Sunday, February 26, 2012

Carlo Fruttero - Tislima lill-kittieb Taljan tar-rakkont ”detective” u aktar minn hekk



Nhar il-Ħadd, 5 ta’ Jannar  tal-2012, fl-età ta’ 85 sena, miet il-kittieb Carlo Fruttero, f’Castiglion della Pescaia, fin-naħa t’isfel tat-Toscana. Kien ibati minn problemi tal-qalb. Huwa twieled f’Turin fid-19 ta’ Settembru tal-1926. Fl-1947 tela’ jaħdem fi Franza fejn ħadem bħala traduttur għall-pubblikatur Giulio Einaudi. Kien Fruttero li kkoreġa l-ewwel edizzjoni tad-Djarju ta’ Anna Frank għad-dar tal-pubblikazzjoni Einaudi. Xi snin wara beda jaħdem mal-kittieb Franco Lucentini. Dawn it-tnejn saru jafu lil xulxin fl-1952 f’Pariġi u minn dik is-sena ’l quddiem ipproduċew għadd kbir ta’ xogħlijiet letterarji (l-aktar rumanzi tal-ġeneru detective), kitbiet ta’ natura ġurnalistika u anki traduzzjonijiet. Lucentini neħħa ħajtu b’idejh fl-2002 ta’ 82 sena, wara żmien twil marid b’tumur fil-pulmun. Fruttero kien iddeskriva ġest estrem bħal dan bħala wieħed ta’ personalità indipendenti ħafna, imma anki frott tas-solitudni. Ħames snin wara, fl-2007, kienet mietet martu. Kontra s-suwiċidju Fruttero kien  ikkumenta li mhux xieraq ladarba huwa mdawwar minn persuni li jieħdu ħsiebu u jixtiqulu l-ġid (u hawn kien qed jirreferi għaż-żewġt ibniet tiegħu Carlotta u Federica, u anki għat-tliet neputijiet). 

Fost ir-rumanzi l-iktar magħrufa nsibu La donna della domenica (1972), li kien l-ewwel rumanz tal-ġeneru ”detective” fl-Italja li ma ħariġx f’għamla ta’ faxxikli imma f’forma ta’ volum illegat. Dak tiegħu kien ”giallo” differenti minn dak li kien jikteb Leonardo Sciascia, anki għax dan tal-aħħar kien jinkludi kontenut ideoloġiku qawwi. Titlu ieħor huwa La prevalenza del cretino, li kiteb ma’ Fruttero. Aktar tard La donna della domenica kien inħadem film minn Luca Comencini, b’atturi famużi bħal Marcello Mastroianni u Jacqueline Bisset.  Il-film, bħar-rumanz, offra stampa ċara tal-Italja tal-aħħar parti tas-snin ’60, qabel l-avvenimenti li qalbu ta’ taħt fuq il-peniżola Taljana, snin magħrufa bħala “gli anni di piombo”. Kien ukoll rumanz  li antiċipa l-klima tas-snin Tmenin, mela f’ċertu sens profetiku.

Kien hemm minn ikkumenta li Carlo Fruttero kien intellettwali kbir u li ddeskriva l-elementi pożittivi u negattivi tat-Taljani b’mod ironiku. Oħrajn iddeskrivewh bħala dak li għaqqad flimkien ir-raffinatezza intellettwali mal-kapaċità li jiltaqa’ mal-pubbliku, u anki bħala l-fantaxjentista li għolla l-letteratura pop. Oħrajn dwaru qalu li kien artiġġjan u artist tal-pinna, osservatur tar-realtà u arkitett kbir ta’ stejjer. Huwa għolla għal-livell xieraq il-ġeneru tal-“giallo” Taljan, u dan fi żmien meta ġeneru letterarju bħal dan kien għadu ma ngħatax spinta mill-kritika ta’ studjuż u kittieb kbir bħal Umberto Eco, anki għax kien meqjus bħala ġeneru vulgari, prodott ta’ min hu indifferenti rigward l-ambjent politiku kontemporanju, sempliċi passatemp, jew mezz sempliċi kif tagħmel il-flus.

Fruttero kien fetaħ il-bibien għal ġeneru letterarju ieħor fl-Italja, dak tal-fantaxjenza. Kien ukoll direttur, flimkien ma’ Lucentini, tal-kullana “Urania” fi ħdan il-Mondadori li damet mill-1961 sal-1986. L-attenzjoni għall-fantaxjenza, imma anki t-traduzzjoni ta’ kittieba bħal Becket, Salinger u Fejtö, juru r-rabta bejn il-professjonalità, il-passjoni u l-modestja ta’ Fruttero bħala bniedem u anki bħala kittieb.  Wara l-mewt ta’ sieħbu Lucentini, Fruttero reġa’ lura għall-kitba imma b’ċerta diffikultà, u dan jixhdu l-volum awtobijografiku, Mutandine di chiffon (2010). Ftit snin qabel, fl-2006, ħareġ ir-rumanz Donne informate sui fatti, li jibqa’ marbut ma’ fatti partikulari li seħħew waqt il-Premju Campiello – premju letterarju tan-narrattiva Taljana – tal-istess sena. Kien ġie mwarrab mill-ġurija (ġie l-aħħar fost il-ħames finalisti) għax ironkament meqjus bħala xogħol wisq kolt għall-pubbliku. Minkejja dan, fis-sena 2010 ingħata l-Premju Campiello għall-karriera.

Xogħlijiet oħra tiegħu kienu Visibilità zero. Le disavventure dell’on. Slucca (1999), Ti trovo un po’ pallida (2007), u La creazione. Sotto l’alto patrocinio dell’Onnipotente (2008). Mid-dar tiegħu f’Roccamare (Castiglion della Pescaia) kien isegwi l-aħbarijiet, l-aktar dawk kurjużi. Kien jaqra l-klassiċi (fosthom il-letteratura Franċiża fl-oriġinal), imma anki Manzoni (dwar il-kapolavur tiegħu kiteb hekk: “Wara I promessi sposi x’iktar jista’ jinkiteb dwar ruħ il-bniedem?”) u Leopardi, u kien isegwi serje televiżivi polizjeski bħal Ris u Il commissario Florent.

Ta’ min jgħid li f’dawn l-aħħar 40 sena il-ġeneru letterarju tal-“giallo” Taljan ingħata bosta rikonoxximenti u għadda l-eżami diffiċli tassew tal-kritiċi letterarji. Ra jitwieldu bosta awturi ġodda bħal Carlo Lucarelli, Marcello Fois, Eraldo Baldini, Massimo Carlotto, Danila Comastri Montanari,  u Sandrone Dazieri. Ġeneru bħal dan assista wkoll għas-suċċess tal-kittieb Sqalli, Andrea Camilleri, li bosta mir-rumanzi tiegħu laħqu l-quċċata tal-klassifiki tal-kotba l-aktar mibjugħa. Forsi element ewlieni għaliex ġeneru bħal dan kellu u għad għandu s-suċċessi tiegħu huwa l-fatt li kixef l-irkejjen l-aktar mdallma u moħbijin ta’ provinċja misterjuża u ta’ bliet kbar li għaddew u għadhom għaddejjin minn bidliet soċjali varji; f’ċertu sens huwa wkoll mera tar-realtà u tal-kuntradizzjonijiet tagħha.

(Tagħrif miġbur minn Patrick Sammut)

No comments: