(Kumment ta’ Patrick Sammut)
Il-21 ta’ Settembru jġib miegħu l-istaġun tal-Ħarifa. Huwa żmien ta’ transizzjoni, bejn l-istaġun jaħraq u niexef tas-Sajf u l-istaġun kiesaħ u li jġib ix-xita miegħu tax-Xitwa. Il-Ħarifa ġġib magħha l-ftuħ tas-sena akkademika u l-ewwel xita (Settembru) u anki x-xhur tar-Rużarju (Ottubru) u tal-Mejtin (Novembru). Bosta poeti għandhom għal qalbhom dan l-istaġun li bħal staġuni oħra jakkwista wkoll tifsiriet simboliċi, u lil xi wħud ifakkarhom f’waqtiet jew ħsus partikolari. Hawnhekk issibu ħames poeżiji ta’ ħames poeti differenti, tlieta minnhom membri tal-Għaqda Poeti Maltin.
Għalina li ngħixu fl-Ewropa hija ħaġa stramba naqraw poeżija li fiha Settembru jintrabat mal-istaġun tar-Rebbiegħa. Imma dan mhux hekk għal min jgħix f’pajjiż-kontinent bħall-Awstralja. Dan tfakkarhulna l-poetessa u rumanziera Maltija-Awstraljana Lou Drofenik fil-poeżija tagħha Settembru. Mela filwaqt li dan ix-xahar għalina jġib miegħu weraq kannella u siġar li jinżgħu mil-libsa ħadranija tagħhom, għal min jgħix fl-Awstralja u dik in-naħa tal-globu Settembru jfisser “ward u żahar”, “għasafar żgħar,/ ġonna ħodor”, “elf kulur jgħajjat” u iktar. Is-sens ta’ ħajja u armonija li jġib miegħu Settembru fl-Awstralja jitwassal minn Lou Drofenik permezz tal-vers mużikali tal-ottonarju u r-rima mqabbża (abċb).
Fil-poeżija tiegħu Salv Sammut jitlaq mil-letterali u jikteb dwar is-sħab, id-dlam u l-weraq isfar u niexef li ġġib magħha l-Ħarifa, biex wara jgħaddi għas-simboliku u l-livell metaforiku: l-istaġun tal-Ħarifa li jfakkar li anki l-bniedem mhux etern u għandu l-waqt tat-tmiem tiegħu. Id-deċennji li jsemmi Salv Sammut jitqabblu mal-weraq li jinxef u jaqa’ mis-siġra biex ma jerġax jieħu l-ħajja.
Simili għall-versi ta’ Salv Sammut huma dawk ta’ Stefano Farrugia li għalkemm poeta żagħżugħ jikteb eleġija. Il-Ħarifa għalih tfakkar fil-gwerra li ġġib il-mewt ta’ tant żgħażagħ bħalu. Mela l-Ħarifa hawn tintrabat mad-demm u mal-agunija. Il-lewn li jaħkem hawn mhux l-isfar, il-griż jew id-dlam, imma l-aħmar tad-dmija li jixxerrdu fil-gwerer.
Mill-ġdid Ramon Psaila jitnebbaħ mid-dinja naturali u jikteb dwar il-verdun u r-rummien, it-tnejn ħlejjaq li jintrabtu mal-miġja tal-Ħarifa. Il-versi sempliċi u sbieħ ta’ Ramon Psaila jfakkruni fil-versi naturali tal-poetessa Għawdxija Mary Meilak li wkoll nisġet deskrizzjonijiet u metafori mill-isbaħ f’rabta mad-dinja naturali. Ramon Psaila hawnhekk jispiċċa b’referenza għat-twemmin.
mimli sema, ward u żahar.
Kemm int sbejjaђ fir-rebbiegђa
noђlom miegђek lejl u nhar.
Siġar kbar tal-Ewkaliptus
imdewdin b'gђasafar żgђar
ġonna ђodor, siġar sofor
jiżfnu dawra ma’ kull dar.
Friefet kbar, elf kulur jgђajjat
pappagalli żaqqiqin
jgђajtu, jwerżqu, jtiru, jieklu
tul l-Awstralja ferђanin.
Mitt elf barri, miljun nagђġa,
baqar sbieђ, gђajnejhom kbar,
imdawrin biċ-ċkejkna magђhom
jirgђu barra lejl u nhar.
Lou Drofenik
DEĊENNJI U WERAQ TAL-ĦARIFA
Mas-sħab li jinġema’
F’ħajbur bexxiexi, griż u ftit idallam
Tinqata’ werqa minn siġra matura
Li offriet kemm il-kenn u l-ossiġnu
Lil kull min xtaq jistkenn taħtha.
Titbandal u tixxejjer mal-buffuri
W’hekk tinħeba qalb il-weraq
Li jaqa’ musfari.
Deċennji jinġemgħu fl-annali
Tal-bniedem f’tellieqa tremenda
Ħa jippreserva l-immortalità
Li ħolom li seta’ jakkwista.
Iżda b’diqa jar’hom iwaqqgħu werqithom
Midbiela waħda waħda fid-dagħbien
Ta’ ħarifa fl-eżistenza ffissata
Biex jintilfu ma’ dawk ta’ qabilhom
Ħa jgħaqqdu damma sħiħa
Fix-xtiewi ndividwali.
Deċennji u weraq ilkoll
Jinqatgħu minn siġar ħajjithom
U fil-ħemda profonda f’realtà
Li taqta’ u tweġġa’,
Tibda l-indikazzjoni li l-ħarifa
Waslet u bdiet issaħħab ’il madwar!
Salv Sammut
X’ĦARIFA DIN
Ħarifa ta’ żgħożiti fil-ħolm li dbiel u miet
tfakkarni fl-akbar nixfa li bħali tgħidx kemm bkiet
kif rat il-weraq jaqgħu ftit ftit minn ħalq is-siġar
bħal donnhom bnedmin mejta fil-ħaqq ta’ min ried jishar
f’nofs gwerra mingħajr isem li tinsa minn fejn bdiet
u f’moħħok bħall-ħarifa taf tħalli t-tifkiriet
qed jaqgħu waħda, waħda bla qatt tista’ tiġborhom
u magħhom tnin il-ġrajja tat-tmiem li mar jostorhom
u t-tmiem isir il-bidu ta’ ġrajja oħra ġdida
tistenna l-weraq joħroġ u l-ħajja terfa’ idha,
imm’issa z-zkuk tas-siġar flok bl-ilma nsqew bid-dmija
u l-weraq qiegħed jibki demm jgħajjat bl-agunija.
Stefano Farrugia, L-Imqabba
IL-BENNA TAR-RUMMIEN
Sa minn kmieni beda jgħanni
għanna ħelu l-verdun
donnu illi ried jgħidilna
se jkun aħrax l-istaġun.
Jittajjar minn siġra għal oħra
deher kemxejn naqra għajjien
sakemm daħal jistkenn bilġri
ġewwa siġra tar-rummien.
Kien għoddu qabditu l-biża’
jidgeddes moħbi fil-weraq
xita qliel ta’ qtar mill-oħxon,
fost ragħad, sajjetti u beraq.
Farfar it-tixrib li kellu
munqaru mesaħ maz-zkuk,
rasu mistrieħa mas-siġra
dar kull fergħa bhall-mekkuk.
Hemmhekk kif baqa’ mistagħġeb
ma riedx jemmen lil għajnejh
x’kienet il-frotta maqsuma
li tinsab imdendla ħdejh.
Beda jistaqsi lil ruħu
sewwa ċar qed nara jiena,
dak ħaġar maqtugħ djamanti
indaqs sew, kollha leqqiena.
Resaq sabiex aħjar jifli
bil-munqar ma qgħadx jistenna
naqqar waħda, naqqar oħra
xi tjubija, ħlewwa u benna.
Miblugħ ħares lejn is-sema
jgħanni vrus t’għasfur għannej
kemm hi bnina r-rummiena
kemm hu ibnen il-Mulej!
Ramon Psaila
No comments:
Post a Comment