, li jien ngħix bil-ġwienaħ, maqtugħ mill-art. Dan
jixduh xi poeżiji nfushom li huma miktubin fi speċi ta' djalogu bejni u
bejnu.
5.
Kemm tħoss li versi bħal tiegħek għad għandhom is-siwi
tagħhom fis-soċjetà tal-lum?
Dwar jekk il-versi tiegħi għandhomx siwi fis-soċjetà tal-lum,
mingħajr xejn tlaqliq ngħid li iva, għandhom il-valur tagħhom. L-ewwelnett
tajjeb nifhmu li għad hawn ħafna nies li japprezzaw din ix-xorta ta' kitba. Dan
nista' nikkonfermah minn ħafna kummenti li għamluli diversi nies. Barra minn
hekk, kelma li ma laqtitekx illum, tista' tkun nebbieta li tisponta aktar ’ilquddiem.
It-tema reliġjuża li nikteb dwarha tniedi biss imħabba u paċi, sinċerità, u fedeltà, jekk dawn
mhumiex ta' valur għas-soċjetà, allura ngħid li morna l-baħar u qegħdin
negħrqu.
6.
Fejn u meta nkitbu l-poeżiji ta’ Il-Blata Tiegħi? Liema huma dawk il-ħwejjeġ, esperjenzi jew waqtiet
li ispirawk?
L-għeruq tal-poeżiji ta’ Il-Blata Tiegħi xxenxlu fi tfuliti,
meta l-ġenituri tiegħi sejsuli pedament fuq xhiex nibni l-ħajja tiegħi. Fiż-żgħożija
tiegħi kien hemm ukoll waqtiet li ma kontx daqshekk ħabrieki biex nisma' u
nwettaq dak li għallmuni, imma ladarba l-pedament kien sod u l-għeruq baqgħu
ħajjin, ix-xitla baqgħet tagħmel il-frott. U proprju għalhekk li versi bħal
dawn tiegħi għandhom siwi kbir għas-soċjetà tal-lum. L-ispirazzjoni tiegħi
titnissel mill-aktar esperjenzi sempliċi tal-ħajja. Importanti wkoll il-qari
tal-kelma sagra, għax ovvjament, ma tistax tagħti minn dak li m'għandekx. U
hawn qed nirreferi kemm għall-poeżija nnfisha, kif ukoll għas-suġġett
partikolari li qed nitkellmu dwaru.
7.
Apparti t-twemmin, hemm temi oħra li ispirawk f’din
il-ġabra? Liema elementi jew temi ktibt dwarhom anki f’ġabriet poetiċi oħra?
Minbarra t-tema
tal-fidi, li hi t-tema ewlenija tal-ktieb, għal min irid jixtarr ftit, f'din
il-ġabra hemm temi oħra li huma importanti ħafna fil-binja ta' soċjetà
b'saħħita. L-imħabba, il-maħfra, it-tolleranza, ir-rispett, l-għarfien
tal-kobor tal-persuna daqskemm id-dgħufija tal-istess persuna. Fuq kollox il-bżonn
li nifhmu li l-bniedem jinħtieġ wieħed lil-ieħor, u li ma teżistix armata
mingħajr Ġeneral. Ktibt ħafna poeżiji b'tema reliġjuża, imma ktibt ħafna poeżiji
oħra b'temi differenti. F’Id-Djarju ta' Ġensna, ktibt dwar l-istorja tal-poplu
u l-gżejjer Maltin; fil-ktieb Tnejn Flimkien hemm bosta temi differenti,
problemi soċjali, in-natura, sentimentali, etċ.
8.
X’jagħmel Charles Mifsud meta ma jkunx qed jikteb jew
jaqra l-poeżija?
Minbarra l-kitba u l-qari, inżomm
ruħi attiv f'diversi oqsma oħra. Pereżempju, ili msieħeb fil-kor Notre Dame
għal dawn l-aħħar dsatax-il sena, fejn insib l-opportunità li nikteb versi li
jiġu mmużikati u esegwiti anke mill-istess kor. Minbarra ż-żewġ oratorji, ktibt
Kantata għall-Milied u bosta innijiet liturġiċi. Nieħu sehem f'żewġ
programmi fil-ġimgħa fuq żewġ stazzjonijiet differenti tal-komunità. L-għaxqa
tiegħi huma l-erba' neputijiet, wieħed minnhom ġdid fjamant. Inħobb nara
t-televiżjoni, ġeneralment sports, kwiżes, u programmi ġeografiċi bħal dawk fuq
id-“Discovery Channel”. Dan barra l-intietef l-oħra tal-ħajja.
