Ftit tal-ġimgħat ilu ħareġ il-ktieb għat-tfal, AVVENTURA ŻGĦIRA F'TA' QALI U STEJJER OĦRA, ta' Patrick Sammut. Il-pubblikatur huwa l-MUT Publications, u l-ktieb huwa parti mis-sensiela Kotba Sagħtar. AVVENTURA ŻGĦIRA F'TA' QALI U STEJJER OĦRA (2010) jiġbor fih 19-il storja li huma mmirati għall-qarrejja ta' bejn wieħed u ieħor it-tmienja u l-ħdax-il sena. Fih 93 paġna, b'Kelmtejn Qabel ta' Charles Magro, Editur tal-Kotba Sagħtar. Huwa ktieb imżewwaq (inkluża l-qoxra) bid-disinni sbieħ u kkuluriti ta' Cliff Xuereb. Bosta stejjer jittrattaw esperjenzi li jgħaddu minnhom it-tfal, oħrajn iqiegħdu għadd ta' annimali bħala protagonisti, filwaqt li l-ispazji li fihom iseħħu l-azzjonijiet tal-istejjer jimirħu minn Malta, il-Mediterran, l-Orjent, u spazji oħra bħall-foresta jew il-ġungla, il-baħar, il-muntanja, iċ-ċirku, il-belt u l-iskola. Bosta stejjer għandhom mill-istil tal-ħrafa.
Parti żgħira minn dawn l-istejjer kienu diġa' dehru fir-rivista Sagħtar, imma l-bqija qed jidhru għall-ewwel darba. Huma kollha stejjer miktubin b'lingwa u stil mexxejja u li ma jtulux iktar minn tlieta jew erba' paġni u żgur għandhom jinżlu għasel mal-qarrejja żgħar.
No comments:
Post a Comment