Thursday, April 21, 2011

Avventura Zgħira f'Ta' Qali - Kumment

Dan huwa kumment li Sergio Grech għoġbu jikteb fuq il-ktieb tiegħi Avventura Żgħira f'Ta' Qali ... u Stejjer Oħra (2010). Hu kumment li deher fuq "In-Nazzjon" tal-Ħamis, 14 ta' April 2011 u anki fuq il-blog tiegħu:

Stejjer Utopiċi

Mhux darba jew tnejn, li l-istejjer li jkunu dehru f’Sagħtar jinġabru fi ktieb. Fost dawn rajna stejjer miktuba minn Francis Ebejer, Carmel G. Cauchi u Kilin.

Hekk ġara wkoll fil-każ tal-istejjer ta’ Patrick J. Sammut. Id-direzzjoni ta’ Kotba Sagħtar iddeċidiet li tippubblika l-istejjer ta’ Sammut li dehru f’din ir-rivista popolari ppubblikata mill-Malta Union of Teachers.

Fil-ktieb Avventura Żgħira f’Ta’ Qali … u Stejjer Oħra, qed jidhru wkoll sensiela ta’ stejjer ġodda li s’issa ma kinux ippubblikati f’Sagħtar. Kull storja ġiet illustrata minn Cliff Xuereb.

L-isem ta’ Sammut mhux isem ġdid għal min hu midħla tal-ktieb u l-qasam letterarju Malti. Tana fost l-oħrajn żewġ kotba ta’ kritika, ġabra ta’ poeżiji flimkien ma’ Stephen Cachia u hu attiv ħafna fil-qasam tal-medja fejn jikteb biex jippopolarizza l-letteratura. Jirsisti fl-Għaqda Poeti Maltin u jeditja r-rivista tal-għaqda Versi.

Fid-daħla tal-ktieb, l-editur tas-sensiela Charles Magro jiddeskrivi l-istejjer ta’ Sammut bħala kitbiet “sempliċi ħafna u ispirati mill-ħajja tat-tfal.” Magro jemmen li dawn l-istejjer jistgħu jiggwidaw ukoll il-qarrejja żgħar fil-bini tas-sentenza.

Waqt li qed naqra dawn l-istejjer ma stajtx ma nosservax li huwa Sammut il-missier li qed jikteb dawn l-avventuri. L-awtur jinħass promotur tal-valuri. Kull storja tagħlaq b’tagħlima li tħeġġeġ valur jew ieħor.

Is-solidarjetà bejn it-tfal u l-ġenerożità huma temi li jinħassu l-ħin kollu. Tema oħra li l-awtur jesprimi hija r-rispett lejn id-diversità u t-tolleranza lejn l-ideat kuntrastanti u differenti; suġġetti li min jaf kemm l-għalliema jitkellmu dwarhom kull ġurnata li tgħaddi.

Diversi stejjer jesploraw il-ħbiberija li għat-tfal hija kardinali u l-kumplessità li din kultant toħloq u jiġġieled il-bullying li llum sar pesta fis-soċjetà Maltija. Sammut huwa konvint li “min jaqsam ma’ ġaru minn dak li għandu jgawdi anki huwa u jgħix hieni.” Huwa jħeġġeġ it-tfal biex jitgħallmu għax dak jiswielhom.

Avventura Żgħira f’Ta’ Qali … u Stejjer Oħra jista’ jiftiehem bħala riċetta għat-tfal biex imissu xfafar mill-utopija.

Ara link: http://ktieb.wordpress.com/2011/04/18/taghrif-gdid-dwar-gazzetti-mitlufa-tas-seklu-dsatax/

No comments: