Thursday, July 02, 2009

INTERVISTAT CHARLES CASHA


1. X’taħseb dwar l-importanza li l-kittieb/poeta jsemma’ leħnu rigward il-qirda tal-ambjent naturali?


Bla dubju ta’ xejn kull kittieb jew poeta għandu jkun impenjat li juru fehmtu dwar il-qerda tal-ambjent. Wara kollox dan huwa dmir ta’ kull ċittadin! Il-poeta bħala bniedem sensittiv forsi aktar minn oħrajn, jifhem u jħoss il-ħsara li ġġib il-qerda tal-ambjent naturali.

2. X’tifhem b’involviment politiku min-naħa tal-kittieb/poeta? Għandu l-kittieb/poeta jgħaddi l-ħsieb politiku tiegħu lil min imexxi lil pajjiżna permezz ta’ vrusu?


Jiena nemmen li kull kittieb jew poeta għandu jkun ħieles li jikteb dak li jrid u li jħoss u għalhekk ma nistax ngħid li għandu bilfors jinvolvi ruħu fil-politika. Imma min-naħa l-oħra nħoss dan il-bżonn li l-kttieb jkun impenjati fil-politika tal-pajjiż. U hawnhekk nixtieq nagħmel distinzjoni. Personalment, il-partiġjaniżmu jdejjaqni f’kull aspett, sew politiku, reliġjuż, soċjali eċċ. Għalhekk il-kittieb jew poeta għandu jidħol f’oqsma speċifiċi fejn għandha x’taqsam il-politika li biha jkun qed jitmexxa l-pajjiż. Nagħti eżempju. Tajjeb li l-kittieba jew poeti juri l-fehma tagħhom dwar l-ambjent, deċiżjonijiet li se jattettwaw il-ġejjieni tal-pajjiż, il-kultura jew is-saħħa tal-poplu. Imma mbagħad ma nistenniex li l-poeta għandu jidħol fi ħwejjeġ ta’ importanza żgħira.

3. Semmi aspett kurrenti li jolqtok u jġagħlek tikteb llum?


Ma tantx nista’ ngħid wisq dwar dan. Ma tantx ktibt poeżija u ma ngħidx li jien xi poeta impenjat. Madanakollu hemm kurrenti li jolqtuni bħal ma huma l-bini bla rażan u ikrah li tant qed jagħmel ħsara lill-pajjiż u flus fil-but lil min hu involut. Hemm ukoll l-immigrazzjoni illegali li tħassibni mhux biss għal Malta imma għall-Ewropa wkoll.

Refuge

Tall buildings surround me
and their shadows engulf me.
Breathless, I try to escape
to find refuge in the open sea.


4. Il-kittieb/poeta jixtieq ir-rispett min-naħa tal-poplu. Imma qabelxejn dar-rispett għandu jiġi mill-istess kittieba/poeti kollegi tiegħu. Kif tirreaġixxi għal dan?


Kull kittieb jixtieq li jgawdi r-rispett u l-ammirazzjoni tal-poplu. Wara kollox x’inhu kittieb jew poeta jekk m’hemmx min lest li jaqra x’kiteb jew jisma’ l-vrus tiegħu ? Imma l-aktar ħaġa li tweġġagħni hi meta tara kittieba jew poeti oħrajn, juri disprezz lejn sħabhom u kollegi tagħhom, kultant ukoll minn wara daharhom. Iddejjaqni ħafna l-kritika destruttiva, l-aktar minn dawk li stabilixxew lilhom infushom bħala xi awtorità,ukoll jekk għandhom sfond kulturali u letterarju biex jagħmlu dan. Il-kritika meħtieġa imma din għandha tkun kostruttiva. Għandna kritiċi serji u kostruttivi u allaħares ma kinux huma. L-Ingliżi jgħidu: One murders to dissect. Tweġġagħni ħafna l-inġustizzja taħt liema forma tkun. U tajjeb ukoll li nsemmi kemm jagħmlu ħsara l-klikek li jagħlqu ċirku tal-ħadid madwarhom u jqisu lilhom infushom bħala superjuri fuq l-oħrajn. Min jagħmel hekk mhux veru li għandu għal qalbu l-letteratura imma aktar moħħu fil-glorja personali. Minn dan kollu xejn ġid ma’ jista’ joħroġ.

5. X’taħseb dwar l-importanza tal-Istorja f’rabta mal-kuntest attwali ta’ Malta fl-Ewropa, imma anki f’rabta mad-dħul kontinwu f’pajjiżna tal-immigranti irregolari mill-Afrika ta’ Fuq?


Bħala individwu jiena nemmen ħafna f’Ewropa Magħquda għalkemm hemm ħwejjeġ li nemmen li iridu jinbidlu. Naħseb li l-kittieba u poeti Maltin għandhom orizzonti ġodda x’jiskopru fl-Ewropa, speċjalment fejn il-letteratura tagħna tista’ tiġi mwassla f’pajjiżi oħrajn bħala traduzzjoni. L-immigrazzjoni illegali hija problema komplessa ħafna u naħseb li l-akbar theddida li hemm hija għall-kultura Ewropea. In-numru kbir ta’ immigranti qiegħed dejjem joktor u għad jiġi żmien meta dawn in-nies, b’kultura għal kollox differenti, li ma jintegrawx ruħhom fil-kultura Ewropea, jibdew jitolbu tibdil li jwassal għall-inkwiet u diżordni. M’iniex razzista, nemmen li xi wħud minn dawn in-nies għandhom bżonn l-għajnuna, nifhem xi problema kbira għandu minn qed jaffaċċja din il-problema, imma nħoss ukoll li għandna noqogħdu ferm attenti għaliex kultant dak li jibda bħala għajnuna jsir dritt.

Poeżija qasira li ktibt meta kont ħdejn nixxiegħa, f’belt antika jisimha ST.IVES, qrib Cambridge, fejn immur ta’ spiss nżur lit-tifla tiegħi li tgħix qrib din il-belt sabiħa. L-ambjent sabiħ u naturali li għad hemm f’St Ives, jagħtik gost ukoll f’temp ikrah. In-nies tal-belt huma kburin bl-istorja ta’ belthom u jibżgħu ħafna għall-ambjent storiku u naturali.

L-Isbaħ Għanja

Waqaft ħdejn in-nixxiegħa
u f’lejla qamrija
l-ilma ġieri,
għannieli
l-isbaħ poeżija.

Charles Casha charles.casha@gmail.com

No comments: