L-Erbgħa, 15 ta’ Settembru 2010, l-Akkademja tal-Malti u l-Għaqda Poeti Maltin organizzaw Lejla f’Ġieħ Patri Wistin Born OP f’għeluq il-100 sena minn twelidu. Din is-Lejla, li kienet taħt il-patroċinju tal-E.T. Mons. Pawl Cremona OP, Arċisqof ta’ Malta, saret fil-Kulleġġ San Albert il-Kbir, il-Belt Valletta. L-attendenza kienet waħda tajba ħafna.
Inqraw diversi xogħlijiet ta’ Patri Born minn membri tal-Għaqda Poeti Maltin, filwaqt li Marilyn Borg qrat studju dwar Il-Klassi Soċjali fir-Rumanzi ta’ Wistin Born. Il-parti mużikali kienet f’idejn il-4th System Clarinet Quartet.
Fid-diskors tiegħu, Alfred Massa, President tal-Għaqda Poeti Maltin, tkellem dwar it-tifkiriet li għandu ta’ dan l-awtur. Carmel Azzopardi, President tal-Akkademja tal-Malti, insista dwar l-importanza li l-Għaqdiet tal-Malti jaħdmu aktar flimkien. Patri Frans Micallef, Vigarju tal-Ordni Dumnikana f’pajjiżna, feraħ liż-żewġ għaqdiet talli qegħdin ifakkru kittieb li bil-pinna tiegħu tant għamel ġid lis-soċjeta` Maltija.
Mons. Arċisqof sostna li għalkemm Patri Wistin Born ta sehem kbir fil-letteratura u fix-xandir, l-akbar mertu tiegħu hu li dejjem ta importanza lill-bniedem bħala persuna. Għalhekk, kienet ħaġa xierqa li ż-żewġ għaqdiet fakkru l-100 sena ta’ twelidu. Mons. Cremona fisser li Patri Born barra l-pinna tajba li kellu kien anki predikatur mill-aħjar u b’hekk żamm ħaj il-motto dumnikan li jwassal il-Kelma t’Alla lill-oħrajn.
Il-preżentur tas-Serata kien Charles Magro, Segretarju tal-Għ.P.M. Fi tmiem is-Serata sar trattament għal dawk preżenti.
No comments:
Post a Comment