Thursday, March 01, 2012


Tħabbret illum il-mewt tal-kittieb u poeta Peter A. Caruana. Il-funeral tiegħu se jsir għada fl-4.15 p.m. fl-Knisja Parrokkjali ta' Ħal Tarxien. Lil Peter ħafna jafuh bħala dak li spiss kien jitkellem dwar il-pjanti. Il-membri tal-Għaqda Poeti Maltin jafuh bħala poeta ta' versi miktubin bil-prosodija tradizzjonali, maħdumin b'sengħa u b'imħabba kbira lejn il-kelma Maltija. Il-ġabra ta' poeżiji Bukkett Vjoli ħarġet fl-1981. Kemm-il darba insista pubblikament li aħna l-Maltin għandna nagħtu iktar importanza lill-mod kif inħaddmu l-kelma Maltija u spiss ħadha kontra min fuq il-mezzi tax-xandir ma jagħmilx riklam tajjeb lil ilsienna. Spiss kien jattendi l-Lejliet ta' Poeżija mtellgħin mill-Għaqda Poeti Maltin (li tagħha kien Membru Onorarju) flimkien ma' martu Mary Grace u jaqra versi marbutin l-aktar mat-twemmin. Jiena qrajt ukoll in-novelli tiegħu fil-volum ippubblikat fl-1970 bl-isem ta' Żewġ Ilħna.  Qrajt ukoll il-ġabra ġdida ta' novelli tiegħu li s'issa għadha ma ratx id-dawl u li nispera ħafna li xi darba jew oħra jkun hemm min ixammar il-kmiem u jippubblikaha.  Peter kien attiv fl-inizzjattiva kulturali ta' Ħaż-Żabbar, "Kikkra Kulturali". Agħtih Mulej il-mistrieħ ta' dejjem.
Għal intervista ma' Peter A. Caruana ara l-link:      http://patrickjsammut.blogspot.com/2010/08/intervista-mal-kittieb-u-poeta-peter.html                                                           

No comments: