Jien u l-Kitba tal-Poeżija, Stefano Farrugia
Bijografija:
L-imħabba tiegħi lejn l-identità Maltija kibret miegħi minn ċkuniti, l-aktar l-ilsien Malti li hu l-qasam tal-istudju tiegħi, b’aċċenn fuq il-letteratura Maltija fil-firxa wiesgħa tagħha, u l-ħeġġa għall-kitba tal-poeżija kompliet ġibditni lejn din id-dinja għammiela u ħawtiela. Għalhekk ilqajt bil-ferħ l-istedina tal-Għaqda Poeti Maltin biex nissieħeb fiha, wara li kont diġà ġejt ippremjat f’żewġ edizzjonijiet tal-Konkors Nazzjonali tal-Poeżija li hi ttella’ ta’ kull sena, permezz tal-poeżiji “Minjatura tal-Enimmi” u “Requiem għal Anġlu Martri” fl-2007 u fl-2008 rispettivament fejn kont ikklassifikat fit-tielet u t-tieni post. Xejn inqas meta ġejt aċċettat bħala membru tal-Akkademja tal-Malti aktar kmieni f’din is-sena. Fl-2009 kelli l-privileġġ li nkun ippremjat fl-ewwel u t-tieni post f’konkors ieħor imtella’ mill-istess Għaqda, fl-okkażjoni tal-50 anniversarju mill-ewwel ħarġa tal-ġurnal “it-Torċa” bil-Malti, permezz tal-poeżiji “Eliżir ta’ Mħabba Qalbiena” u “Solitarja Moribonda.” L-Għaqda għoġobha tippubblika wkoll xi xogħlijiet tiegħi fir-rivisti tagħha Versi u Leħen il-Għaqda Poeti Maltin, kif ġentilment għamlet anki L-Għaqda tal-Malti - Università li kont imsieħeb fiha, fost l-oħrajn permezz tal-ħarġa tagħha Leħen il-Malti, u għadd ta’ għaqdiet soċjali u mużikali Maltin, ewlenin fosthom iż-żewġ soċjetajiet fir-raħal tal-Imqabba li jien kburi li nifforma parti minnu għall-Istorja għanja tiegħu u l-kult kbir fit-twemmin tiegħu lejn il-grazzji tal-Madonna.
Mistoqsijiet:
1. Kif twieldet u żviluppat fik il-ġibda għall-poeżija u għall-kitba bil-Malti?
Illum meta nħares lura nirrealizza li l-poeżija kienet fija minn dejjem. Niftakarni nħarbex xi ftit versi ’l hawn u ’l hemm għal xi ġrajja li tinqala’, bħall-bidu ta’ millennju ġdid, kif ukoll għad-delizzji li kelli meta kont għadni ħafna iżgħar, bħaċ-ċelebrazzjoni ta’ festa jew oħra f’kamra fid-dar imlibbsa qisha knisja li llum nista’ biss inħares lejha mir-ritratti tal-imgħoddi. Kelli wkoll ix-xewqa li nsir naf aktar dwar il-metrika u s-sura tal-poeżija, l-aktar meta kont fis-sekondarja. Imma sa dak iż-żmien kont għadni m’iniex konxju għalkollox minn dan it-talent u kemm stajt nimraħ fih, sa ma dħalt fil-Kulleġġ De La Salle għall-istudju postsekondarju. Kien qorob il-Milied tas-sena 2002 meta wieħed mill-għalliema ddedikati li kellna ssuġġerielna niktbu storja jew poeżija qasira biex nirriflettu dwar ir-realtà tal-Milied għal nies differenti, kemm dawk li jistennewh bil-ħerqa għax iqanqlihom sentimenti sbieħ, kif ukoll dawk li jħossu ċerta diqa għax jiftakru f’xi memorji ta’ tbatija. Dak il-ħin ħassejt li dan kien il-mument li nikteb poeżija kif dejjem xtaqt u nuriha lil min seta’ japprezzaha, u l-inkoraġġiment li tawni l-għalliema u sħabi l-istudenti kien il-mutur biex inkompli nikteb bla ma nieqaf, tant li minn dak iż-żmien ma ħaristx lura u bqajt nikteb b’mod kostanti, hekk li f’dawn l-aħħar xhur bdejt ninteressa ruħi wkoll fil-kitba tal-proża, li wkoll kont ili nixtieq nindaga fiha.
2. Inti bħala kittieb żagħżugħ xi tgħid dwar ir-relazzjoni bejn iż-żgħażagħ Maltin u l-letteratura bil-Malti? X’hemm tajjeb, x’jista’ jitjieb?
Bħala kittieb żagħżugħ napprezza ferm il-kontribut ta’ persuni u entitajiet pubbliċi li qed jagħtu spazju għat-talenti tal-kittieba żgħażagħ u mhumiex fi gradi u livelli differenti permezz ta’ attivitajiet u inizjattivi ġodda. Dan hu kruċjali fid-dawl tal-fatt li Malta hi mogħnija b’nies ta’ talent f’oqsma varji tal-ħajja li jeħtieġ ikomplu jiġu megħjuna biex isarrfu l-ħiliet tagħhom bl-aħjar mod u jwasslu dak li għandhom għand kulħadd. L-arti tinsab f’kull wieħed u waħda minna, imma biex tissaqqa trid min jieħu ħsiebha u jindukraha kif inhu xieraq, u għalhekk inħoss li għad hemm lok għal aktar spazju u attenzjoni għal dawn il-friegħi, b’mod speċjali fil-mezzi tax-xandir li jistgħu jkunu ħolqa mill-aqwa biex dan l-għan jintlaħaq dejjem aktar aħjar, u b’hekk ikomplu jħeġġu aktar persuni li għandhom it-talent biex isiru konxji tiegħu u jkabbruh minn żmien għal ieħor għall-ġid tagħhom u tal-komunità kollha kemmi hi.
3. Liema huma l-forom li tħaddem u t-temi li tikteb dwarhom fil-versi tiegħek?
Il-forom li nħaddem ta’ spiss huma aktarx ta’ xeħta tradizzjonali, imma kultant inħobb nesperimenta wkoll b’forom oħra ta’ kitba biex nesprimi l-ħsibijiet tiegħi fuq it-temi li nkun qed nittratta, bħall-vers projettiv. L-aktar temi li jolqtuni huma dawk ta’ issa u hawn, jiġifieri dak li nkun għaddej minnu jien personalment, jew dak li nara u nisma’ fl-ambjent ta’ madwari fuq livell soċjali, lokali u internazzjonali. Għandi ħafna għal qalbi r-rima u l-ħsejjes tal-kliem. Għalhekk meta nikteb noqgħod b’seba’ għajnejn għal kull kelma li nuża billi nisma’ l-ħoss tagħha u nosserva kif tinstema’ fil-kuntest tal-kitba sħiħa. It-temi jvarjaw minn dawk spiritwali, reliġjużi u devozzjonali li wħud minnhom niktibhom għal festi jew avvenimenti partikulari, għal temi aktar lajki li madankollu fihom jista’ jkun hemm ukoll żerriegħa biblika jew dottrinali minħabba l-imħabba tiegħi lejn din id-dinja mimlija metafori u simboliżmu li sarraftha fit-teżijiet li għamilt fl-Università ta’ Malta għall-B.A. (Unuri) u l-M.A. bl-għajnuna tat-tuturi li ggwidawni f’kull tragward tal-ħidma tiegħi.
4 poeżiji ta’ Stefano Farrugia:
Minjatura tal-Enimmi
Qatra wara qatra, id-dmugħ iġelben
Mal-wied tal-ħajja għatxana għal elf għaliex,
Iterraq solitarju f’baħħ il-ħemda,
Jitkagħweġ f’ħalq in-nar li ma ntefiex,
U d-dmugħ iroddli l-karba mat-tifkira,
Joftomni mill-arterji marradin
Tal-ġisem-dinja, mejjet u bla sura
W għajnejja tqal iħarsu bajdanin
Lejn l-ibħra, li jkellmuni fis-silenzju,
Jgħarrfuni bit-tniġġis ta’ ruħ l-għawwiem
Li niżel jogħdos f’ħajtu misterjuża
U sab fit-trab ix-xejn li mlieh bis-sliem.
09/08/2007
Requiem għal Anġlu Martri
Tinstema’ l-protesta vibranti
f’foresta ta’ oqbra mbajdin,
tirtema fl-abbiss tax-xenxilli
fil-lejla tal-oqmra mdallmin.
Jinstema’ t-theżżiż tal-muntanji
f’ormonju li tneżża’ l-qawwiet,
jinħema fil-kenn tal-koralli
fis-sakra tat-telf tal-ħajjiet.
Qed nisma’ bħal ħoss ta’ tarbija
f’mortwarju li fetaħ dirgħajh,
ħa joħnoq żerniq mingħajr skrupli
fil-bħajra li nifed minn rajh.
U tisma’ bħal leħen ta’ mara
f’kalvarju li nesa l-qawmien,
imġiżża bil-frosta tal-ħtija
fil-kmajra li rat it-telfien.
Jinstema’ bħal għana ta’ ġenna
f’sakrarju li jdawwal l-erwieħ,
u l-anġlu meħlus mill-martirju
fis-sema jittajjar rebbieħ,
Jistenna li jħaddan lil ommu
f’xenarju li qatt ma jsib tmiem,
fejn ebda lament ma jinstema’
u l-għabex ifittex is-sliem.
23/01/2008
Solitarja Moribonda
Fuq is-sodda ta’ mewtha waħedha
qed tistenna s-sentenza bla jedd,
taħseb f’kulm’ għadda minnha f’ħajjitha
u fuq ġbinha minqux il-verdett.
Fuq is-sodda ta’ mewtha waħedha
tisma’ l-passi frakassi resqin,
ritratt kiesaħ ta’ qabar mistoħbi
jittawlilha mit-twieqi mbexxqin.
Fuq is-sodda ta’ mewtha waħedha
tħoss il-fakra fid-dawl tal-musbieħ,
ftila tnemnem taħjilha ġisimha
bla ma tista’ ssib ftit tal-mistrieħ.
Fuq is-sodda ta’ mewtha waħedha
tilmaħ ruħha stampata fi ktieb
b’paġni tqal li jidbielu w jisfaru
u jindifnu fit-tajn tal-miżieb.
Fuq is-sodda ta’ mewtha waħedha
mingħajr vjatku li jsabbar ir-ruħ,
mingħajr daqq mill-qanpiena tan-niket,
taħt għajnejha jitfannad id-dmugħ.
Fuq is-sodda ta’ mewtha waħedha,
f’kjostru-mostru min jaf kemm stenniet
li tinħareġ għall-beraħ tad-dinja,
’mma ġo qalbha lkoll siktu t-tamiet.
Fuq is-sodda ta’ mewtha waħedha,
il-kampanja li nqerdet biż-żmien,
tibqa’ biss f’moħħ mikdud ta’ poeta
krematorju li darba kien ġnien.
08/12/2008
Eliżir ta’ Mħabba Qalbiena
Ħarsitna lejn ix-xefaq madriperla
li kibes bid-demm jgħajjat tal-ulied
fi gżira tarmi l-ġmiel bħall-isbaħ perla
li tixgħel bit-tifkira tal-ġrajjiet.
Għanjitna tixhed l-għaqal ta’ dawn ħutna,
ħaddiema kemm tal-pinna, kemm tal-id
li ħadmu u ħabirku biex lil xtutna
jagħtuhom biss is-saħħa fit-taqbid.
Xeddew korazza tilma bil-qlubija,
meddew idejhom tarka għall-mestier,
rabbew ġenerazzjoni waħdanija
li sarrfet dak li wirtet b’xogħol sinċier.
Mill-ġid li xettlu fostna bi bżulithom
illum qed naħsdu frott il-għerq divin
hekk kif f’kull lotta kiefra ta’ ħajjithom
rebbħithom l-arma safja tat-twemmin.
Mix-xejn fittxew li jsawru meravilja,
ma waqfu qatt jissieltu għall-għarfien,
bil-ħila u bl-għerf tagħhom sabu l-milja
fil-kisba tant mixtieqa tal-ħelsien.
F’għemilhom tidher artna bħal bandiera
tixxejjer tul in-nhar u tul il-lej’
u demmhom jibqa’ jbaqbaq bħal f’minjiera
ħa jgħajjex lill-ulied fiż-żmien li ġej.
Niddakkru minn dawn ħutna jeħtiġilna
fl-imħabba lejn il-ġens tagħna l-Maltin
w filwaqt li nġeddu l-ħalfa li għamilna
nitolbu ’l Alla jżommna magħqudin.
07/07/2009
No comments:
Post a Comment