9.
Kemm huwa apprezzat il-poeta f’pajjiżna? X’jista’ jsir
biex il-poeżija u l-poeta jingħataw spinta ’l quddiem hawn Malta?
Sfortunatament, f'pajjiżna, kemm il-poeta u l-poeżija
m'għandhom dak l-apprezzament mistħoqq. Dan forsi għax il-poplu tagħna
mhux daqshekk ħerqan biex jaqra, u t-tieni, il-maġġoranza ta' dawk li jaqraw
iridu storja, x'aktarx emozzjonali, mingħajr ma jkollhom għalfejn iħabblu
moħħom. Irrid ngħid ukoll li kultant ċerti poeżiji astratti jkunu tqal u ma
jappellawx għal kulħadd. Jiena naħseb li meta wieħed jikteb, irid iżomm quddiem
għajnejh mhux biss lil dawk li huma l-aktar intelletwali, imma l-firxa kollha
ta' dawk li jistgħu japprezzaw il-kitbiet. Jekk lili ttini l-isbaħ ktieb bir-Russu,
żgur li ngħidlek - Le grazzi, m'għandix x'nagħmbih! Biex il-poeżija tkun aktar
apprezzata, jinħtieġ li nibdew mill-iskejjel primarji, nifirxu ż-żerriegħa minn
kmieni biex dik li tinbet inkomplu nikkultivawha aktar ’il quddiem. Inħoss li
fl-iskejjel il-letteratura ma tingħatax dik l-importanza jew spinta bħal
suġġetti oħra.
10.
Xi tgħid dwar
l-impenn tiegħek fi ħdan l-Għaqda Poeti Maltin?
Dwar l-impenn tiegħi fl-Għaqda Poeti Maltin ngħid li għalkemm
m'ilix wisq fil-kumitat, inħoss li dħalt għal sfida, għax nemmen li dak li
dħalt għalih irrid inwettqu bis-serjetà. Aċċetajt dan l-inkarigu għax inħobb
il-kitba, l-aktar il-poeżija, u naħseb li l-għaqda hija l-aktar, biex ma ngħidx
l-unika, mutur li baqa' jaħdem sabiex toktor l-imħabba lejn dan.
11.
Proġetti oħrajn
għall-ġejjieni?
Dwar proġetti oħra fil-ġejjieni, sakemm nibqa' ngħix, issa
jmiss sensiela ta' novelli, li nittama li nsib il-mezzi biex nippublikahom. Għandi
ktieb ieħor tal-poeżija b'temi differenti lest ukoll, u għalkemm għandi aktar
poeżiji miġmugħa, m'inix naħseb dwarhom għalissa, għax mewt u xita, Alla jaf
meta!
Poeżiji ta’ Charles Mifsud – mill-ġabra IL-BLATA TIEGĦI,
2011
NARAK
Fid-dlam ta’
ruħi,
b’għajnejja
miftuħa beraħ,
ma narakx,
ma narakx.
Imma meta ruħi
tkun mimlija
bik,
imqar
b’għajnejja magħluqa,
narak hemm,
narak hemm,
tindokrani.
ĦOBŻ IS-SEMA
Dik li kienet
l-aħħar ikla ta’ Ġesù,
għall-bnedmin,
saret l-ikla
ta’ kuljum.
Kull min
jemmen f’għemil Kristu
awl il-lejl
qabel miet,
kull filgħodu
kif iqum,
għandu ikla
mħejjija tistennih.
Ħobż tas-sema
li jsostnih,
biex ikompli
jimxi triqtu ’l hinn mill-frugħa,
biex
jitbiegħed minn kull xkiel li jittradih.
Kull min
jiekol minn dal-Ħobż li jhenni r-ruħ,
ma jaqbdux
ġuħ.
Kull min
jemmen f’dal-misteru, jitma fih,
min fis-sewwa
jirċevih,
se jkun ħieles
minn kull dnewwa
u se jiret
f’isem Kristu... il-qawmien.
No comments:
Post a Comment