Tuesday, April 14, 2015

Versi għal ftuħ l-istaġun tal-kaċċa - Rebbiegħa 2015

REFERENDUM DUM DUM BUM BUM BUM
b’apoloġija lill-politiċi-kanti ta’ stoffa-stuffat u lid-difensuri tat-tradizzjoni.

Referendum dum dumbum bum bum
it-tnabar qed iwissu
is-snieter qegħdin jheddu.
Il-qiegħa qiegħda tisħon
il-borma fuq in-nar
tradizzjonijiet le tmisshom
iż-żmien wasal, il-ħin sar.
U waslet ir-rebbiegħa
il-poplu ferħan bil-bosta
għax wara xitwa kiefra
ix-xemx jeħtieġ jiggosta.
Ħa nnaddfu l-kampanja
nerġgħu nibnu tas-sejjieħ
għaliex minna qegħdin tibżgħu
din ta’ veru, mhux tmelliħ!
Min jixtieq xi passiġġata
fil-kampanja l-mogħdijiet
min jixxennaq it-togħma bnina
tal-gamiem u s-summiniet.
Ajma ħej kieku xi jsir minna
jekk inwarrbu din il-benna?
Xi jsir minnha t-tradizzjoni?
Dan-nuqqas żgur iġenninna!
M’għandniex bżonn tas-supermarkits
u tal-ikel iffriżat
ir-rebbiegħa tant ħanina
bi tjur frisk u bnin tfornina.
Jekk ma nqumx kmieni filgħodu
id-dar naħrab regolarment
u nistrieħ mal-kelb fil-għorfa
bil-kanun kargat kuntent...
Jekk mis-sema ma nniżżilx tajra
nagħmel f’qalbi, nitlef sabri
narma nidgħi, naħlef, nisbel
nagħti żvog lill-istinti.
Jien mhux waħdi, hemm l-eluf,
hemm ir-razza u r-redika
mhux vot wieħed tnejn mitluf
magħna żgur ħadd ma jimpika!
U tinsiex... okkupata l-kampanja
tirfes ’l hawn ara jfettillek
mit-triq gawdi n-natura
kun imbierek d-dar mur lura.
U jekk trid ftit arja friska
ixref ftit mill-gallarija
isma’ r-radju, iftaħ tieqa,
il-vot jgħodd, il-bqija ħlieqa.
Referendum dum dum
bum bum bum...
ħallulna l-identità
f’ġieħ l-eqdem ċiviltà!
Il-barrani hu agħar minna
nittama l’issa ftehimna.
Ħalluna nisparaw.
X’ġej wara? Mbagħ’d naraw!

Patrick Sammut

VERSI GĦAR-REBBIEGĦA 2015...

Bulliżmu, barbariżmu, egoiżmu.
Theddid, ċomb u ħadid.
Tradizzjoni, trapassjoni, 
trasgressjoni, edukazzjoni,
ċertifikati, makdonaldizzazzjoni.
Elezzjoni, voti,
ħasil il-moħħ, idjoti
Ġuda Iskarjoti.
Rambos cowboys u indjani
summien, gamiem, dundjani.
Ajma żaqqi tikkmandani!
Trogloditi u istruwiti,
bilanċ, mentalitajiet mgħawġa ganċ.
Indaqs, daqs kemm?
Ewropej
imma sa fej’?!
Politiċi-politikanti
kukkudrilli, ippopotami,
sangisugi, iljunfanti.
Ħlejjaq ċkejkna
insinifikanti.

Patrick Sammut

AĦMAR DEMM U ISWED DLAM...


F’dan il-pajjiż fejn id-differenza
bejn tir ta’ senter u murtalett ma tingħarafx...
f’dan il-pajjiż fejn l-irġulija titkejjel 
bil-ħoss li tobżoq il-magna tal-karozza
bid-dagħa li wieħed jgħanni...
f’dan il-pajjiż fejn joktru l-opinjonisti
u n-nuċċalijiet tal-vista huma biss għall-apparenza...
f’dan il-pajjiż imsejjes fuq il-pożi
u fejn id-dawl biss tifkira
u d-dlam sar tal-post
il-qtil sar gost, delizzju mhux vizzju...
f’dan il-pajjiż fejn bosta huma hienja
għax bosta jagħmlu dak li jiftlilhom...
f’dan il-pajjiż progressiv, Ewropew
ħabib tat-tradizzjoni...
f’dan il-pajjiż fejn taħkem il-finzjoni
fejn id-demm jixpakka hu fid-demm ta’ bosta...
f’dan il-pajjiż fejn jaħkem l-alla vot
il-ħsieb ġenwin għadu ’l bogħod, remot,
għax hawn jirbaħ is-sens komun
ir-raġuni taħt pett iż-żarbun...
f’dan il-pajjiż senswali
l-aħmar tad-dmija u l-iswed tad-dlam,
it-togħma tas-summien u l-gamiem
ir-riħa tal-iskartoċċ moħli min-nar
il-ħoss iweġġa’ tas-senter sultan, qattiel
u l-uġigħ sieket u jaqta’ ta’ ġerħa
li ma tfieq qatt....

PATRICK SAMMUT

No comments: