Xi tgħid Therese Pace dwar l-opportunitajiet li joffru għaqdiet bħall-GhPM?
Huma ta' siwi kbir lill-letteratura u għalhekk ta' min jinkoraġġihom u jsostnihom moralment u anki finanzjarjament biex ikomplu jrendu l-frott. Huma l-benniena tal-poeta-tarbija, il-vetrina fejn min għadu qiegħed isib saqajh fix-xena letterarja jista' jesponi xogħlijietu għall-gost u l-kritika kostruttiva. Huma nixxiegħa ta' riżors uman ħeġġien, promoturi senza interessi tal-kelma miktuba, grupp fejn wieħed jitgħallem mill-ieħor, speċjalment mill-poeti diġa stabbiliti u fejn permezz tal-konkorsi annwali li jorganizzaw, wieħed ikun jista' jevalwa f'liema stadju wasal u x'inhuma l-ingredjenti ta' poeżija tajba. Mingħajrhom tħossok iżolat għax huma sors ta' kuraġġ għall-poeti emerġenti, jgħinuk tegħleb kull sens ta' nferjorità u temmen fik innifsek. Jgħinuk bil-pariri u bl-esperjenza tagħhom meta tiġi biex tippublika l-ewwel darba u mhux hekk biss iżda apparti l-appoġġ morali jgħallmuk ukoll (għax imġarrba) saħansitra kif issib suq għall-prodott tiegħek, ħaġa li kull min jippublika jaf kemm hi diffiċli. Dan il-benefiċċju kollu u iktar nista' ngħid li ħadtu jien stess kemm ili membru. Infatti tista' tqis li din l-istess intervista hija eżempju ċar u kontinwazzjoni ta' dan.
X'taħseb dwar l-opportunitajiet li joffri l-internet lil poeti bħalek?
L-internet bla dubju huwa għodda effiċjenti, irħisa, komda u fuq kollox effettiva li tippermetti lil nies bħali li l-mezzi tagħħhom u l-firxa fejn jimirħu huma limitati, jistgħu jmiddu riġlejhom ukoll barra minn xtutna. Li ma kienx għalih żgur li l-pass modest li s'issa għamilt ma kienx ikun possibbli. Għandek id-dinja tmiss mal-ponot ta' subgħajk, opportunitajiet ġodda bla limitu x'tisfrutta, udjenza pronta biex tisimgħek u tevalwak b'mod dirett, insomma lok faċli fejn issib nies bl-istess interess tiegħek u b'kulturi differenti biex magħhom tagħmel skambji elettroniċi ta' ħsibijiet u kultura.. Illum anki kotba sħaħ tista' tpoġġi fuq l-internet u tkun ippublikajt mingħajr ebda spejjeż. Ngħid għalija nfittex li nieħu kemm nista' minn din il-possibilità.
Naf li ħafna mill-poeżiji tiegħek issibhom imferrxin fuq siti elettroniċi differenti. Semmi ftit minn dawn is-siti fejn wieħed jista' jsib il-kitbiet tiegħek.
Il-kitbiet tiegħi nipprova nesportahom kemm nista' għax huma l-vuċi tiegħi u min jisma' lilhom isir jaf li neżisti. X'uħud mis-siti elettroniċi fejn wieħed jista' jsib il-poeżiji tiegħi huma www.freewebs.com/theresepace, http://www.ghpm.netfirms.com/, patrickjsammut.blogspot, european poetry in motion, write me a metaphor, http://www.larioinpoesia.blogspot.com/, ecumenical world patriarchate, tra le parole e l'infinito, poetry malta, Bottega letteraria u oħrajn.
Naf li inti tikteb bil-Malti, bl-Ingliż u bit-Taljan. X''vantaġġi għandu l-poeta meta jikteb b'ilsna differenti?
Nikteb b'dawn il-lingwi għax inħossni komda fihom f'dak il-mument u mhux għal xi vantaġġ partikolari. Huwa fatt, però li inti tkun qed twessa' l-medda ta' fejn timraħ u forsi b'hekk tista' tkattar l-opportunitajiet ta' għarfien u ssib niċċa skond l-istil partikolari tiegħek. Iżda mhux bilfors. Donnu li kull pajjiż, minkejja kollox, għandu l-istil l-iktar imħaddem tiegħu u poeżija ma tintogħġobx l-istess f'pajjiżi differenti. Nazzarda ngħid li t-Taljani għadhom xi ftit iktar konservattivi minn ħaddieħor fejn tidħol il-poeżija. Min-naħa l-oħra, fir-Renju Unit illum titħaddem iktar il-poeproża. Għalhekk tagħmel tajjeb li tifrex djulek kemm tista' għax iktar għandek ċans li għeruqek jaqbdu fis-sod.
Liema huma t-temi ewlenin li tittratta fil-poeżiji tiegħek? X'forom metrici u prosodiċi tħaddem l-iktar?
Temi soċjali u poeżiji deskrittivi nħobbhom ħafna, l-element reliġjuż jinħass qawwi wkoll fil-kitbiet tiegħi, imbagħad ir-romantiku ma jonqosx speċjalment l-imħabba bejn id-diversi ġenerazzjonijiet li tista' tgħid hija l-ħolqa li tifforma l-katina tal-ħajja. L-element tal-maternità -wara kollox jien mara u omm. Inħossni komda ħafna nuża' l-vers ħieles, mhux għal kollox imma, għax inħoss li hu dover tiegħi li kultant nerġa' lura minn fejn tlaqt billi ndaħħal ir-rima talanqas 'l hawn u 'l hinn biex nagħti melodija isbaħ lill-poeżija. Għax poeżija hija melodija. Meta mbagħad inkun qed nittratta tema jew persuna speċjali bla ma rrid arani ndur għall-poeżija tradizzjonali. Dik hija mmortali u għandha postha dejjem. L-iktar, il-vers endekasillabu jew tat-tmienja, għax jinstemgħu ħelwin, mexxejja u melodjużi ħafna. Bħala prosodija il-kwartina u t-terzina li daż-żmien qed tintuża ħafna. Ma jfissirx imma li ma nħaddimx forom oħra wkoll.
L-ewwel ġabra poetika tiegħek ARPEĠĠI kienet ippremjata mill-Kunsill Nazzjonali tal-Ktieb. X'ifisser dan għalik?
Li jkollok l-ewwel attentat ta' pubblikazzjoni tiegħek ippremjat bl-iktar premju ta' prestiġju li jeżisti f'Malta ma jistax jonqos milli jagħtik sodisfazzjon kbir u jagħmillek kuraġġ biex tkompli tikteb u tippubblika. Jurik li għallinqas qbadt id-direzzjoni t-tajba u jħeġġek biex tkompli miexi 'l quddiem waqt li ttejjeb. Ifisser li hemm barra sibt min apprezza l-fatt li għad li l-edukazzjoni tiegħi kienet bażika, minn dak li ħadt, għaraft inrodd lura xi ħaġa pożittiva u fuq kollox ta' ċertu valur letterarju. Ta' dan nirringrazzjahom. Iġġħielni nistinka iktar biex lil min ra xi ftit tat-talent fija issa nagħtih raġun. Mill-bqija trid iżżomm saqajk ma' l-art.
Minn fejn u meta twieled l-interess tiegħek fil-poeżija u fil-kitba in ġenerali?
L-interess fil-poeżija nħoss li twieled miegħi. Dak tal-kitba inġenerali żviluppa iktar tard. Ta' età ċkejkna kont irreċtajt poeżija ta' għoxrin strofa bl-amment fuq il-palk ta' l-iskola għall-ħabta tal-Milied u mort tajjeb ħafna.. Dejjem nafni naqra l-poeżiji u kull fejn immur inġorr il-ktieb miegħi. Barra minn hekk il-kurunelli li kienet tgħid ommi kull fil-għaxija minn dejjem affaxxinawni bir-rima tagħhom. Kienu l-ewwel poeżiji li smajt fuq ħoġor ommi u nħoss li kienu ta' spunt qawwi għalija biex nibda nikteb. Kif kien ukoll il-Pronostku Malti li ma kont infalli qatt milli nixtri meta joħroġ. Dan l-aħħar ktibt ukoll xi novelli bil-Malti, żewġ drammi b'att wieħed bl-Ingliż u lirika għal oratorju lil Sant'Elena li għad irid jiġi mmużikat. Ktibt ukoll leġġenda, imma din ħafna snin ilu.
X'tissuġġerixxi lil min irid ikollu suċċess bħala kittieb jew poeta?
Ġenwinità. Li l-ewwel nett jaqra ħafna kitbiet ta' poeti stabbiliti, li josserva ħafna u jixtarr ħafna għax b'hekk jagħti lewn u varjanzzjoni lill-ħsieb tiegħu meta jiġi biex jikteb. Li jimxi bil-pass tiegħu għax inkella jaqta' nifsu. Imbagħad li ma jaqtax qalbu mill-kritika għax il-kritika hija għodda essenzjali biex tistabbilixxi l-livell li trid tilħaq u biex tagħraf l-isfidi ta' quddiemek. Li jkun oriġinali kemm jista', u joħloq xi tip ta' timbru li jiddistingwieh minn ħaddieħor. Għall-kumplament taħseb il-muża.
Qatt ipparteċipajt f'xi proġett marbut mal-kitba ta' nisa esklussivament?
Proġetti straordinarji le. Ħadt sehem f'xi konkorsi li kienu miftuħa biss għan-nisa, sew fl-Ingilterra kif ukoll fl-Italja, f'iljieli ta' qari f'Malta ddedikati lin-nisa u fi programm letterarju fuq ir-radju min-nisa għan-nisa.
Proġetti futuri?
L-iktar proġett qarib huwa ktejjeb ta' Taħriġ il-Fehem għall-istudenti li ħejjejt flimkien man-neputija li hija għalliema tal-Malti fi skola Sekondarja. Mistenni li jiġi varat fi żmien il-fiera tal-ktieb. Qed naħdem ukoll fuq antoloġija poetika bl-Ingliż għax inħoss li tista' twasslek fejn l-antoloġija bil-Malti, minħabba r-restrizzjoni ta' l-istess lingwa, ma setgħetx tasal. Ta' wara jafu Alla.
No comments:
Post a Comment